IS-Segretarju Parlamentari fil-ministeru ghas-servizzi ekonomici, l-onor. Edwin Vassallo jwiegeb għal diversi artikli li dehru fil-mezzi tal-media
Il-Gvern m’għandu l-ebda intenzjoni li jwaqqaf lill-Malti li jrid jidħol fis-suq u jibda negozju, bl-iskuża għaliex irid jagħlaq il-bieb għall-barrani. Il-Gvern mhux ser jagħlaq l-opportunitajiet tan-negozju għall-Maltin bl-iskuża li qed iwaqqaf lill-barranin. Meta u jekk tittieħed deċiżjoni biex il-Gvern jagħlaq xi liċenzji ta’ settur, kif jista' jsir issa, dan jagħmlu biex iħares lil min qiegħed fis-suq u kemm-il darba l-istess għaqdiet tan-negozji jitolbu dan. L-għeluq tal-liċenzji ta' xi settur, mhux eżerċizzju faċli u rari nistgħu naslu għalih; iżda jekk naslu żgur li ser ikun eżerċizzju li jsir biss biex iħares il-kompetizzjoni u mhux biex ixekkilha.
L-argument tal-Partit Laburista kontra l-Gvern u l-interessi ta' l-istess self-employed u negozji żgħar bħalissa huwa li jbezża' lill-Maltin, li bi sħubija ser jitilfu opportunitajiet tan-negozju, għaliex il-Gvern ikun qed jeżerċita d-dritt li jista' jiddetermina kemm ikollna bżonn negozji f'xi settur, u skond id-domanda.
Mhux minnu l-anqas li mas-sħubija ta’ pajjiżna fl-U.E., ser jiġu ċittadini Ewropej jiftħu ħwienet f’pajjiżna kif qed tipprova tallega l-oppożizzjoni. Id-dritt li kull ċittadin Ewropew, li teknikament għandu, li jista' jiġi u jiftaħ negozju f’Malta mas-sħubija ta’ pajjiżna fl-U.E. mhux realment possibbli, kif qed issostni l-oppożizzjoni. Bl-argumenti tagħha, l-oppożizzjoni qed tipprova tbeżża' lis-self employed li mill-ewwel ġurnata tas-sħubija, f’pajjiżna ser jiġu ċittadini Ewropej biex jiftħu n-negozji tagħhom f’Malta.
Dak li qiegħda tbeżża' dwaru l-oppożizzjoni ma jistax iseħħ f’pajjiżna, għaliex diġa' għandna suq mimli b’negozji żgħar u għalhekk għandna kompetizzjoni ħarxa li qed tikber kuljum, b’aktar negozji ġodda li qed jibdew in-negozji tagħhom. Kif ukoll għaliex kull min ser jitħajjar jiġi minn barra pajjiżna, ser ikollu proċess ta’ liċenzjar minn x'hiex jgħaddi u jrid joqgħod għal-liġijiet kollha li jirregolaw in-negozju tagħna, skond il-liġijiet ta' pajjiżna.
Minkejja din il-biża' li l-oppożizzjoni qed tipprova xxerred fost is-settur tas-sidien tal-ħwienet u self-employed, ħafna huma dawk l-għaqdiet tan-negozji kif ukoll sidien ta’ negozji u self-employed, li qed jaqblu li d-diskors dwar il-probabilita' li barranin jiġu f’pajjiżna jiftħu l-ħwienet tagħhom, mhux minnu.
Punt ieħor li wieħed irid jiftakar huwa li minkejja li l-liġi dejjem obbligat lil min iwettaq kummerċ minn xi sit, dejjem kellu bżonn liċenzja tan-negzoju, bis-sistemi l-antiki iżjed kellu għaliex ikollna biża' li seta' jiġi l-barrani u jiftaħ ħanut jew jinnegozja bla ma ħadd ikun jista' jwaqqfu. Dawn il-liġijiet u proċeduri li ilhom jaqduna għal dan l-aħħar kważi ħamsin sena, issa qegħdin jinbidlu b’liġijiet u proċeduri ġodda li mhux qed isiru mill-Gvern, għax il-Gvern għandu xi biża li f’pajjiżna ġejjin il-barranin; iżda għaliex il-Gvern jemmen li għandu jorganizza ħidma u strutturi b’liġijiet li kapaċi jirrispondu għall-ħtiġijiet u l-isfidi fis-suq ta' llum.
Għalhekk f’pajjiżna qed naghmlu strutturi u liġijiet li ser iħarsu lil min huwa serju w armat b’mod professjonali, sew fil-qasam tas-servizzi kif ukoll fil-ħwienet, minn dawk li qegħdin fin-negozju bla ebda organizzazzjoni. Dan ifisser li l-Gvern ser ikollu l-aħjar liġijiet u strutturi li permezz tagħhom iħares is-suq u jibqa' jara li filwaqt li ma jxekkilx il-kompetizzjoni, jkun qed jipproteġi lil min qed jaħdem b’liċenzja tan-negozju, minn dawk li m’għandhom l-ebda liċenzja tan-negozju.
Dan l-argument ta’ l-Oppozizzjoni Laburista wasal f’dal-mument, għaliex issa l-oppożizzjoni semgħet lill-G.R.T.U. tgħid li l-Gvern żamm dan id-driit, kif ukoll ghax issa l-istess oppożizzjoni qed tara li tassew f’pajjiżna huwa possibbli li jkollna struttura ta’ liċenzji li taħdem; u dan kollu jista' jkun possibbli.
Hawn irrid inserraħ moħħ kulħadd li l-Gvern qatt m’huwa ser jieħu deċiżjoni f’dan ir-rigward biex itellef l-opportunitajiet tan-negozji ġodda, iżda biex iħares lil min irid jidħol fin-negozju.
Il-Partit ta’ l-Oppożizzjoni bir-raġun tirraġuna hekk, għaliex kull darba li l-oppożizzjoni kienet fil-Gvern, dejjem ħarġet b'xi deċiżjoni li pperikolat l-opportunitajiet f'dan il-pajjiż.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN