SELF LI KIENU GĦAMLU STUDENTI TA' L-UNIVERSITÀ
Il-Ministru ta' l-Edukazzjoni Dr. Louis Galea, kiteb lil numru ta' gradwati ta' l-Università li kisbu riżultati eċċellenti fl-eżamijiet finali tagħhom biex jinfurmahom lil-Gvern ħallsilhom is-self li kienu għamlu mal-banek taħt l-iskema ta' self li kien daħħal Gvern precedenti meta naqqas l-istipendju għal Lm50 fix-xahar.
Il-Gvern precedenti kien daħħal skema ġdida fejn l-istipendji ġew imnaqqsa għal Lm 50 kull xahar. L-istudenti kienu wkoll setgħu jagħżlu li jissellfu somma ta' Lm 50 fix-xahar mill-banek. Kif jidher fl-arranġamenti li saru mal-banek, il Gvern kien intrabat li jħallas l-interessi fuq dan is-self sa sentejn wara li l-istudenti jispiċċaw il-kors li kienu qed isegwu jew inkella sa meta l-istudenti jibdew jaħdmu.
Din l-iskema kienet laħqet ġiet offruta biss lil dawk l-istudenti li daħlu fl-Università f'Ottubru 1997 u Ottubru 1998 għaliex f'Ottubru 1999 il-Gvern preżenti daħħal sistema ġdida ta' stipendji. Bis-sistema preżenti, student li jagħmel erba' snin fl-Università jieħu Lm 1560 aktar milli kien jieħu taħt l-iskema tal-Gvern precedenti. L-iskema l-ġdida tinkludi wkoll sistema ta' smart card biex l-flus li jingħataw l-istudenti biex jixtru materjal edukattiv jintużaw biss għal dan l-iskop.
Mill-4,883 studenti li kienu eliġibbli biex jagħmlu s-self 935 student (19.15%) biss kienu għamlu użu minn dan is-servizz. Fl-ewwel sena (Ottubru 1997) mill-2,422 student li daħlu fl-Università 498 student (20.56%) għamlu s-self, u fit-tieni sena (Ottubru 1998) mill-2,461 student 437 (17.76%) isselfu l-flus.
Fid diskors tal-Budget għal-1998, il-Ministru tal-Finanzi ta’ l-amministrazzjoni precedenti, l-Onor. Leo Brincat kien qal li l-Gvern kien se jħallas s-self ta' dawk l-istudenti li jiksbu riżultati eċċellenti, iżda iż-żmien ma ttieħdet l-ebda azzjoni konkreta biex dan iseħħ. Wara l-verifiki meħtieġa l-Gvern preżenti iddeċieda li jħallas is-self ta' dawk l-istudenti kollha li kisbu riżultat ta' "First Class Honours, Category I, Pass with Distinction". Dawk li għal xi raġuni jew oħra kienu diġà ħallsu lura l-ammont dovut se jirċievu ċekk mill-Gvern bl-ammont dovut.
Il-Ministru ta' l-Edukazzjoni jixtieq jgħarraf ukoll li se jkompli jħallas l-interessi ta' dak is-self li kien sar taħt din l-iskema skond il-kondizzjonijiet oriġinali, jiġifieri sa sentejn wara li jispiċċa l-kors jew sa meta l-istudenti jibdew jaħdmu.
Dawk l-istudenti li lhom sentejn minn meta spiċċa l-kors tagħhom jew li bdew jaħdmu, se jibdew iħallsu l-interessi sħaħ fuq is-self li kienu għamlu. Dawn l-istudenti diġà ġew mgħarrfa dwar dan b'ittra mill-banek tagħhom. Min għandu bżonn aktar tagħrif jew għandu xi diffikulta' dwar din l-iskema għandu jċempel lis-Sur Mario Bugeja fuq 2598 2754.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN