Tlestiet l-ewwel parti tar-riabilitazzjoni ta’ Ġnien Romeo Romano
Is-sehem qawwi li l-Ministeru ta’ l-Agrikoltura u Sajd qed jagħti fir-riabilitazzjoni ta’ Ġnien Romeo Romano f’Santa Venera hu xhieda mill-aktar ċara ta’ l-impenn tal-Gvern preżenti li jibqa’ jagħti kull għajnuna possibbli lill-Kunsilli Lokali, minbarra l-miljuni ta’ flus li qed jgħaddilhom kull sena.
Dan qalu l-Ministru għall-Agrikoltura u Sajd, l-Onor. Ninu Zammit meta l-bierah inawgura l-ewwel fażi tar-riabilitazzjoni ta’ Ġnien Romeo Romano, filwaqt li għadda f’idejn il-Kunsill Lokali ta’ Santa Venera l-amministrazzjoni tal-mużew ta’ għodod antiki tal-biedja.
Il-Ministru Zammit semma li ħaddiema mill-Urban and Rural Landscaping Unit tat-Taqsima għas-Servizzi Agrikoli u Żvilupp Rurali ilhom għal dawn l-aħħar sentejn involuti f’xogħlijiet estensivi ta’ rinovazzjoni u restawr fl-aktar partijiet storiċi ta’ dan il-ġnien, li jifforma parti mill-istorja ta’ pajjiżna, peress li nbena fi żmien il-Gran Mastru de Vilhena, u jista’ jibda jservi wkoll bħala attrazzjoni turistika.
Hu qal li f’dawn il-ġnien kienet ilha ma ssir manutenzjoni estensiva għal żmien twil u minkejja l-ammont ta’ ilma li jirrikjedi biex jinżamm fi stat tajjeb, kien hemm problema kbira ta’ ħażna ta’ ilma. Għaldaqstant tnaddfu u tbattmu bir u ġibjun biex b’hekk dawn qed issa jipprovdu ħażna tajba ta’ ilma.
Waqt din l-operazzjoni nstab ġibjun ieħor ta’ ċertu daqs, li tant hu maħdum bis-sengħa u tant jipprovdi attrazzjoni sabiħa, li hemm il-ħsieb li jibda jintuża bħala attrazzjoni għall-pubbliku. Dan il-ġibjun kien jeħtieġ xogħol estensiv ta’ restawr.
Saru wkoll kanali u katusi ġodda għall-ilma, kienet restawrata u nġiebet għall-istat oriġinali tagħha sienja li hemm qrib waħda mid-daħliet għall-ġnien, inksew biċ-ċangatura diversi passaġġi, saret sistema ġdida ta’ l-elettriku, sar xogħol ta’ manutenzjoni fil-mużew u fir-razzett, tneħħew mal-100 skip ta’ materjal ħażin, u tranġat il-bitħa li tagħti għall-mużew.
Il-Ministru Zammit qal li llum kulħadd jaqbel x’bidla rnexxielhom iġibu l-Kunsilli Lokali mhux biss b’mod ġenerali fil-pajjiż iżda ukoll fil-lokalitajiet tagħhom. Hu wera l-apprezzament tiegħu għall-fatt li ħafna Kunsilli jieħdu inizjattivi li jmorru oltre l-funzjonijiet li għandhom sal-lum, fosthom inizjattivi favur il-wirt storiku u naturali li għandna f’pajjiżna, bħalma qed isir fir-rigward ta’ dan il-ġnien.
Hu ħeġġeġ biex jonqos il-vandaliżmu minn postijiet bħal dawn għaliex il-ħsara li ssir mhux biss tħassar id-dehra tal-post iżda tfisser ukoll ħela ta’ ammonti kbar ta’ flus biex il-ħsara tissewwa.
Il-Ministru Zammit awgura li bir-riabilitazzjoni estensiva li qed issir, dan il-ġnien ikompli jżid fil-popolarità tiegħu anki mat-turisti peress li minbarra li hu post ta’ mistrieħ, għandu ferm aktar x’joffri f’dak li hu wirt storiku.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN