Left arrow Mur Lura

Lm14-il miljun f’għajnuna lis-settur tal-majjal

PR891
Date Icon 24/06/2002

Bħala parti mill-pakkett speċjali ta’ għajnuna li tħejja mill-Gvern biex il-produtturi fis-settur tal-biedja megħjuna jilqgħu għat-tneħħija tal-protezzjoni kif ukoll biex jirristrutturaw is-settur tagħhom, dawk li jrabbu l-majjal mistennija jibbenefikaw minn pakkett ta’ Lm14-il miljun mifrux fuq 12-il sena.

Din l-għajnuna se tibda tingħata mix-xahar id-dieħel u għandha wkoll tirrifletti ruħha f’roħs fil-prezz ta’ prodotti tal-majjal lill-konsumatur.

Dan qalu l-Ministru għall-Agrikoltura u Sajd, l-Onor. Ninu Zammit meta il-bierah tkellem fil-laqgħa ġeneral annwali tal-Kooperattiva ta’ Min Irabbi l-Majjal (KIM).

Il-Ministru Zammit semma li fil-preżent jeżistu diversi tipi ta’ levies fuq il-majjal. L-anqas levy hi ta’ 70ċ-il kilo. Hu qal li dawn il-levies se jonqsu b’20 fil-mija mill-1 ta’ Lulju. Mill-istess ġurnata, dawk li jrabbu l-majjal se jibdew jirċievu għajnuna mingħand il-Gvern li tkun tammonta għal 7ċ kull kilo fil-piż tal-majjal li jdaħħlu għal qatla fil-biċċerija. Dawn is-7ċ jingħataw biss fuq piż ta’ 83 kilo għal kull majjal biex ikun żgurat li l-piż tal-majjal li jiddaħħal għal qatla ma jaqbiżx il-kwota eżistenti.

Il-Ministru għall-Agrikoltura qal li fil-preżent, skond il-kwota stabbilita, fil-biċċerja jidħlu għal qatla medja ta’ 2,370 majjal fil-ġimgħa. Fil-fatt, matul is-sena li għaddiet inqatlu 123,279 majjal b’piż totali ta’ 9,930,261 kilo filwaqt li s-sena ta’ qabel kienu nqatlu 121,227 majjal b’piż totali ta’ 9,518,792. Fl-ewwel ħames xhur u nofs ta’ din is-sena l-qatla żdiedet bi kawżi 1,000 majjal minn 55,339 is-sena l-oħra għal 56,334 fl-istess perjodu din is-sena.

Hu fakkar li matul is-sena li għaddiet, minħabba l-biża’ maħluqa mill-marda tal-Mad Cow fis-settur taċ-ċanga, żdiedet sostanzjalment id-domanda għal-laħam tal-majjal u għaldaqstant, anki bi ftehim ma’ dawk li jrabbu l-majjal, kellhom ikunu mpurtati 1,330 tunnellata metrika ta’ majjal għall-ipproċessar.

L-għajnuna m’hix se tingħata biss lil dawk li jrabbu l-majjal, iżda qed tkun ippjanata wkoll għajnuna għall-proċessuri biex dawn isaħħu s-sistemi ta’ produzzjoni biex dawn ikunu konformi mar-regoli li jiggarantixxu ħarsien akbar u kwalità aqwa għall-konsumatur.

Hu qal li minbarra s-7ċ kull kilo bejn Lulju u Diċembru ta’ din is-sena, dawk li jrabbu l-majjal se jingħataw 1ċ ieħor kull kilo biex ikunu megħjuna jżidu l-effiċjenza fl-irziezet tagħhom. Mill-ewwel tas-sena d-dieħla, din l-għajnuna għal ristrutturar fl-irziezet titla’ għal 2ċ-il kilo u r-roħs fil-prezz tal-majjal frisk ikun ta’ 15ċ-il kilo.

Dan minbarra għajnuna oħra li jistgħu jiksbu billi ma jħallsux interessi fuq self sa Lm12,000 li jistgħu jagħmlu mill-Banek għal xogħlijiet marbuta mat-tisħiħ ta’ l-immaniġġjar ta’ l-iskart fl-irziezet tagħhom.

Barra minn hekk, dawk li jkabbru l-majjal, kompla l-Ministru Zammit, se jkunu jistgħu jibbenefikaw ukoll minn għajnuna oħra permezz tal-Pjan ta’ Żvilupp Rurali li għadu kemm tħejja b’konsultazzjoni sħiħa ma’ kull min hu involut fis-settur.

Il-Ministru Zammit irrifera wkoll għal xogħlijiet ta’ rinovazzjoni u immodernizzar li saru u qed isiru fil-kumpless tal-biċċerija biex mhux biss ikomplu jogħlew il-livelli ta’ iġjene u saħħa iżda wkoll biex tkompli titjieb il-kwalità tal-prodott.

Hu semma, fost l-oħrajn, ix-xogħol li qed isir biex titkabbar il-linja tal-qatla tal-majjal bl-iskop li jkun jista’ jinqatel aktar majjal f’anqas ħin. Hu qal li fil-preżent jistgħu jinqatlu bejn 100 u 120 majjal fis-siegħa u bit-tkabbir li se jsir se jkunu jistgħu jinqatlu madwar 150 majjal fis-siegħa. Dan it-tkabbir kien meħtieġ li jsir fid-dawl tal-fatt li l-linji tal-qatla privati m’għadhomx jiffunzjonaw.

Il-Ministru Ninu Zammit qal ukoll li fir-rigward tal-ġenetika tal-majjal, it-Taqsima ta’ l-Ikel u Attività Veterinarja bdiet taħdem fuq proġett biex ir-razzett ta’ Kemmuna jispiċċa u minfloku jinbena ieħor f’Malta. B’hekk, il-KIM teħles mill-ispejjeż żejda ta’ għexieren ta’ eluf ta’ liri minfuqa kull sena fuq trasport ta’ materjal lejn u minn Kemmuna. Barra minn hekk, fir-razzett il-ġdid jiddaħħal l-operat li l-KIM fil-preżent għandha fil-Farm Sperimentali ta’ l-Għammieri.

Il-Ministru Zammit semma wkoll li se jinġieb Malta konsulent dwar il-majjal biex jagħti l-għajnuna tiegħu fis-settur tal-majjal, u b’mod partikulari dwar il-ġenetika, in-nutriment u l-immaniġġjar. Hu se jħarreġ ukoll Maltin involuti fl-industrija tal-majjal.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

Aktar Stqarrijiet Right arrow