Left arrow Mur Lura

ĠIET INAWGURATA L-EWWEL VINJA F’GĦAWDEX

PR878
Date Icon 21/06/2002

L-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, dalgħodu fetħet uffiċjalment l-ewwel vinja tal-Marsovin f’Għawdex, waqt attività li saret fir-Ramla.

Waqt diskors ta’ l-okkażjoni l-Ministru stqarret li “l-okkażjoni ta’ dalgħodu hija waħda pożittiva ferm għal tlett raġunijiet, primarjament mill-aspett agrikolu, iżda wkoll minn dak turistiku u mill-qasam tax-xogħol. Il-qasam agrikolu qed jiġi ndirizzat b’mod dirett fejn prodotti ta’ kwalità ġew imħawla f’din il-medda art.” Għawdex hu gżira fejn is-settur agrikolu hu wieħed ħaj u jikkontribwixxi ferm għall-iżvilupp ekonomiku tiegħu. L-attività ta’ dalgħodu kienet waħda li kompliet tagħti s-sostenn lejn dan il-qasam daqshekk importanti għall-gżira.

Fost l-oħrajn, stqarret il-Ministru Debono, “huwa xieraq li l-qasam agrikolu jiżviluppa permezz ta’ strateġija adattata fejn jinħolqu niċeċ ta’ prodotti ta’ kwalità illi jiġu mkabbra hawnhekk. Għalhekk, l-okkażjoni ta’ dalgħodu hija importanti għaliex il-Marsovin qed tikkonferma u timplimenta d-deċiżjonijiet tagħha sabiex dan il-qasam f’Għawdex ikompli jiffjorixxi b’mod sostenibbli.

Hija okkażjoni pożittiva wkoll għal raġuni oħra: dik turistika, jew agro-turistika. Il-Ministeru għal Għawdex jemmen li jeħtieġ li għal gżiritna jinħolqu wkoll niċeċ turistiċi li jattiraw sezzjonijiet partikolari ta’ turiżmu fejn turisti jżuru lill-gżira waqt żminijiet partikolari tas-sena. Kien fid-dawl ta’ dan li ftit ġimgħat ilu ġie inawgurat il-proġett ta’ Mixjiet fil-Kampanja. Il-fattur li f’Għawdex għandna kampanja relattivament mhux mittiefsa hija asset li aħna lkoll nistgħu nisfruttaw għall-vantaġġ tagħna. L-agrikoltura għalhekk tikkontribwixxi bis-sħiħ sabiex Għawdex ikun iktar aħdar u għammiel, riżultat ta’ hekk ikun li l-pakkett imsejjaħ "Għawdex" ikun iktar attraenti.

Il-ftuħ ta’ din l-ikbar vinja għal Għawdex mill-kumpanija Marsovin hija wkoll konferma ta’ l-impenn, mhux biss tal-Gvern Malti, imma wkoll tas-settur privat fil-potenzjal tal-prodott tipiku u, iktar minn hekk, tal-ħaddiem Malti u Għawdxi. Dan għaliex il-kumpanija Marsovin qed tinvesti mhux biss fl-art agrikola, imma wkoll fir-riżorsi umani f’Għawdex sabiex il-prodott manifatturat hawnhekk jilħaq livelli għolja. Il-Ministru Debono rringrazzjat lill-kumpanija Marsovin tal-fiduċja li qed turi f’Għawdex u l-Għawdxin fil-produzzjoni ta’ għeneb ta’ kwalità.

Din hi l-ewwel vinja tal-kumpanija Marsovin f’Għawdex, fuq art ta’ madwar 35 tomna raba’. Id-dwieli li ġew imħawla huma tar-razza Chardonnay u Pinot Bianco. Is-Sur Tony Cassar, Chairman tal-kumpanija Marsovin indirizza lill-membri ta’ l-istampa.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

Aktar Stqarrijiet Right arrow