QRIB L-LM10 MILJUN F'TISBIĦ
Meta kien qed jinawgura l-progett ta' tisbih tal-promenade ta' Tas-Sliema, il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, l-Onor. Dr. Francis Zammit Dimech qal li kien Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista li fl-1996 beda programm ta' tisbiħ ta' promenades meta, f'Marsaskala u b'investiment qawwi ta' madwar Lm2 miljun, bidel is-sistema tad-drenaġġ u wessa' u bena mill-ġdid il-promenade tul Triq ix-Xatt.
Francis Zammit Dimech qal li f'dawn l-aħħar sitt snin it-tisbiħ tal-promenades sar vot regolari f'kull budget. Hu qal li kienu twettqu proġetti ta' tisbiħ tul il-promenades ta' Buġibba u l-Qawra, Marsaskala, Marsaxlokk u Birżebbuġa, Tas-Sliema u San Ġiljan. Sar xoghol ta' tisbiħ ukoll fil-bajjiet tal-Ġnejna u Għar Lapsi. F'dawn il-proġetti ntefqu qrib l-Lm10 miljun.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li wieħed mill-ikbar proġetti ta' tisbiħ li twettqu fl-aħħar snin hu dak tal-promenade ta' Tas-Sliema. Hu qal li permezz ta' dan il-proġett mhux biss issebbaħ il-promenade iżda tkabbret l-area li tulha jippassiġġaw in-nies b'ħamsin fil-mija.
Francis Zammit Dimech qal li t-tisbih ta' dan il-promenade jinfirex fuq tul ta' kilometru u nofs, mill-Fortizza sal-Balluta. Hu fakkar li fil-proċess ta' dan it-tisbiħ inbnew għadd ta' galleriji fuq il-baħar, tqiegħdu railings u bollards ġodda, sar pavimentar ġdid, inbena ġibjun biex jinġabar l-ilma tax-xita ħalli jintuża għall-irrigazzjoni tas-siġar u l-pjanti li tħawwlu f'postijiet li nbnew apposta, u tqiegħdu bankijiet u fanali dekorattivi.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li biex ma jkun hemm xejn li jistona mal-bqija tal-proġett, u hekk kollox jintegra, f'Fond Għadir id-Dipartiment tal-Bini u Inġinerija fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura bena gabbana tal-ħadid li ħadet post gabbana oħra li kienet fi stat ħażin u għalhekk tistona mal-kumplament tal-proġett. Il-gabbana nbniet b'tali mod li tinkorpora wkoll kenn għal dawk li jkunu qed jistennew il-karrozzi tal-linja.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li t-tisbiħ ta' dan il-promenade mhux biss intlaqa' tajjeb mir-residenti ta' tas-Sliema iżda sab kliem ta' tifħir mill-eluf ta' Maltin u barranin li jiffekwentaw dawn l-inħawi. Dan għaliex sar xogħol professjonali li juri li aħna l-Maltin għandna ideat u kapaċi daqs ħaddieħor.
Francis Zammit Dimech qal li l-promenade ta' tas-Sliema kien issa qed jingħaqad ma' dak ta' San Ġiljan li wkoll kien qed jinbena mill-ġdid u jissebbaħ. Il-Ministru qal li f'nofs dawn iż-żewġ proġetti kien hemm Ġnien l-Indipendenza, li kien l-ikbar ġnien ta' Malta u li inbena u baqa' jisebbaħ minn dan il-Gvern biex illum jintegra fil-proġett kollu ta' tisbiħ li mill-Fortizza jwassal sa Spinola.
Francis Zammit Dimech qal li ried jirringrazzja lil kulmin ħadem biex twettaq dan il-proġett. Hu rringrazzja lill-Perit Manwel Buttigieg li ddisinja l-proġett, periti oħra li taw sehemhom, lid-diversi taqsimiet fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura u lill-kuntratturi. Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura awgura li dan il-promenade jinżamm fi stat tajjeb biex jitgawda minn kulħadd.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li ried jieħu l-okażżjoni biex jifraħ lil Ira Losco li onorat pajjiżna meta kisbet l-aħjar post li qatt kisbet Malta kemm ilha tieħu sehem fil-Eurovision Song Contest. Hu qal li Ira Losco, li hi minn tas-Sliema, uriet lil kulħadd li ċ-ċokon ta' pajjiżna m'għandux ikun ta' ostakolu meta niġu biex nikkompetu. Darba jkollna d-determinazzjoni u l-fiduċja fina nfusna kapaċi daqs u aktar minn ħaddieħor.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN