Left arrow Go Back

SKEMI TA’ GĦAJNUNA MILL-GVERN GĦAT-TKABBIR TAD-DWIELI

PR908
Date Icon 28/06/2002

Il-Ministru għall-Agrikoltura u Sajd Ninu Zammit illum ħabbar tliet skemi ta’ għajnuna finanzjarja sostanzjali bl-iskop li tkompli tingħata spinta lit-tkabbir tad-dwieli u titjieb il-kwalità ta’ l-inbid li nipproduċu f’pajjiżna b’mod li dan jikkompeti sew ma’ nbejjed ta’ barra.

Dawn l-iskemi tħabbru waqt żjara li l-Ministru Zammit għamel fuq art privata fiż-Żebbiegħ li kienet riklamata u li fuqha mis-sena li għaddiet bdew jitkabbru kwantitajiet kbar ta’ dwieli għall-produzzjoni ta’ għeneb għall-inbid.

L-ewwel skema mħabbra mill-Ministru Zammit hi marbuta ma’ għajnuna li se tibda tingħata lil dawk li se jkabbru d-dwieli. Din l-għajnuna se tikkonsisti f’għotja diretta sa Lm4,000 għal kull ettaru, ekwivalenti għal Lm450 kull tomna ta’ art li fuqha jitħawlu d-dwieli b’metodi moderni. L-iskema hi b’seħħ minn Jannar ta’ din s-sena.

It-tieni skema tikkonsisti f’għajnuna finanzjarja permanenti ta’ Lm400 kull ettaru, ewkivalenti għal Lm45 kull tomna fis-sena, lil dawk il-bdiewa li jipproduċu l-għeneb.

It-tielet skema hi magħrufa bħala Agriplus, fejn saru arranġamenti ma’ l-APS Bank biex il-Gvern iħallas l-interessi kollha fuq self sa Lm12,000 li l-bdiewa jistgħu jagħmlu għall-iżvilupp tal-vinji.

Il-Ministru Zammit qal li biex wieħed ikun eliġibbli għal dawn l-iskemi ta’ għajnuna finanzjarja jrid jissottometti applikazzjoni fuq formola apposta. Ma’ kull applikazzjoni wieħed irid jippreżenta dokumentazzjoni relatata għat-talba li jkun qed jagħmel. Hu għamilha ċara li t-Taqsima m’hix se toqgħod biss fuq dak li jiddikjara l-applikant, iżda se jsiru spezzjonijiet u verifiki biex ikun żgurat li l-applikazzjonijiet ikunu konformi mar-regoli li jirregolaw l-għoti ta’ għajnuna finanzjarja għall-iżvilupp ta’ dwieli ġodda.

Il-formoli ta’ l-applikazzjoni se jkunu jistgħu jibdew jinkisbu mill-Viticulture and Oenology Unit, Taqsima għas-Servizzi Agrikoli u Żvilupp Rurali, l-Għammieri, jew mill-Uffiċċji ta’ l-Extension Service f’Ħaż-Żabbar, is-Siġġiewi, ir-Rabat, il-Mosta u Għawdex, minn nhar it-Tnejn li ġej, l-1 ta’ Lulju.

Il-Ministru għall-Agrikoltura u Sajd semma wkoll li minbarra din l-għajnuna finanzjarja, il-Gvern qed joffri wkoll għajnuna teknika lil dawk kollha involuti fit-tkabbir tad-dwieli.

Hu qal li għal dan l-iskop fi ħdan it-Taqsima għas-Servizzi Agrikoli u Żvilupp Rurali twaqqfet Unit għall-Vitikultura (tkabbir tad-dwieli) u l-Enoloġija (produzzjoni ta’ l-inbid) b’nies tekniċi, li se jkunu megħjuna minn esperti Taljani bħala parti minn programm ta’ ġemellaġġ finanzjat mill-Unjoni Ewropea. Din il-Unit se tkun responsabbli, fost l-oħrajn, għall-għoti ta’ pariri tekniċi dwar l-iżvilupp ta’ vinji ġodda permezz ta’ prattiċi moderni ta’ immaniġġjar u għall-introduzzjoni ta’ varjetajiet ġodda ta’ dwieli li jistgħu jitkabbru fil-ħamrija u l-klima lokali. Funzjoni oħra ta’ din il-Unit se tkun li timmonitorja u tinforza r-regolamenti l-ġodda li se jsiru bis-saħħa tal-liġi ġdida li saret is-sena l-oħra.

Il-Ministru Zammit spjega li kienet ilha tinħass il-ħtieġa li ssir liġi ġdida bl-iskop li f’pajjiżna nibdew nipproduċu inbid ta’ kwalità skond il-ħtiġiet tas-suq u d-domanda tal-konsumatur. Hu qal li r-regolamenti li qed jitfasslu se jipprovdu, fost l-oħrajn, għall-kontroll tal-prattiċi u l-proċessi użati fil-produzzjoni ta’ l-inbid, id-deskrizzjoni (labelling) u r-reklamar ta’ l-inbid, u t-twaqqif ta’ Bord li jirregola l-inbid u li jkun magħmul minn rappreżentanti tat-Taqsima għas-Servizzi Agrikoli u Żvilupp Rurali, tal-għassara kummerċjali, tal-bdiewa li jkabbru d-dwieli u tal-għaqdiet tal-produtturi.

Il-Ministru Zammit qal li t-tisħiħ tas-settur tal-vitikultura hu parti mill-impenn tal-Gvern li jgħin b’kull mezz possibbli fir-riforma li kulħadd jaqbel li trid issir fis-settur tal-biedja f’pajjiżna biex dan jibqa’ ħaj u sostenibbli. Hu enfasizza, iżda, li l-politika tal-Ministeru ta’ l-Agrikoltura u Sajd m’hix biss li jkabbar dan il-qasam imma wkoll li nibdew nipproduċu għeneb ta’ kwalità li minnu nkunu nistgħu nipproduċu nbid ta’ l-ogħla kwalità.

Dan it-tisħiħ irid isir, kompla l-Ministru Zammit, għaliex il-Gvern tabilħaqq jemmen fil-potenzjal ta’ pajjiżna li jipproduċi nbejjed ta’ kwalità kemm għas-suq lokali kif ukoll għall-esportazzjoni. Hu qal li l-progress qawwi li diġà sar f’dan is-settur, fejn ċerti nbejjed lokali jħabbtuha sew ma’ fost l-aqwa mbejjed ta’ barra, hu xhieda ta’ kemm pajjiżna hu kapaċi jipproduċi nbejjed ta’ l-ogħla kwalità minn għeneb imkabbar lokalment.

Il-Ministru Zammit qal li l-programm tal-Gvern hu li l-art li fuqha jitkabbru d-dwieli kważi titrippla fuq perjodu ta’ 13-il sena billi titla’ minn madwar 320 ettaru li hemm illum għal madwar 1,000 ettaru fis-sena 2014.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow