Left arrow Mur Lura

RIABILITAZZJONI TAL-MIŻBLIET

PR920
Date Icon 02/07/2002

Il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura jixtieq jirreferi għall-kummenti li għamel l-Onor. Joe Mizzi, dwar ir-riabilitazzjoni tal-miżbliet tal-Magħtab, Wied Fulija u l-Qortin.

Ix-xogħol li qed isir għall-iżvilupp tar-riabilitazzjoni tal-miżbliet tal-Magħtab, tal-Qortin u ta' Wied Fulija, huwa xogħol intensiv u serju, li jimxi mar-regolamenti u l-principji ambjentali ta' l-Unjoni Ewropea. Il-profil xjentifiku ta' dawn il-miżbliet qed issir mill-kumpanija Scott Wilson. Din hija kumpanija internazzjonali li ilha topera għal diversi snin f'aktar minn 50 pajjiż madwar l-Ewropa, l-Istati Uniti, l-Afrika u l-Asja. Il-kumpanija toffri għażla kbira ta' servizzi professjonali relatati ma' l-iżvilupp ambjentali.

Fil-workshop li sar fis-26 ta' Ġunju, ġie diskuss dan il-pjan ta' riabilitazzjoni. L-informazzzjoni dwar l-organizzazzjoni ta' dan il-workshop ingħatat lill-istampa minn kmieni, biex b'hekk kull min kien interessat seta' jattendi. Kien hemm parteċipanti kif ukoll għaqdiet mhux governattivi, li xtaqu wkoll jiltaqgħu mal-konsulenti għal laqgħat privati. Dawn il-laqgħat u l-workshop saru wkoll biex ikomplu jsaħħu proġett ibbażat fuq riċerka rigoruża u djalogu miftuħ, ma' dawk kollha li jistgħu jikkontribwixxu permezz tal-parteċipazzjoni tagħhom.

L-iskop tad-diskussjoni kien li tingħata opportunita' biex l-għaqdiet kollha responsabli, li jimpurtahom minn dawn it-tlett siti u mill-effett li għandhom fuq il-komunita' Maltija, jressqu l-fehmiet tagħhom biex dawn jiġu kkonsidrati matul din l-analizi.

Meta nitkellmu dwar din l-analizi xjentifika, ta' spiss jigi użat b'mod metaforiku it-terminu 'X Ray'. Dan ma jfissirx li din l-analizi tal-Magħtab se tinvolvi xi radjazzjoni elettro-manjetika għax l-effett ambjentali ta' xi ħaġa hekk, jkun wisq kbir. F'din l-analiżi se jintużaw proċeduri xjentifiċi li jirrispettaw obligazzjonijiet internazzjonali, biex ikollna aktar informazzjoni dettaljata dwar x'hemm f'dawn is-siti. It-tħaffir fl-iskart li hemm fis-siti, kif ukoll 'l fuq u 'l isfel fil-gradjent idrawliku, hija proċedura aċċettata mad-dinja kollha, għal investigazzjonijiet bħal dawn.

Din l-analiżi qed titqassam f'erba' fażijiet. L-ewwel pass huwa li tinġabar l-informazzjoni kollha relevanti u appuntu dan il-workshop kif ukoll il-laqgħat li saru s'issa, għenu f'dan il-proċess.

Fit-tieni parti ta' l-analiżi se jsiru field surveys u investigazzjonijiet tas-siti, biex tiġi stabbilita l-preżenza ta' l-iskart tossiku fit-tlett siti. Dan il-proċess jinkludi l-profil tat-temperatura, tal-kwalita' u kwantita' tal-gassijiet, tal-formazzjoni tal-leachate u ta' elementi oħra. F'din l-analiżi jsiru ukoll investigazzjonijiet biex jiġi stabilit il-livell ta' kontaminazzjoni u l-impatt fuq l-elementi ambjentali, bħall-ħamrija, l-ilma frisk fis-saffi tal-blat, il-baħar u l-arja, eċċ.

Wara dan se jiġu żviluppati rapporti bi proposti għall-analiżi speċifiċi li jistgħu jsiru fit-tlett siti b'mod individwali.

Wara din il-fażi, jkun jmiss l-iżvilupp ta' strateġiji ambjentali għar-restawrazzjoni tas-siti. Fir-raba' fażi jsiru rakkomadazzjonijiet għall-programmi ta' implimentazzjoni ta' rimedjazzjoni tas-siti.

Minn dawn l-erba' fażijiet ta' l-analiżi u anki mir-reazzjoni pożittiva li kien hemm wara l-workshop mill-parteċipanti, jidher biċ-ċar li r-riabilitazzjoni tal-miżbliet se tkun pass ieħor 'l quddiem fl-istrateġija għall-immaniġġjar ta' l-iskart u fil-progress lejn sistema professjonali u sostenibbli.

Dan kollu juri kif il-Gvern preżenti qed jieħu bis-serjeta' il-Proġett Skart filwaqt li miexi mad-Direttivi u r-Regolamenti ta' l-Unjoni Ewropea f'dan ir-riġward.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

Aktar Stqarrijiet Right arrow