JUM IL-MISSIER JIGI CCELEBRAT F’GĦAWDEX
Illum il-Ħadd, Jum il-Missier 2002, il-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono żaret swali fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex, fejn pazjenti rġiel huma rikoverati.
F’messaġġ qasir ta’ l-okkażjoni hija tat l-isbaħ xewqat lill-missirijiet kollha filwaqt li pprezentatilhom regali ta’ tifkira. Hija espremiet l-apprezzament tagħha li, l-istess kif jiġri f’Jum l-Omm, “anke llum qed niffokaw l-attenzjoni tagħna fuq rwol daqstant importanti illi jikkumplimenta dak ta’ l-omm fil-familja u fis-soċjeta’”.
Tradizzjonalment ir-rwol tal-missier kien dak illi jipprovdi mezz ta’ għixien għall-familja, iżda maż-żminijiet dan id-dmir beda jinbidel sabiex jakkomoda ħtiġijiet oħra.
Huwa tassew ta’ sodisfazzjon ninnotaw illi aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar insibu missirijiet li jinvolvu rwieħhom attivament fil-familja u fit-trobbija ta’ l-ulied. Din il-bidla fil-mentalita` tas-soċjeta` tagħna, stqarret il-Ministru Debono, hija fl-aħjar interess tal-membri kollha tal-familja Maltija u Għawdxija. Dan għaliex, illum il-ġurnata nirrikonoxxu l-ħtieġa tal-preżenza tal-missier fil-familja, preżenza li hija tant importanti daqs dik ta’ l-omm.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN