MALTA SSIR MEMBRU TAL-KONFERENZA EWROPEJA TAL-MINISTRI GĦAT-TRASPORT (ECMT)
Delegazzjoni Maltija maghmula mill-Onor. Censu Galea, Ministru ghat-Trasport u Komunikazjoni, akkompanjat mis-Sur Joe Vella l-Assistent Personali tiegħu u mis-Sur David Sutton, Konsulent fl-istess Ministru, attendiet ghas-86 Sessjoni tal-Kunsill tal-Ministri tal-Konferenza Ewropeja tal-Ministri għat-Trasport, li saret f'Bucharest, ir-Rumanija fid-29 u 30 ta' Mejju, 2002.
Il-Ministru Censu Galea kien mistieden formalment biex jattendi din il-laqgħa mill-Ministru Miron Tudor Mitrea, il-Ministru għat-Trasport tar-Rumanija bħala Chairman preżenti tal-Kunsill tal-Ministru wara li kienet saret l-applikazzjoni minn Malta biex issir membru tal-ECMT.
Din l-applikazzjoni saret wara xhur ta' preparazzjoni minn naħa tal-Ministeru għat-Trasport u Kommunikazzjoni li kienet tinkludi diversi laqgħat ta' konsultazzjoni ma' partijiet interessati u verifiki legali u tekniċi dwar l-istruttura legali ta' ECMT.
Bħala parti mill-proċess ta' l-applikazzjoni ta' Malta, il-Ministru Galea kien mitlub jiġġustifika b'mod ċar il-każ sabiex Malta tiġi aċċettata membru ta' l-ECMT li kienet teħtieġ l-approvazzjoni unamima tal- 41 membru tal-Kunsill tal-Ministri. Kien importanti li Malta kellha tippreżenta każ serju għall-integrazzjoni tas-setturi tat-trasport ta' pajjiż li huwa ġżira żgħira fil-qalba tal-baċin tal-Mediterran u fuq il-periferija t'isfel ta' l-Ewropa. Il-każ ta' Malta kien imsaħħaħ sostanzjalment mill-fatt li l-pajjiż kien ħa passi signifikanti sabiex itella' l-livell ta' infrastruttura u l-operazzjonijiet ta' trasport lokali ma dawk mitluba mill-Acquis Communautaire ta' l-Unjoni Ewropeja.
Is-sħubija ta' Malta f'ECMT huwa pass importanti ħafna lejn il-ftuħ tas-swieq tat-trasport bl-art Ewropej għal operaturi tat-trasport internazzjonali Maltin.
Bħala riżultat dirett ta' dan, minn Jannar 2003, Malta ser ikollha dritt li tieħu sehem fis-sistemi ta' kwoti multilaterali għat-trasport ta' tabgħija fuq l-art f'41 pajjiż. Din is-sistema ser tippermetti aċċess limitat għall- membri ta' vetturi Maltin sabiex joperaw vjaġġi bejn pajjiżi membri ta' l-ECMT. Dan l-aċċess limitat qiegħed jitqies mill-operaturi Maltin bħala pass importanti preliminari lejn il-ftuħ għal kollox tas-suq tat-Trasport Ewropew meta Malta ssir membru ta' l-Unjoni Ewropeja. Dan il-privileġġ ta'ftuħ komplet tas-suq jinkudi ukoll vjaġġi li jibdew u jispiċċaw fl-istess pajjiż (cabotage) ingħata s'issa biss lill-Malta, Ċipru u Slovenia.
L-ECMT għandha ukoll sehem importanti bħala għaqda ewlenija Ewropeja li tmexxi programmi serji dwar is-sigurta' fit-toroq. Bil-parteċipazzjoni sħiħa f'diversi iniżjattivi f'dan is-settur, Malta ser tkun tista' tagħti s-sehem tagħha fit-tisħiħ tas-sigurta' fuq it-toroq Ewropej u fl-istess hin tingħata pariri u informazzjoni dwar diversi problemi lokali bl-iskambju ta' statistika, informazzjoni dwar prattiċi aċċettabli u t-twaqqif ta' miri nazzjonali għat-tnaqqis ta' l-inċidenti tat-traffiku.
Malta tista' tibbenifika mis-sħubija fl-ECMT billi taddotta livelli ogħla f'oqsma bħal-aċċessibilita ta l-infrastruttura u vetturi tat-trasport pubbliku għal persuni b'dizabilita', l-iżvilupp sostenibbli tat-trasport u l-effett li dan jkollu fuq l-ambjent.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN