Ġbir ta' tankijiet mill-ħitan tas-sejjieħ
Is-Sezzjoni għall-Parks u Konservazzjoni tal-Pajsaġġ fi ħdan it-Taqsima tax-Xogħlijiet tal-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura tinforma lill-pubbliku li matul dan ix-xahar, qed jitwaħħlu avviżi lil sidien jew okkupanti ta' għelieqi fejn qed jintużaw tankijiet u oġġetti oħra fil-kampanja minflok ħitan tas-sejjieħ jew għal finijiet oħra.
L-Avviz Legali 160/1997 jagħti poter lill-Gvern li wara sitt ġimgħat mill-avviż li qed jingħata, dawn it-tankijiet, jew oġġetti oħra, jitneħħew mill-Gvern a spejjeż tas-sidien jew l-okkupanti li għandhom id-dmir iżommu l-ħitan ta' l-għelieqi tagħhom fi stat tajjeb u bl-obbligu li jneħħu dawn l-oġġetti huma.
Qabel ma jittieħdu dawn il-miżuri, il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura ser jagħti l-għajnuna biex dawn it-tankijiet, jew oġġetti oħra, jitneħħew minn kull lokalita'. Bejn l-1 u l-14 ta' Lulju u bejn id-29 ta' Lulju u l-14 ta' Awissu, uffiċjali tat-Taqsima tax-Xogħlijiet ser ikunu jaħdmu minn Ħaż-Żabbar u l-Imġarr rispettivament, biex jgħinu lis-sidien jew l-okkupanti ineħħu t-tankijiet mill-għelieqi tagħhom.
Is-Sezzjoni għall-Parks u Konservazzjoni tal-Pajsaġġ tħeġġeġ lis-sidien jew okkupanti jċemplu mit-Tnejn sal-Ġimgħa, bejn it-8.00 a.m. u nofsinhar, fuq Telefon numru: 2299 7733 biex jagħmlu l-arranġamenti meħtieġa.
Il-ġbir tat-tankijiet u oġġetti oħra mill-ħitan tas-sejjieħ se jsir mis-Sezzjoni għall-Parks u Konservazzjoni tal-Pajsaġġ, bil-kollaborazzjoni tad-Dipartiment tal-Manifattura u Servizzi; id-Dipartiment għall-Immaniġġjar ta' l-Istrateġija ta' l-Iskart; l-Awtorita' ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar; l-Administrative Law Enforcement fil-Korp tal-Pulizija u l-Kunsilli Lokali ta' Ħaż-Żabbar u l-Imġarr.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN