LM2.4 MILJUN F’GĦAJNUNA LIS-SAJJIEDA
Il-Ministeru ta’ l-Agrikoltura u Sajd, permezz tat-Taqsima għall-Konservazzjoni u Kontroll tas-Sajd, ħejja pakkett ta’ għajnuna lis-sajjieda biex ikunu megħjuna jtejbu l-operat tagħhom kemm fid-dawl taż-żona ta’ konservazzjoni li Malta qed tinnegozja ma’ l-Unjoni Ewropea, kif ukoll fid-dawl ta’ regolamenti ġodda li se jsiru dwar id-dgħajjes tas-sajd.
Din l-għajnuna se tkun tammonta għal Lm2.4 miljun u se tkun mifruxa fuq perjodu ta’ 18-il xahar b’seħħ minn Settembru li ġej.
Tagħrif dwar dan il-pakkett ta’ għajnuna ngħata mill-Ministru għall-Agrikoltura u Sajd Ninu Zammit f’laqgħa li kellu fil-Ministeru, ma’ l-uffiċjali tal-Kooperattiva Nazzjonali tas-Sajd, l-Għaqda Kooperattiva tas-Sajd Ltd u tal-Federazzjoni tal-Għaqdiet tas-Sajjieda Dilettanti.
Il-Ministru Zammit spjega li l-għajnuna se tkun disponibbli kemm għas-sajjieda full-time u part-time kif ukoll għal market fishermen. Il-programm ta’ għajnuna se jkun maqsum f’żewġ skemi u minnu jistgħu jibbenefikaw madwar 700 sid ta’ dgħajjes li l-qies tagħhom hu itwal minn sitt metri.
Taħt l-ewwel skema tal-programm se jibbenefikaw is-sidien ta’ dawk il-bastimenti li jistgħu jkunu effettwati bl-iSpecial Management Regime. Dawn is-sidien se jsaħħu l-operat tagħhom biex ikunu jistgħu jistadu barra ż-żona ta’ konservazzjoni ta’ 25 mil u jibqgħu kompetittivi.
Din l-għajnuna se tkun tikkonsisti:
f’għotja ta’ bejn Lm20,000 u Lm50,000 għal bastimenti ta’ aktar minn 24 metru;
f’għotja ta’ bejn Lm10,000 u Lm25,000 għal bastimenti ta’ anqas minn 24 metru b’makna akbar minn 250HP u li jkunu jistgħu jintużaw għal sajd f’baħar fond aktar minn 200 metru fiż-żona ta’ konservazzjoni jew, mingħajr limitu, barra ż-żona; f’għotja ta’ Lm20,000 għall-bastimenti l-oħra kollha ta’ aktar minn 12-il metru tul li jintużaw fuq bażi full-time u li jkollhom jistadu barra ż-żona ta’ 25 mil; u
f’għotja ta’ Lm15,000 għall-bastimenti kollha ta’ aktar minn 12-il metru tul li jintużaw għas-sajd tal-lampuki u l-lampara u li, allura, se jkunu jistgħu jibqgħu jistadu fiż-żona ta’ konservazzjoni.
L-għajnuna taħt it-tieni skema, li se tingħata biex is-sidien ikunu jistgħu jtejbu l-livelli ta’ sigurtà u saħħa fuq il-bastimenti tagħhom, se tkun tikkonsisti:
f’għotja ta’ bejn Lm2,500 u Lm5,000 għal kull bastiment ta’ anqas minn 24 metru tul b’makna ta’ jew anqas minn 250HP li jkun jista’ jintuża għas-sajd kemm fiż-żona ta’ konservazzjoni kif ukoll barra miż-żona;
f’għotja ta’ Lm10,000 lil kull market fisherman jew sid ta’ bastiment li jintuża fuq bażi full-time fir-rigward tal-bastimenti kollha ta’ aktar minn 12-il metru tul u li se jkunu jistgħu jintużaw biss għal sajd barra ż-żona ta’ konservazzjoni;
f’għotja ta’ Lm7,500 lil kull market fisherman jew sid ta’ bastiment ta’ aktar minn 12-il metru tul u li jintuża fuq bażi part-time għal sajd tal-lampuki u lampara fiż-żona ta’ konservazzjoni;
f’għotja ta’ Lm2,500 lis-sid ta’ dgħajsa użata fuq bażi full-time u f’għotja ta’ Lm1,000 kull market fisherman jew sid ta’ dgħajsa użata fuq bażi part-time għar-rigward ta’ dgħajjes ta’ bejn 9 u 11.99-il metru; u
f’għotja ta’ Lm1,000 għal kull dgħajsa li tintuża fuq bażi full-time u Lm500 lil kull market fisherman jew għal kull dgħajsa li tintuża fuq bażi part-time għar-rigward ta’ kull dgħajsa oħra li t-tul tagħha jvarja bejn sitt metri u 7.99 metri.
Barra minn hekk, il-Gvern mistenni joħroġ Lm115,260 oħra biex 60 bastiment tas-sajd li huma maqsuma f’dgħajjes itwal minn 24 metru u dgħajjes li huma itwal minn 12-il metru iżda se jintużaw għal sajd fiż-żona ta’ konservazzjoni, ikunu mgħammra b’sistema ta’ VMS.
Il-Ministru Zammit spjega li permezz ta’ din is-sistema s-sajjieda jkunu jistgħu jikkomunikaw mill-bastiment tagħhom permezz tas-satellita u għaldaqstant, minbarra li permezz tas-sistema jkunu jafu l-pożizzjoni eżatta tagħhom, din se sservi ta’ utilità kbira għas-sigurtà tagħhom waqt li jkunu fuq il-baħar.
Il-Ministru Zammit qal ukoll li permezz ta’ din l-għajnuna kollha, is-sajjieda mhux biss se jkunu jistgħu jtejbu l-operat tagħhom iżda wkoll isaħħu l-livelli ta’ sigurtà u saħħa f’konformità mar-regolamenti ġodda li se jsiru fi żmien qasir għal dan l-iskop u li kienu diskussi fil-Bord tas-Sajd.
Hu ħabbar ukoll li se ssir sensiela ta’ laqgħat informattivi mas-sidien tad-dgħajjes kollha tas-sajd reġistrati fir-Reġistru tas-Sajd biex dawn jingħataw it-tagħrif kollu li jeħtieġu dwar l-immaniġġjar taż-żona ta’ konservazzjoni u dwar il-programm ta’ għajnuna li tfassal.
Fl-aħħarnett, il-Ministru Zammit tenna li l-iskop ewlieni li għalih il-Gvern Malti qed jinnegozja ma’ l-Unjoni Ewropea ż-żona ta’ konservazzjoni hu biex il-baħar li jdawwar il-gżejjer Maltin sa 25 mil ’l barra mill-art ma jinqeridx b’sajd sfrenat. B’hekk ikun qed jiġi wkoll assigurat il-futur ta’ l-industrija tas-sajd f’pajjiżna, u allura l-għajxien tas-sajjieda Maltin u Għawdxin.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN