Left arrow Go Back

IMNEDIJA L-'MALTA ENGINEERING EXCELLENCE AWARDS'

PR846
Date Icon 13/06/2002

Meta kien qed iniedi l-'Malta Engineering Excellence Awards', il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, l-Onor. Francis Zammit Dimech qal li n-numru ta' inġiniera f'pajjiż hu indikatur tal-livell ta' l-iżvilupp fl-istess pajjiż mhux biss għaliex dik ta' l-inġinerija hi professjoni internazzjonali, iżda wkoll għaliex minnhom jiddependi jekk il-pajjiż ikomplix miexi 'l quddiem u bl-liema ritmu. Il-Ministru Zammit Dimech qal li fi Frar li għadda kien ippreżenta l-warrant lil 51 inġinier li komplew isaħħu l-professjoni ta' l-inġiniera f'pajjiżna.

Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li l-inġiniera jagħtu wkoll sehem importanti fis-settur tal-kostruzzjoni li hu indikatur ieħor ta' kif tkun sejra l-ekonomija tal-pajjiż. Hu qal li fl-2001 :-

· Il-produzzjoni fis-settur tal-kostruzzjoni telgħet minn Lm37.1 miljun għal Lm40.7 miljun, żieda ta' Lm3.6 miljun jew 9.7 fil-mija.

· Il-kontribut lejn il-Prodott Gross Domestiku tela' minn 2.78 fil-mija għal 2.96 fil-mija, żieda ta' 0.18 jew ta' 6.5 fil-mija.

· Id-dħul mix-xogħol tela' minn Lm24.9 miljun għal Lm26.5 miljun, żieda ta' Lm1.6 miljun jew 6.5 fil-mija.

· Il-profitti għas-settur telgħu minn Lm12.2 miljun għal Lm14.2 miljun, żeda ta' Lm2 miljun jew 16 fil-mija.


Bejn Settembru 1998 u Jannar ta' din is-sena, żdiedu aktar minn 1,000 impjieg fis-settur fejn f'Jannar 2002 hemm jaħdmu 6,643.

Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li biex insostnu din iż-żieda u dan it-titjib f'dan is-settur kien hemm il-htieġa li kulħadd jagħti sehmu, inklużi l-inġiniera. Hu qal li l-professjoni ta' l-inġinier kienet titlob mhux biss sens qawwi ta' dedikazzjoni iżda impenn, kreattivita', inizjattiva u immaġinazzjoni.

Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li pajjiżna kien fuq l-għatba tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea. Hu qal li s-sħubija kienet se ġġib magħha żewġ opportunitajiet importanti għall-inġiniera

· Żieda qawwija fi proġetti kapitali minħabba li pajjiżna jkun irid ikompli jaġġorna is-sistemi tiegħu ma' dawk ta' l-Unjoni Ewropea l-aktar fl-oqsma ta' l-infrastruttura u l-ambjent. Din iż-żieda mistennija tkun mgħejjuna minn għotjiet kbar li l-UE tagħmel għal proġetti bħal dawn mill-fondi tagħha.

· Opportunitajiet għall-inġiniera Maltin li jagħtu s-servizzi tagħhom f'suq ta' 400 miljun persuna kif inhu is-suq ta' l-UE.

Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li l-inġiniera Maltin diġa kienu qed jippreparaw irwieħhom għal dawn l-isfidi ġodda. Hu fakkar li professjonisti Maltin, inklużi l-inġiniera, kienu diġa qed jibbenefikaw minn programmi ta' l-Unjoni Ewropea. Francis Zammit Dimech qal li kien hemm numru minn dawn il-programmi li ġeneralment kellhom l-iskop li jinkoraġixxu r-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-innovazzjoni, li jippromwovu s-saħħa u s-sigurta' fil-post tax-xogħol jew biex jgħinu industrji żgħar u industrji ta' daqs medju li huma kkunsidrati bħala s-sinsla ta' l-ekonomija ta' l-Unjoni Ewropea.

Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li biex tkompli tgħin lill- inġiniera jilħqu l-aħjar livelli fil-professjoni tagħhom il-Kamra ta' l-Inginiera kienet qed tniedi The Malta Engineering Excellence Awards (MEEA) bil-kollaborazzjoni ta' l-istess Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura biex tipprovdi għarfien nazzjonali lil individwi u/jew organizazzjonijiet li għamlu kisbiet sinifikattivi fl-inġinierija u li kellhom impatt fl-inġinerija fis-soċjeta' Maltija.

Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-Kamra ta' l-Inginiera kienet waqqfet tliet kategoriji ta' awards: wiehed għall-innovazzjoni; ieħor għal leadership u ieħor għal kisba tul il-ħajja. Kull wieħed minn dawn l-awards se jkun jikkonsisti f'ċertifikat, premju u d-dritt li min jirbaħ juża l-logo tal-MEEA.

Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-professjoni ta' l-inġinerija, bħal professjonijiet oħra li huma direttament involuti fl-iżvilupp tal-pajjiż, bħalissa għaddejja minn żminijiet interessanti li jirrikjedu li kull min jagħmel parti minn din il-professjoni jżomm ruħhu aġġornat ma' dak kollu li qed iseħħ mhux biss f'pajjiżna iżda 'l barra min xtutna. Kull professjoni għandha l-isfidi tagħha iżda m'hemmx dubbju li l-isfidi għall-inginiera huma kbar għaliex f'dinja li qed tingħaqad aktar flimkien, permezz tal-proċess tal-globalizazzjoni, u fejn kulħadd qed isir aktar esigenti, l-inġiniera Maltin iridu jkunu fuq quddiem nett fl-iżviluppi li qed iseħħu fil-professjoni tagħhom.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow