Left arrow Mur Lura

Il-kwota kollha tal-ħalib se tkun f’idejn ir-raħħala

PR917
Date Icon 01/07/2002

Il-Ministru għall-Agrikoltura u Sajd, l-Onor. Ninu Zammit ħabbar li nbeda’ l-proċess biex il-kwota kollha tal-ħalib, li bħalissa tammonta għal madwar 9.9 miljun gallun fis-sena, tingħata kollha f’idejn ir-raħħala, li allura se jkollhom id-dritt jinnegozjawha kollha.

Il-Ministru Zammit, li kien qed jitkellem waqt il-preżentazzjoni tal-premjijiet lil dawk li ħadu sehem fil-wirja tradizzjonali ta’ l-Imnarja fil-Buskett, spjega li il-kwota li kull raħħal għandu sal-lum hi s-sehem oriġinali tiegħu minn kwota totali nazzjonali ta’ 5.35 gallun fis-sena kif kienet 13-il sena ilu, u 50 fil-mija oħra ma’ dak is-sehem li kienu mislufa lilu mill-Kooperattiva Produtturi tal-Ħalib (KPĦ) u l-Malta Dairy Products (MDP).

Filwaqt li r-raħħal seta’ jinnegozja l-kwota tiegħu, ma setax jinnegozja dik mislufa lilu u li hi ekwivalenti għal 50 fil-mija tal-kwota proprja. Issa, kompla l-Ministru Zammit, il-kwota mislufa se tingħata lir-raħħal u dan se jkun jista’ wkoll jinnegozjaha. Għaldaqstant, il-kwota kollha ta’ 9.9 miljun se ssir kollha tar-raħħala.

Il-Ministru Zammit irrifera wkoll għall-esportazzjoni tal-patata u tenna l-pjan tal-Gvern li din tkun liberalizzata. Hu wera t-tama tiegħu li qabel tibda sseħħ il-liberalizzazzjoni jkunu diġà twaqqfu l-għaqdiet tal-produtturi responsabbli mill-produzzjoni u l-bejgħ tal-patata mkabbra lokalment.

Hu fakkar li s-sena l-oħra kien imġedded għal sentejn il-ftehim li kien hemm għall-esportazzjoni tal-patata lejn l-Olanda u li permezz tiegħu kienu garantiti l-prezzijiet fi żmien li l-kompetizzjoni f’dan il-qasam qed dejjem tiħrax. Il-Ministru Zammit qal li din is-sena kienu esportati lejn l-Olanda mas-6,200 tunnellata patata ta’ diversi varjetajiet, l-aktar iżda Santè u Alpha. Hu ħabbar li mill-kalkoli li saru, issa li qed jinqatgħu l-ispejjeż, il-bdiewa se jirċievu Lm11.30ċ-il qantar.

Il-Ministru Zammit irrifera wkoll għall-għajnuna li se tibda tingħata lill-bdiewa u lir-raħħala mill-ġimgħa li ġejja bħala parti mill-pakkett speċjali ta’ Lm70 miljun biex il-bdiewa u r-raħħala jibqa’ jkollhom dħul xieraq u ġust waqt li tibda titneħħa l-protezzjoni, u biex ikunu wkoll megħjuna jirristrutturaw is-settur tagħhom.

Semma li se tibda tingħata wkoll għajnuna lill-proċessuri mhux biss biex isaħħu l-operat tagħhom iżda wkoll biex il-prezzijiet isiru aktar kompetittivi. L-ewwel għajnuna li se tingħata għal dan l-iskop hi fl-oqsma tal-majjal u tat-tiġieġ, liema għajnuna għandha twassal biex fl-ewwel jiem ta’ Lulju l-prezz tal-majjal jonqos b’7ċ-il kilo, dak tal-bajd jonqos b’5ċ it-tużżana u dak tat-tiġieġ jonqos b’2ċ-il kilo. Jerġa’ jkun hemm tnaqqis sostanzjali ieħor f’dawn il-prodotti mill-bidu tas-sena d-dieħla. B’hekk, se jgawdi wkoll il-konsumatur.

Il-Ministru Zammit fakkar li l-Gvern qed jaħdem fuq sistema ġdida ta’ tassazzjoni favorevoli għall-bdiewa fis-sens li dawn jibdew iħallsu rata baxxa ta’ taxxa relatata mal-valur tal-prodotti li jbiegħu. It-taxxa tibda tinqata’ awtomatikament mill-ħlas u allura l-bdiewa ma jkollhomx għalfejn joqogħdu jżommu l-irċevuti u jagħmlu r-rendikonti wara l-aħħar tas-sena.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

Aktar Stqarrijiet Right arrow