Avviż Legali li jirregola l-ħruġ tal-Liċenzji mill-Kunsilli Lokali lill-bejjiegħa tal-festi.
"L-obbligu li kull min jiġġestixxi attivita' kummerċjali jrid ikollu liċenzja tan-negozju qiegħed ikun aktar imsaħħaħ permezz ta’ l-avviż legali li jirregola l-ħruġ tal-liċenzji mingħand il-Kunsilli Lokali." Dan qalu s-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru ghas-Servizzi Ekonomici, l-Onor. Edwin Vassallo fil-laqgħa li fiha ntroduċa dan l-avviż legali lil Assoċjazzjoni tal-Bejjiegħa tal-Festi, fejn is-Segretarju Parlamentari spjega kif għall-ewwel darba, issa l-Kunsilli Lokali għandhom id-dmir li joħorġu l-liċenzji għall-bejjiegħa tal-festi minflok il-pulizija.
L-Avviż Legali jagħti direzzjoni lill-Kunsilli Lokali kif ghandhom jinħarġu l-liċenzji, jingħataw il-posti u kif jistgħu jkunu identifikati postijiet ġodda fejn jistgħu jingabru l-bejjiegħa tal-festi.
Dwar l-Avviż Legali u l-priorita’ li qed jagħti lill-istess proċeduri, li l-bejjiegħa tal-monti kienu ilhom jużaw ghal dawn l-aħħar snin, is-Segretarju Parlamentari qal li minn dan il-proċess tal-ħruġ tal-liċenzji, wieħed jista' jara li l-obbligu tal-Kunsill Lokali huwa li jagħti preċedenza lill-bejjiegħa, ghal kif kienu diġa’ qegħdin jarmaw. Dan ifisser li fil-każ ta' identifikazzjoni ta' postijiet ġodda għall-bejjiegħa, il-priorita' trid tingħata lil min kien diġa jarma f'dik il-lokalita' u għall-posta li fiha kien jarma.
L-intenzjoni tal-Gvern li joffri din id-direzzjoni lill-Kunsilli Lokali permezz ta' dan l-Avviż Legali kienet sabiex ikun aċċertat li l-Kunsilli Lokali kollha jsegwu l-istess proċedura li kienet tintuża għal bosta żmien, qabel ma daħal fis-seħħ dan l-avviz legali. “Dan ifisser li dan l-avviż legali qiegħed jirrispetta l-proċeduri li l-bejjiegħa tal-festi ilhom żmien jipprattikaw bejniethom", kompla jgħid is-Segretarju Parlamentari Vassallo.
L-Onor. Edwin Vassallo awgura li dan il-proċess jitħaddem tajjeb biex b'hekk il-bejjiegħa tal-festi jkollhom l-aħjar opportunita' li permezz tagħha jkunu jistgħu jibqgħu jaħdmu mingħajr tfixkil; kif ukoll il-Kunsilli Lokali issa għandhom direzzjoni ta' kif ghandhom jallokaw il-posti, bla ma jkun hemm possibilita' ta' preferenzi bejn il-bejjiegħa.
Dan l-avviz legali huwa pass ieħor 'l quddiem lejn l-organizzazzjoni ta' struttura ta' liġijiet li għandha tgħin biex f'pajjiżna jkollna l-ahjar enforcement, li ma jippermettix lil min jaħdem bla permess. Dawn l-istess ligijiet għandhom ikunu l-istrutturi li permezz tagħhom nagħmluha diffiċli li f'pajjiżna jkollna min jaħdem bla permess.
Għal kull bejjiegħ tal-festi li jrid jarma l-Kiosk tieghu biex ibiegħ fil-Festi, dan l-Avviż Legali għandu jkun ta' direzzjoni li jgħinu jkun jaf x'inhuma l-obbligazzjonijiet tiegħu.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN