Left arrow Mur Lura

Jiżdied id-dħul għall-bdiewa

PR820
Date Icon 10/06/2002

Minkejja li fl-ewwel ħames xhur ta’ din is-sena l-bdiewa iddikjaraw li daħħlu fil-Pitkalija madwar 3 miljun kilo ta’ ħxejjex u frott anqas milli daħħlu fl-istess perijodu s-sena l-oħra, id-dħul tagħhom żdied b’Lm423,000 jew bi 15 fil-mija għal Lm3,195,500.

Dan qalu l-Ministru għall-Agrikoltura u Sajd, l-Onor. Ninu Zammit meta tkellem fil-laqgħa generali annwali tal-Koperattiva Agrikola Għawdxija Gozitano, fix-Xewkija.

Il-Ministru Zammit kien qiegħed jirreferi għall-għajnuna diretta li l-Gvern se jibda jagħti minn din is-sena lill-bdiewa u lir-raħħala, ħalli bit-tneħħija tal-protezzjoni jibqa’ jkollhom dħul xieraq u ġust. Din l-għajnuna għandha sservi wkoll biex isir ir-ristrutturar meħtieġ fis-settur agrikolu.

Il-Ministru għall-Agrikoltura sostna li l-levies iridu jispiċċaw, nissieħbu jew le fl-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant, kompla l-Ministru Zammit, l-għażla li għandhom quddiemhom il-bdiewa u r-raħħala hi bejn it-tneħħija tal-protezzjoni u r-ristrutturar, marbuta ma’ għajnuna kemm mill-Gvern, kif ukoll mill-Unjoni Ewropea u t-tneħħija tal-protezzjoni u r-ristrutturar mingħajr ebda għajnuna.

Hu enfasizza li t-tneħħija tal-protezzjoni m’hix se ssir mil-lum għal għada, iżda se tkun mifruxa fuq perijodu ta’ snin u allura l-levies se jitneħħew b’mod gradwali, jiġifieri ftit ftit. B’hekk, sakemm il-protezzjoni titneħħa għal kollox, il-bdiewa u r-raħħala, permezz ta’ għajnuna mill-pakkett speċjali finanzjarju li diġà tħejja mill-Gvern, ikunu jistgħu jirristrutturaw l-operat tagħhom u b’hekk tiżdied l-effiċjenza, titjieb il-kwalità u jkun sgurat li l-prodott jista’ jkun ikkunsmat mingħajr ebda periklu.

Il-Ministru Zammit wera l-apprezzament tiegħu għall-fatt li diversi bdiewa diġà qed jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet ġodda li se ġġib magħha l-Unjoni Ewropea, tant li minbarra li hemm min diġà qed jirristruttura l-operat tiegħu hemm oħrajn li qed jidiversifikaw b’mod partikolari billi qed jidħlu għat-tkabbir ta’ dwieli biex pajjiżna jkun jista’ jkollu nbejjed ta’ kwalità, kif ukoll għat-tkabbir taż-żebbuġ biex nibdew nipproduċu aħna stess iż-żebbuġ u ż-żejt taż-żebbuġ.

Hu qal li l-kampanji li saru f’dawn l-aħħar tliet snin biex tiżdied l-attività f’dawn l-oqsma taw il-frott mixtieq tant li fl-aħħar sentejn kienu impurtati madwar 300,000 dielja u madwar 32,000 siġra taż-żebbuġ. Dawn minbarra l-eluf ta’ rootstocks li nġiebu biex jitlaqqmu lokalment, fosthom 12,000 taż-żebbuġ li diġà huma mlaqqmin biex jibdew jitqassmu f’Jannar tas-sena d-dieħla. Semma wkoll li qed jikber l-interess fis-siġar tal-frott tant li, minbarra dawk imlaqqmin lokalment, f’dawn l-aħħar sentejn kienu impurtati 55,000 siġra tal-frott.

Il-Ministru Zammit qal li l-impenn tal-Gvern hu li jsaħħaħ is-settur agrikolu u jassigura li jkun sostenibbli. Hu qal li s-sostenibbiltà ma toħloqhiex biss billi tibni l-ħitan f’xi wied, iżda billi tirriforma s-settur u tħejji pjan għall-iżvilupp rurali. Sostna li r-realtà hi li dan it-tibdil u żvilupp ikun aktar faċli li jsir bis-sħubija fl-Unjoni Ewropea milli mingħajr is-sħubija.

Hu semma li għax għaddejjin mill-proċess li jwassal għas-sħubija, l-Unjoni Ewropea diġà qed tgħinna finanzjarjament. Bħala għajnuna finanzjarja għas-settur tal-biedja qabel is-sħubija, l-Unjoni Ewropea diġà ntrabtet li tati lil pajjiżna 5 miljun Ewro.

Il-Ministru Zammit semma wkoll li minbarra l-għajnuna li se jieħdu l-bdiewa, il-Gvern se joħolqilhom sistema ġdida ta’ tassazzjoni minflok is-sistema eżistenti fir-rigward tal-prodotti li jdaħħlu għall-bejgħ fil-Pitkalija. Hu qal li permezz ta’ din is-sistema l-bdiewa se jibbenefikaw minn rata baxxa ta’ taxxa, li tinqata’ direttament mill-ħlas li jsirilhom meta jdaħħlu l-biegħa. B’hekk, fl-aħħar tas-sena dawn ma jkollhomx għalfejn joqogħdu jħabblu rashom dwar kemm ikunu daħħlu matul is-sena għal skop ta’ taxxa għaliex it-taxxa tkun diġà mħallsa.

Fl-aħħarnett, il-Ministru Zammit wera s-sodisfazzjon tiegħu li l-bdiewa u r-raħħala qed jifhmu l-ħtieġa li jirristrutturaw biex tabilħaqq jassiguraw li l-biedja tibqa’ ħajja u sostenibbli.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

Aktar Stqarrijiet Right arrow