Iċ-Ċina Lesta Tibgħat Aktar Studenti Jistudjaw Malta
L-Awtoritajiet Ċiniżi huma lesti jibgħatu aktar studenti Ċiniżi sew biex jstudjaw l-Ingliż f’Malta kif ukoll biex jagħmlu korsijiet fl-Università. Huma lesti wkoll li jirċievu studenti Maltin għall-istudju tal-lingwa Ċiniża u għal korsijiet speċjali fl-Universitajiet tagħhom. Dan kien wieħed mill-punti li ż-żewġ naħat qablu li jaħdmu fuqu waqt diskussjonijiet li l-Ministru Louis Galea kellu f’Shanghai din il-ġimgħa. Id-delegazzjoni Maltija waslet lura Malta illum.
Fil-belt ta’ Xi’an, il-post magħruf għat-Terracotta Warriors Museum, il-Ministru Louis Galea iddiskuta ma’ l-awtoritajiet tal-Mużewijiet tal-Provinċja ta’ Shaanxi kollaborazzjoni u skambji fl-oqsma tal-mużewijiet u r-restawr. F’Shanghai id-delegazzjoni Maltija kellha laqgħa uffiċjali mal-Viċi Sindku Zhou Mu Yao. Aktar qabel saru laqgħat fil-Fudan University u fil-Labour College for Trade Union Cedres. F’dawn il-laqgħat iż-żewġ naħat iddiskutew il-kollaborazzjoni bejn l-Universitajiet, il-kulleġġi vokazzjonali u l-oqsma tal-kultura. Shanghai hi muniċipalità ta’ sittax il-miljun ruħ magħrufa bħala l-aqwa ċentru ta’ kummerċ, finanzi u servizzi li żviluppa f’dawn l-aħħar għoxrin sena fiċ-Ċina.
Louis Galea qal li fiċ-Ċina qed tiżviluppa b’rata mgħaġġla dinja ġdida u magħha qed jiżviluppaw ħafna opportunitajtiet ta’ negozju, kummerċ u turiżmu. Iċ-Ċiniżi huma determinati li jirbħu malajr iż-żmien mitluf u jiżviluppaw b’mod bilanċjat fil-mixja tagħhom lejn potenza ekonomika mondjali. Huma qed jgħatu importanza lill-edukazzjoni u lesti jibgħatu studenti Ċiniżi jistudjaw barra l-pajjiż biex iħaffu l-proċess. Bħalissa ċ-Ċina għandha 450,000 studenti jistudjaw f’diversi pajjiżi. Iċ-Ċina bħalissa għandha 340 miljun studenti fis-sistema edukattiv mill-primarja sa l-Università bi 12 il-miljun għalliem. 10 miljun student jattendu f’50,000 skola privata li mhumiex ta’ l-istat.
Il-Ministru Galea qal li dawn il-figuri huma indikazzjoni ta’ l-enormità ta’ l-iskala li wieħed irid iżomm quddiem għajnejh. Malta għandha biss timmira li ssib niċċa ta’ servizzi li tikseb fama ta’ eċċellenza, kwalità, ġenwinità u serjetà. Iċ-Ċiniżi jafu jagħmlu l-business u jgħażlu dak li hu kompetittiv u l-aħjar. Imbagħad lesti jħallsu għas-servizz.
Fil-qasam ta’ l-edukazzjoni, Malta tgawdi fama tajba u s’issa qed iħarsu lejna b’mod posittiv ħafna. Jiddependi mis-settur edukattiv, privat u statali, kif ser jisfrutta din l-opportunità. Jeħtieġ riċerka, serjetà u ġenwinità. Ikun żball jekk nimmiraw għal numri kbar ta’ studenti Ċiniżi u nissagrifikaw sew il-kwalità kif ukoll is-swieq l-oħra Ewropej u Għarab. Wieħed mill-vantaġġi li rridu inżommu hu propju taħlita bilanċjata ta’ nazzjonalitajiet. Student Ċiniz ma jridx imur fi klassi mimlija studenti Ċiniżi li jispiċċaw jitkellmu biss iċ-Ċiniż. Filwaqt li l-Gvern Ċiniż jipprovdi edukazzjoni b’xejn ġewwa ċ-Ċina ħafna minn dawk li jistudjaw barra iħallsu l-ispejjez huma u għaldaqstant jesiġu servizzi ta’ l-aħjar valur.
Il-Ministru Louis Galea qal li l-Gvern Malti ser isaħħaħ il-funzjoni regolatorja u ta’ monitoring fuq l-iskejjel u l-istituzzjonijiet li joffru korsijiet lil barranin biex tiġi assigurata il-kwalità tas-servizz edukattiv u taċ-ċeritifikati li jingħataw. Huwa ser jara ukoll li jkun hemm titjib fil-proċess burokratiku biex dan jiffaċilita b’mod serju u effikaċi l-attrazzjoni ta’ Malta bħala ċentru mill-aqwa għal studenti barranin. Louis Galea temm jgħid li jekk kulħadd jagħmel il-parti tiegħu b’serjetà, bi professjonalità, u bla ħela ta’ ħin Malta taħsad frott immedjat u taħżen ukoll għall-futur. Numru sew ta’ studenti li jiġu Malta fi żmien qasir jispiċċaw fil-quċċata tal-business u l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżhom. Jekk f’Malta dawn ikunu kisbu esperjenza ta’ valur, inkunu qed noħolqu xibka ta’ l-aqwa ambaxxaturi.
Fid-delegazzjoni f’Shanghai ħadu sehem ukoll is-Segretarju Permanenti, is-Sur Paul Attard, ir-Rettur ta’ l-Università, il-Prof. Roger Ellul Micallef, is-Sur Patrick Cassar mill-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin, Dr Joe Pirotta mill-Ambaxxata ta’ Malta fiċ-Ċina u s-Sur Frank Mifsud, Assistant Personali tal-Ministru. Is-Sinjura Vincienne Galea akkumpanjat lill-Ministru Galea.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN