Diskors mis-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru ghas-Servizzi Ekonomici, l-Onor. Edwin Vassallo, fil-Konferenza dwar l-Implimentazzjoni taċ-CHarter Ewropew għall-Intrapriżi ż-Żgħar – Il-Belt Valletta - 10 ta’ Gunju 2002
L-implimentazzjoni taċ-Charter ma tistax isseħħ kemm-il darba aħna kollha nvoluti, kemm bħala servizz pubbliku kif ukoll bħala settur imprenditorjali, ma jkollniex ir-rieda u l-kuraġġ li nbiddlu mentalita’ li s'issa dejjem ħdimna biha. Dan iċ-Charter huwa sfida kemm għall-Gvern kif ukoll għal kull għaqda tan-negozju, kemm għall-imprenditur kif ukoll għal kull uffiċjal pubbliku li jagħmel parti min-nisġa ta' support service għal min huwa fin-negozju.
Il-messaġġ ewlieni ta’ l-Unjoni Ewropeja permezz ta’ dan iċ-Charter kien li minn mentalita’ ta' burokrazija, li tipprova tara kif tilqa’ għal kull probabilita' fejn kull negozjant seta' jevadi t-taxxa, jqarraq, jew jabbuża; issa rridu naraw li tinbidel din il-mentalita' ta' min qiegħed fis-servizz pubbliku biex jara fl-imprenditur l-ewwel sieħeb tiegħu.
Dan ifisser li min qiegħed jaħdem fis-servizz pubbliku, jrid jara fl-imprenditur l-prijorita' tal-ħidma tiegħu u jħares lejn l-imprenditur bħala l-kontributur ewlieni fl-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiż.
Min-naħa l-oħra, l-imprenditur ukoll irid jara li ma jagħmilx qliegħ b'abbuż. Jekk irridu naraw li nbiddlu l-mentalita’ tas-servizz pubbliku, rridu naraw li flimkien noħolqu suq mibni fuq ir-responsabilita’.
Biex inwettqu din il-bidla, kull Ministeru tal-Gvern, irid jemmen bis-sħiħ li l-intrapriża żgħira hija verament is-sinsla ta’ l-ekonomija Maltija.
Għal kull min huwa nvolut fl-implimentazzjoni tal-politika lokali, wkoll għandu d-dmir li jara li "l-intrapriżi ż-żgħar għandhom ikunu meqjusa bħala s-sewwieqa prinċipali ta’ l-innovazzjoni u tal-ħolqien tax-xogħol” u dan kollu b’referenza lejn l-iżvilupp ta’ opportunitajiet fil-komunita’.
L-istess għaqdiet tan-negozju jridu jifhmu li għandhom jaqsmu ir-responsabilita’ tal-proċess ta’ l-implimentazzjoni taċ-Charter mal-Gvern billi jissuġġerixxu dwar, u wkoll iżjed minn hekk jimplimentaw, programm ta' taħriġ fost il-membri tagħhom biex dawn ikunu jistgħu jifhmu aktar il-bidliet li għaddej minnhom is-suq. Għalhekk l-istess għaqdiet tan-negozji jridu jkunu ferm aktar preparati, biex juru atteġjament imprenditorjali lejn l-isfidi li jkun qegħdin jiffaċjaw il-membri tagħhom. Hawn nissuġġerixxi li kull għaqda tan-negozju tagħmel tagħha dan iċ-Charter u tara kif fil-ħidma tagħha tixpruna lill-Gvern biex ikompli jwettaq bidliet li jtejbu l-ambjent kummerċjali, skond is-settur li jkunu jirrappreżentaw.
Nikkummenta b'dan il-mod, għaliex nara li l-ewwel implikazzjoni li dan iċ-Charter ser tinvolvi fiha l-bidla ta' mentalita’ f’kull settur li hija tant meħtieġa biex tixpruna l-implimentazzjoni taċ-ċarter. Nemmen li l-implimentazzjoni ta' dan iċ-Charter ser tirnexxi daqs kemm b'mod kollettiv, ilkoll nifhmu li rridu naslu għad-deċiżjonijiet tagħna totalment b'mod differenti minn kif stajna qegħdin niddeċiedu issa.
Għalhekk fuq kollox dan iċ-Charter nemmen li rridu narawh bħala ġabra ta' prinċipji li minnu l-Gvern, l-għaqdiet tan-negozju kif ukoll l-imprendituri għandna nfasslu pjan ta' ħidma li jirregola l-attivita’ tagħna flimkien lejn l-implimentazzjoni ta' politika mprenditorjali. F’dan ir-rigward, iċ-Charter għandu jservi ta’ gwida għal kull ministeru li b'mod jew ieħor jirregola u joffri servizz lil min huwa żgħir fin-negozju.
Għall-ewwel darba f’pajjiżna permezz ta' dan iċ-Charter, is-self-employed u n-negozji żgħar għandhom dokument li f'isimhom qed joffri prijoritajiet lill-Gvern ta' kull pajjiż applikant u msieħeb. Għal pajjiżna, ċ-Charter għandu jservi ta’ l-aħjar gwida lejn l-implimentazzjoni ta' politika mprenditorjali li tkun il-qofol ta' l-iżvilupp ta' politika li għandha tinħass tagħmel differenza fis-suq u tbiddel l-atteġġjament li s-servizz pubbliku għandu lejn is-settur imprenditorjali kif ukoll l-atteġġjament li s-settur imprenditorjali għandu lejn is-servizz pubbliku. Dan il-pjan ta' azzjoni huwa dak li n-negozji żgħar f'pajjiżna ilhom tant żmien jistennew u permezz ta’ l-għaqdiet tagħhom jitolbu.
In-negozji żgħar ilhom jistennew l-attenzjoni li dan iċ-Charter qiegħed jidderieġi lill-Gvern li jkollu lejn min huwa żgħir fin-negozju.
Nawgura li għadda ż-żmien ta’ politika mfassla fuq il-ġirja tal-qattus wara l-ġurdien. Nawgura li naslu lejn sinerġija akbar fl-isforzi tagħna lkoll lejn l-iżvilupp ta' politika mprenditorjali.
Nemmen li qegħdin fil-bidu ta' era ekonomika ġdida mibnija fuq prijoritajiet ġodda. Il-qofol tal-messaġġ li joħroġ miċ-Charter jolqot lil kull min huwa involut li joffri servizz lil min qiegħed fin-negozju, mill-għola uffiċjal sa l-inqas wieħed f’kull Ministeru, dipartiment, awtorita’ jew entita’.
Dan iċ-Charter għandu jkun l-għodda li permezz tagħha rridu nkissru l-antagoniżmu u l-preġudizzju li hawn fil-konfront ta’ min huwa żgħir fin-negozju.
Nibża’ pero li għandna diversi personalitajiet fix-xena politika, tredjunjonistika kif ukoll fl-istess għaqdiet tan-negozji li għadhom bil-mentalita’ tal-bieraħ li m’għadhiex tagħmel sens għal-lum. Wisq nibża’ wkoll li għandna diversi persuni fin-negozju li l-atteġġjament negattiv tagħhom qed jherri l-bażi tas-suċċess li jista’ jkollna fl-implimentazzjoni ta' dan iċ-Charter. Qiegħed nirreferi għall-fiduċja li jrid ikollna f'xulxin, is-setturi kollha rispettivi.
Mhux qed nipprova nkun idejalista u naħseb li f'pajjiżna permezz ta' dan iċ-Charter, ser naslu li noħolqu suq perfett iżda ma rridx li n-nuqqas ta’ fiduċja ta’ min huwa fis-servizz pubbliku f'dawk li qegħdin fin-negozju tkisser kull tama li jista’ jkollna biex naraw li dan iċ-Charter ikun is-suċċess li tant neħtieġu. F’dan iċ-Charter għandna l-għodda li permezz tagħhom nistgħu naslu li jkollna servizz pubbliku aktar effiċjenti w effettiv kif ukoll settur imprenditorjali aktar responsabbli.
Il-qofol ta' dan iċ-Charter huwa mibni fuq il-fiduċja li settur irid ikollu fl-ieħor. Dan isaħħaħ l-eżerċizzju ta' sinerġija mibni fuq ir-responsabilita’ fis-servizz li noffru lejn xulxin li jwassal biex inkissru l-antagoniżmu u l-preġudizzju li hawn min għandu dwar sieħbu. Irridu nfittxu li noħolqu sitwazzjoni ekonomika fejn il-liġijiet, l-istrutturi kif ukoll is-servizzi kollha jaħdmu għall-istess għan, u dan huwa li f'pajjiżna nkattru x-xogħol, il-qsim tal-ġid b’iżjed ugwaljanza, filwaqt li jkollna settur kummerċjali organizzat u mhux jinnegozja fil-liġi tal-ġungla. Għandna bżonn li l-prinċipji ta' dan iċ-ċarter ma jibqgħux biss miktuba iżda mogħtija l-ħajja.
Nemmen li faċli iżjed li titkellem milli li tattwa. Faċli iżjed timmaġina dinja perfetta milli taħdem biex tirranġa l-iżbalji u ttejjeb sitwazzjonijiet. Minkejja dan, nemmen li mingħajr ma noħolmu fl-idejaliżmu, flimkien għandna nibdew nagħmlu l-bidliet, l-ewwel nett, fina nfusna billi naraw li bil-mod li nwettqu dmirna naslu li nagħmlu l-ewwel pass lejn l-implimentazzjoni ta' dan iċ-ċarter. Persważ li mhux ser tkun biċċa xogħol faċli. Din hija l-akbar sfida mhux għaliex dan l-eżerċizzju ser ikun jiswa l-flus iżda għaliex dan l-eżeċizzju qed jitlob bidla ta' mentalita’.
Permezz ta' dan iċ-Charter, il-Gvern għandu gwida li kapaċi tgħinu jwettaq dmiru fl-għoti ta’ l-aħjar servizz lil min qiegħed fin-negozju. Iżda barra gwida, dan iċ-Charter joffri waħda mill-akbar sfidi fil-proċess ta' sħubija fl-Unjoni Ewropeja. Dan għaliex l-implimentazzjoni ta' dan iċ-Charter teħtieġ il-kuraġġ. Kemm-il darba ser ikollna Gvern li jagħti prova ta’ dan il-kuraġġ u jwettaq dan il-pjan ta' ħidma allura persważ li kulħadd ser igawdi minn suċċess ekonomiku.
X’ħasra pero’ jekk ikollna min jaħseb li dan iċ-Charter huwa biss dokument, parti minn xi proċess burokratiku, u jaħseb li jista’ jaffordja li jitħalla fuq l-ixkaffa.
X'ħasra li jkollna min għadu marbut ma’ drawwiet antiki jew forsi mhux daqstant antiki li ma jimpurtah xejn mis-self-employed u n-negozji żgħar u jaħseb li faċilment jistgħu jiġu maqbuża mingħajr ma jingħataw prijorita’ fl-iżvilupp tal-politika ekonomika u soċjali ta' pajjiżna.
Bħala Segretarju Parlamentari fil-Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi b'responsabbilita’ biex inħares lejn l-implimentazzjoni ta' dan iċ-Charter, nixtieq nikkummenta li filwaqt li jiena personalment sodisfatt:
- li ninsab hawn nitkellem favur bidla ta' mentalita’ li tgħin biex f'pajjiżna nfasslu politika li tagħraf il-ħidma ta' min huwa żgħir fin-negozju
- li f'dan il-mument storiku qed naħdem flimkien magħkom biex inwasslu lil pajjiżna lejn dawn il-bidliet kbar li tant jeħtieġ jgħaddi minnhom
- li qed naħdem biex inġib fis-seħħ politika li fuq kollox mhux biss ser igawdu sħabi s-self-employed iżda l-pajjiż kollu
Irrid insostni iżda li f’dan l-eżerċizzju m’għandi l-ebda monopolju. Dan mhux eżerċizzju tiegħi jew tagħna hawn illum, iżda eżerċizzju ta' bidla ta' mentalita’ li jrid jieħu sehem fih kulħadd.
Għal din ir-raġuni, meta ħejjejt il-pjan ta' ħidma tiegħi għal din is-sena jiena ridt li dan iċ-Charter ikun għalija l-benchmark li miegħu rridu nkejjlu u nfasslu l-ħidma li nwettqu flimkien, id-dipartimenti li tagħhom jiena responsabbli kif ukoll l-għaqdiet tan-negozju li tant nippruvaw li naħdmu flimkien.
Hija l-intenzjoni li r-rapport li jiġbor fih l-interventi kollha li jsiru llum ikunu miġbura f'dokument li ‘l quddiem għandu jkun diskuss fil-Parlament. Dan id-dibattitu għandu jibqa’ jsir kull sena wara konferenza bħal din li tibqa’ ssir ukoll kull sena bil-ħsieb li fil-pajjiż ikollna dibattitu politiku li jkun kapaċi jikkritika l-implimentazzjoni ta' dan iċ-Charter u jevalwa dak li jkun sar.
Il-Gvern huwa mpenjat li jimplimenta dan iċ-Charter Ewropew għall-Intrapriżi ż-żgħar, u għalhekk din il-ħidma għandha tkun mgħejjuna u segwita minn dawk kollha li jimpurtahom jaraw bidla oħra jseħħ f'pajjiżna.
Nawgura li l-implikazzjonijiet li ġġib magħha l-implimentazzjoni ta' dan iċ-Charter għandhom iwasslu biex f'pajjiżna jkollna politika mprenditorjali fejn il-persuna li involviet lilha nnifisa fil-kummerċ tkun tassew prijorita’ fil-ħidma tal-Gvern, stmata u fuq kollox tirrispetta lilha nnifisa bħala persuna fin-negozju u ma għandha xejn inqas minn ħadd.
Nawgura wkoll li fid-diskussjoni tal-lum, nifhmu iżjed li dak li qed jiġi mitlub minna bħala Gvern mill-Unjoni Ewropeja huwa ta’ gwadann għall-istess self-employed u negozji żgħar.
Dan iċ-Charter huwa l-impenn tal-Gvern f’dan l-eżerċizzju ta’ ristrutturar li għaddej minnu pajjiżna. Din hija prova ċara li aħna lkoll imsejjħa biex intejjbu l-istandard tal-ħidma tagħna u dan bla differenza bejn il-Gvern u l-Privat. L-impenn qiegħed għal kull min irid suċċess mill-ħidma tiegħu.
Nawgura wkoll li l-ħeġġa li ser turu intom fl-implimentazzjoni ta’ dan iċ-Charter ser tkun il-ħeġġa u l-kuraġġ li għandha tqanqal il-bidliet meħtieġa. Nawgura li dan kollu jkun mifhum, diskuss w implimentat għall-ġid tal-poplu tagħna u għall-iżvilupp ta’ l-ekonomija Ewropeja.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN