Left arrow Mur Lura

Villaġġ ta' l-arteġġjanat li jintegra mal-park nazzjonali f'Ta' Qali

PR827
Date Icon 11/06/2002

Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li l-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura kien responsabbli mhux biss mill-parks nazzjonali u reġjonali iżda wkoll minn proġetti kapitali. Hu qal li l-Ministeru li għalih kien responsabbli kien inkarigat mill-ippjanar tal-Villaġġ tas-Snajja 'l ġdid li kien se jieħu post dak li hemm illum; u li hu taħlita ta' nissan huts li ħallew is-Servizzi Militari Ingliżi u bini ieħor li tela' fl-aħħar 20 sena u li ma jaqbel xejn ma' l-ambjent ta' l-inhawi.

Waqt li kien qed jitkellem mal-gurnalisti u jurihom il-pjanti tal-Villagg tas-Snajja f'Ta' Qali, Francis Zammit Dimech fisser li Ta' Qali kien frekwentat sew mill-Maltin kif ukoll mill-barranin. Qal li l-Maltin kienu jiffrenkwentaw Ta' Qali biex iqattgħu l-ħin liberu tagħhom fil-park nazzjonali, filwaqt li l-barranin kienu jiffrekwenataw il-Villaġġ tas-Snajja li kien mhux biss jilqa' fih diversi snajja Maltin, iżda kien ukoll post li fih iż-żgħażagħ setgħu jitgħallmu snajja, li m'ghandhomx jintesew jew jintilfu.

Francis Zammit Dimech qal li l-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura permezz tas-Sezzjoni tal-Parks u l-Konservazzjoni tal-Pajsaġġ kien qed ikompli jsebbaħ il-park nazzjonali f'Ta' Qali billi qed jestendi l-partijiet tal-park fejn qed jitħawwlu siġar u jsiru passaġġi biex in-nies ikollhom aktar fejn iqattgħu l-ħin liberu tagħhom.

Il-Ministru Zammit Dimech qal li fl-istess waqt, l-istess sezzjoni ġiet inkarigata mid-disinn il-ġdid taċ-ċentru ta' l-arteġġjanat bħala villaġġ Malti b'karattru uniku li għandu jattira lejh aktar viżitaturi sew barranin kif ukoll Maltin. Hu qal li fl-ippjanar ta' dan il-villaġġ kien qed isir minn kollox biex dan jintegra mal-bqija tal-park nazzjonali biex il-villaġġ jikkomplimenta l-park nazzjonali.

Francis Zammit Dimech qal li l-iżvilupp li se jitwettaq hu fuq skala ta' raħal żgħir b'aktar minn mitt ħanut, uħud minnhom żgħar u uħud minnhom kbar, li fihom isir xogħol ta' artiġġjanat u minn fejn wieħed ikun jista' jixtri prodotti Maltin. Il-villaġġ, li hu fil-konfini tal-Park Nazzjonali, se jkollu diversi toroq u pjazez li jsiru ċ-ċentri fejn se jkun hemm ukoll il-faċilitajiet ta' taħriġ biex jitrawmu dawk li huma interessati fl-arteġġjanat Malti.

Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li l-ippjanar ta' dan il-villaġġ, inkluż it-tqassim tat-toroq, qed isir mis-Sezzjoni tal-Parks u l-Konservazzjoni tal-Pajsaġġ tat-Taqsima tax-Xogħlijiet. Hu qal li barra li huma ċentri ta' l-artiġġjanat Malti, il-ħwienet li se jkunu akkomodati f'dan il-villaġġ huma wkoll industrji żgħar u għalhekk dan il-villaġġ hu maħsub li jkollu karattru uniku. Hu qal ukoll li fil-pjani li saru kien maħsub li l-pjazez u t-toroq ta' dan il-villaġġ jkunu milħuqa sew minn ġewwa l-ġnien formali tal-Park Nazzjonali biex b'hekk il-viżitaturi jkunu jistgħu jilħqu t-tnejn.

Francis Zammit Dimech qal li d-disinn tal-villaġġ ta' l-artiggjanat qed isir b'enfasi qawwija fuq il-landscaping, u bit-toroq principali li jintużaw bil-pass biss. Servizzi bid-dhul tal-vetturi se jkunu jistgħu jsiru f'ħinijiet limitati bħal fil-każ ta' l-Imdina. Hu qal li għalhekk kien maħsub li l-villaġġ kollu joffri passeġġati pjaċevoli u opportunita' biex wieħed japprezza d-diversi ħwienet ta' artiġġjanat. Hekk waqt li l-villaġġ se jkun speċi ta' estensjoni integrali tal-ġnien, se jagħti svog differenti għal min iżur dan il-villaġġ primarjament biex jixtri minn dan iċ-ċentru ta' artiġġjanat.

Francis Zammit Dimech qal li l-periti tal-proġett kienu Shirley Buttigieg u George Buhagiar. Qal li fid-disinni tagħhom dawn ħasbu biex joħolqu il-karattru ta' villaġġ jew belt żgħira Maltija, biex jirrappreżenta l-arteġġjanat Malti b'ċertu dinjita'. Huwa kompla li l-Imdina, bil-faċċati klassiċi tagħha, kienu l-ispirazzjoni għall-Perit Shirley Buttigieg. Min-naħa tiegħu l-Perit George Buhagiar ħa ħsieb li jintegra dan l-iżvilupp mal-bqija ta' l-iżvilupp l-ieħor f'Ta' Qali kif ħa ħsieb ukoll li jkun hemm bilanċ fl-ispazji miftuħa u dawk mibnija. Fl-ippjanar ingħatat ukoll attenzjoni lill-konservazzjoni tas-siġar eżistenti u stabbiliti li hemm fil-post, speċjalment dawk li huma indiġeni għal Malta.

Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li l-proġett jinkludi titjib fil-parkeġġ mad-dawra tal-villaġġ li 'l quddiem se jingħaqad mal-park nazzjonali f'Ta' Qali permezz ta' cycle tracks li qed ikunu ipproġettati madwar il-park. Parti mill-iżvilupp ta' dan il-villaġġ se tkin il-bini ta' numru ta' ġibjuni biex jiġbru l-ilma kollu tax-xita li jaqa' fil-pjazez, il-parkeġġi, il-bjut u t-toroq ta' dan il-villaġġ u ta' madwaru. B'hekk ikun jista' jinżamm ahjar l-ambjent ta' dan il-villaġġ u tal-ġonna madwaru.

Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li t-tfassil ta' dan il-villaġġ sar kollu b'ħidma mill-qrib mas-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo li ried jikkoordina ma' dawk kollha li jridu jkunu allokkati post ġdid biex joħorġu mill-istrutturi tal-landa li għandhom bħalissa. Hu qal li wara li saru diskussjonijiet ma' kull okkupant ta' dawn in-nissan huts intlaħaq konsensus permezz tal-koordinazzjoni tas-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo biex kulħadd jaf fejn sejjer fil-post il-ġdid, b'ebda tnaqqis mill-ispazju fejn jaħdmu u minn fejn ibiegħu llum.

Il-Ministru Francis Zammit Dimech awgura li dan il-proġett jitwettaq fi żmien qasir biex ikompli jagħti lill-artiġġjanat Malti nifs ġdid biex jikber u biex dawn l-inħawi jkomplu jiġu immodernizzati għat-tgawdija tal-poplu Malti u ta' l-eluf ta' turisti li jżuru l-villaġġ tas-snajja

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

Aktar Stqarrijiet Right arrow