Left arrow Go Back

IL-MINISTRU LOUIS GALEA FI ŻJARA FIĊ-ĊINA

PR877
Date Icon 21/06/2002

F’laqgħat ma’ awtoritajiet għolja f’Beijing, il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Dr Louis Galea, wettaq negozjati għal aktar kooperazzjoni bejn Malta u ċ-Ċina fl-oqsma tax-xjenza u t-teknoloġija, l-edukazzjoni u l-kultura. Iż-żewġ naħat affermaw l-istat tajjeb ħafna tar-relazzjonijiet u ħbiberija ta’ bejniethom u saħħu l-impenn biex b’aktar modi konkreti ikattru l-frott ta’ dawn ir-relazzjonijiet għall-ġid u l-prosperità tal-popli tagħhom. Fil-laqgħat il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni kien assistit mill-Ambaxxatur Malti għaċ-Ċina, is-Sur Saviour Borg, mis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru, is-Sur Paul Attard, u mir-Rettur ta’ l-Università, il-Professur Roger Ellul Micallef. Fid-delegazzjoni Maltija qed jieħdu sehem ukoll l-Assistent Direttur għall-Affarijiet Bilaterali fil-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin, is-Sur Patrick Cassar, il-Kunsillier fl-Ambaxxata Maltija, Dr Joe Pirotta, u l-Assistent Personali tal-Ministru is-Sur Frank Mifsud.

Fil-laqgħa tagħhom il-bieraħ il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Ċiniża s-Sinjura Chen Zhili u l-Ministru Louis Galea iffirmaw dokument dwar programm ta’ ħidma li permezz tiegħu ser jingħataw scholarships, jistabbilixxu relazzjonijiet bejn istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja, u jaraw li ssir riċerka f’oqsma ta’ interess komuni għaż-żewġ naħat. Huma iddiskutew l-iżviluppi u r-riformi li qed iwettqu fl-edukazzjoni fiż-żewġ pajjiżi. Filwaqt li hemm differenza enormi fid-daqs taż-żewġ pajjiżi, iż-żewġ naħat għarfu li qed jiffaċċjaw problemi u soluzzjonijiet jixxiebħu fil-qasam ta’ l-edukazzjoni. Il-Ministru Galea għadda dokument lill-Ministru Ċiniża bi proposta biex jikkollaboraw flimkien għat-tagħlim fl-iskejjel Ċiniżi tal-Creative Thinking Skills kif maħsub u ddisinjat mill-Professur Edward de Bono, li kiseb fama mondjali bil-kunċett tal-Lateral Thinking. Il-Ministru Galea stieden lill-Ministru Zhili biex iżżur Malta ħalli jkomplu d-diskussjonijiet u jikkonkludu l-ftehim b’termini aktar wiesa’ ta’ riferenza.

Il-Ministru Galea ltaqa’ wkoll mal-Viċi-Ministru tax-Xjenza u t-Teknoloġija, Dr Liu Yanhua, u ddiskutew l-abbozz ta’ ftehim ta’ kollaborazzjoni li qed jitħejja għall-iffirmar bejn iż-żewġ pajjiżi.

Laqgħa oħra importanti tal-Ministru Louis Galea kienet mal-Ministru tal-Kultura Sun Jiazheng. Iż-żewġ naħat tkellmu dwar l-iżviluppi fil-qasam tal-kultura. Huma fakkru fit-twaqqif taċ-Ċentru Kulturali Ċiniż li mistenni jiġi inawgurat aktar tard din is-sena f’Malta, kif ukoll fir-rikonoxximent ta’ Malta bħala destinazzjoni approvata għat-turisti Ċiniżi. Il-Ministru Galea fisser x’qed jitwettaq f’Malta f’dan is-settur u spjega li hemm oqsma fejn il-kollaborazzjoni tista’ tkun effettiva, fosthom, ħidma maċ-Ċentru Malti tar-Restawr, il-Koperattiva Kulturali ta’ l-Università, l-Arkeoloġija, u l-iżvilupp tal-Creative Thinking ta’ Edward de Bono. Iż-żewġ Ministri qablu li jiġu organizzati f’Malta konferenzi internazzjonali dwar iċ-ċivilizazzjoni Ċiniża u dik Mediterraneja. Il-Ministru Galea stieden lill-Ministru Jiazheng iżur Malta.

Fuq livell politiku, il-Ministru Louis Galea kellu laqgħa mal-Viċi-Prim Ministru Li Lanqing li huwa wkoll membru ta’ l-Standing Committee tal-Politburo tal-Gvern Ċiniż. Wara li l-Viċi-Prim Ministru Lanqing ta merħba lid-delegazzjoni Maltija huwa fisser l-impressjonijiet sbieħ li għad għandu taż-żjara li għamel f’Malta sentejn ilu. Il-Ministru Galea beda billi wassal it-tislijiet tal-President de Marco u l-Prim Ministru Fenech Adami u fakkar fiż-żjara f’Malta sena ilu tal-President Jiang Zemin, li kien insista li t-tisħiħ tal-kooperazzjoni ekonomika irid iseħħ b’intensifikazzjoni ta’ skambji kulturali li huma importanti għall-iżvilupp tal-paċi. Il-Ministru Galea qal li l-poplu Malti japprezza ħafna l-għajnuna li rċieva s’issa fit-tletin sena ta’ relazzjonijiet diplomatiċi bejn iż-żewġ pajjiżi. Il-Ministru tkellem dwar il-progress fin-negozjati ta’ Malta għal sħubija fl-Unjoni Ewropea, l-iżviluppi li qed iseħħu fit-tarzna u l-bżonn li ċ-Ċina tikkonsidra aktar xogħol għat-tarznari Maltin, it-twaqqif ta’ trade distribution centre Ċiniż, investiment Ċiniż f’Malta, u ir-ristrutturar ta’ l-ekonomija Maltija.

Il-Viċi Prim Ministru Lanqing iddeskriva lill-poplu Malti bħala wieħed intelliġenti, erojku u diliġenti. Huwa qal li ċ-Ċina, bħal Malta, soffriet ħafna fil-gwerra u jittama li l-gvernijiet illum jistgħu jevitaw il-gwaj għall-ġenerazzjonijiet tal-lum u ta’ għada. Huwa qal li ċ-Ċina hija konċernata dwar il-paċi u s-sigurtà fid-dinja u lesta tikkollabora fil-ġlieda kontra t-terroriżmu. Lanqing qal li ċ-Ċina tibbaża l-politika tagħha fuq tlitt punti: Dinja ta’ multi-polarità fejn il-pajjiżi kollha, kbar u żgħar, ikunu trattati indaqs; l-gharfien tal-kulturi differenti – il-popli m’għandhom l-ebda għażla jekk iridu jgħixu fil-paċi ħlief li jirrispettaw il-kulturi diversi ta’ xulxin; u t-trażżin tal-qasma bejn il-fqar u s-sinjuri f’ekonomija globalizzata.

Iż-żewġ Ministri tħaddtu wkoll dwar il-konflitt fil-Lvant Nofsani bejn il-Lhud u l-Palestinjani. Il-Ministru Lanqing irrifera għaċ-Ċentru Kulturali Ċiniż, u qal li ħa nota dwar it-tiswija ta’ vapuri fit-tarznari Maltin. Huwa wera wkoll interess fil-proġett ta’ l-e-Government u l-e-Malta li qed iwettaq il-Gvern Malti.

Id-delegazzjoni Maltija qed tkompli ż-żjara tagħha fiċ-Ċina bi żjajjar u laqgħat f’Xi’An u Shangai.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow