Left arrow Mur Lura

Nofs Miljun lira Investiment fl-iskola tal-Fortini, Birgu

PR826
Date Icon 11/06/2002

Il-Ministru ta' l-Edukazzjoni, l-Onor. Dr. Louis Galea inawgura uffiċjalment l-iskola sekondarja Lorenzo Gafa' tal-Fortini fil-Birgu. F'din l-iskola saru xogħlijiet ta' immodernizzar kif ukoll bini ta' numru ta' klassijiet u laboratorji; kif ukoll żona ta' rikreazzjoni.

Ix-xogħlijiet jinkludu titjib ta' l-ambjent ġenerali ta' l-iskola u ż-żona ta' madwarha, inkluż triq ġdida. F'din l-iskola sar investiment ta' aktar minn nofs miljun lira: Lm350,000 f'xogħlijiet ta' bini u "finishing", Lm150,000 f'servizzi elettriċi u mekkaniċi, u Lm50,000 f'għamara.

L-iskola Lorenzo Gafa' oriġinarjament kienet tintuża sew bħala skola primarja u anke bħala skola tas-snajja. F'dawn l-aħħar snin serviet bħala skola sekondarja tas-subien. L-iskola kienet magħmula minn blokk ta' klassijiet b'bitħa ċentrali żgħira.

Biex l-istudenti jkollhom aktar faċilitajiet fejn ikunu jistgħu jirrikrejaw ruħhom ġiet akkwistata biċċa art li nbidlet fi 'playing area'. Ix-xogħlijiet f'din l-iskola jinkludu l-bini ta' blokk ġdid li fih hemm żewġ laboratorji tax-xjenza, żewġ laboratorji tal-kompjuters, workshop għat-tagħlim tat-teknoloġija, erba’ klassijiet u spazji għall-amministrazzjoni ta' l-iskola. Barra minhekk, sar "refurbishment" tal-blokk l-antik fejn inbidlu s-servizzi kollha, u sar xogħol ta' "finishing" li jinkludi madum u aperturi, tikħil u tibjid mill-ġdid. Fejn id-dħul ta' l-iskola tpoġġiet skultura ta' Gabriel Caruana.

L-iskola tal-Fortini tilqa' fiha qrib 250 student mil-lokalitajiet ta' B'Buġia, Cospicua, G'Mangia, Kalkara, M'Scala, Msida, Senglea, Vittoriosa, Xgħajra, Zabbar u Sta. Lucia. Il-Proġett beda f'Awissu 1999.

Il-Ministru Louis Galea qal li bl-investiment li sar f'din l-iskola l-istudenti ta' din il-lokalita' se jkollhom ambjent aħjar u spażji akbar, li jilqgħuhom u li jħeġġu t-tagħlim.

Il-Ministru qal li l-Kurrikulu Nazzjonali jitlob li l-ambjent ta' l-iskejjel ikun ta' l-ogħla kwalita, nadif, imdawwl u attrezzat tajjeb. Wara li kien ippublikat l-Kurrikulu Nazzjonali, l-Ministeru beda jaħdem biex joħloq struttura li tkun tista twettaq programm aċċellerat ta' bini u immodernizzar ta' l-iskejjel ta' l-Istat u b'għalhekk twaqqfet il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada.

Il-Ministru Galea fisser li bħala parti minn kull proġett, sew jekk ikun ta' immodernizzar sew jekk ikun ta' bini, kull skola ser tingħata opra ta' arti ta' artisti ta' fama. Dawn l-opri jkunu propjeta' tal-Mużewijiet, iżda fdati lill-iskejjel.

Il-Fondazzjoni diġa bdiet tagħmel numru ta' xogħlijiet fosthom fl-iskola sekondarja tal-bniet Sir Adrian Dingli f'Pembroke, fuq il-bini ta' skola sekondarja ġdida fil-Karwija, kif ukoll fuq tlett programmi ta' tisbieħ fl-iskejjel kollha - wieħed biex l-iskejjel isiru aktar aċċessibbli, ieħor biex jitjiebu l-faċilitajiet rikreattivi u t-tielet programm jaħseb biex jitjiebu l-ambjenti fl-iskola.

Il-Ministru qal li x-xogħol li qed tagħmel il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada irid iwassal biex ix-xogħlijiet li jsiru ikunu ta' kwalita', isiru fi żmien qasir u mingħajr dewmien u b'użu effiċjenti tal-fondi pubbliċi. Il-Ministru qal li biex dan iseħħ hemm bżonn ta' kultura ġdida ta' kif isir ix-xogħol.

Il-Ministru temm jawgura li l-istudenti japprezzaw x-xogħol li sar f'din l-iskola u li jużaw r-riżorsi kollha ta' l-iskola biex ikomplu javvanzaw fl-edukazzjoni tagħhom.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

Aktar Stqarrijiet Right arrow