DISKORS MILL-ONOR. ANTON TABONE, SPEAKER TAL-KAMRA TAD-DEPUTATI, FL-OKKAZJONI TAL-KOMMEMORAZZJONI TAS-SETTE GIUGNO - MISRAH IL-PALAZZ IL-BELT, VALLETTA
Fil-kalendarju nazzjonali ta' Malta l-avvenimenti tas-Sette Giugno għandhom tifsira kbira. Ta' kull sena n-nazzjon jieqaf għal mument ta' riflessjoni biex jagħti ġieħ lil tlieta minn ħutna Maltin u wieħed Għawdxi li fl-1919 offrew is-sagrifiċċju estrem fuq l-artal tal-patria. Iżda barra milli huwa mument ta' riflessjoni huwa wkoll mument ta' tifkira. Għaliex, kif għedna kemm il-darba, is-Sette Giugno huwa ħolqa mill-iktar qawwija fl-istorja politika u kostituzzjonali ta' Malta. Huwa avveniment li l-effetti tiegħu għadhom jinħassu sal-lum. Ir-risonanza tagħhom kienet tali li ġenerazzjonijiet sħaħ ta' politiċi ħassewhom influwenzati minnhom.
Għalhekk waqt li nagħtu ġieħ lill-memorja tas-Sette Giugno ma nistgħux ma nfakkrux għal darb' oħra dawk il-fatti, dik il-qagħda li wasslet għal dawk il-ġrajjiet demmija tas-sebgħa u t-tmienja ta' Ġunju ta' l-1919. Ir-raġunijiet immedjati li welldu s-Sette Giugno nistgħu niġbruhom fi tlieta. Kienu prinċipalment raġunijiet ekonomiċi, soċjali u politiċi.
Ma ninsewx li matul il-Gwerra l-Kbira ta' l-1914 Malta kienet ħasset sew nuqqasijiet kbar. Kuntrarjament għal dak li ġara fit-tieni Gwerra Dinjija x-xogħol naqas u għad li Malta ma kinitx soġġetta għal attakki mill-għadu kien jinħass ħafna l-ġuħ u l-għaks. Bħalma jiġri dejjem, ikun hemm min irekken sabiex il-prezzijiet jogħlew u kien hemm ukoll nuqqas ta' ċerti oġġetti essenzjali peress illi sottomarini Ġermaniżi kienu ta' theddida serja għall-vapuri li kienu jfornu lil Malta b'dawn l-oġġetti impurtati. Dan kollu kellu effett fuq il-popolazzjoni li kienet soġġetta għal forma ta' razzjon u kellha tħabbat rasha ma nuqqasijiet ta' oġġetti u ma' inflazzjoni dejjem togħla. Malli spiċċat il-Gwerra Malta kellha tħabbat wiċċha ma' sensji speċjalment minn mas-Servizzi Ingliżi. Iżda l-ikbar problema u forsi dak ix-xrar li kebbes in-nar kien iż-żieda fil-prezz tal-ħobż. Biex is-sitwazzjoni tkompli taggrava, il-Gvern Kolonjali Ingliż biex jagħmel tajjeb għan-nuqqas ta' fondi deherlu li għandu jagħmel taxxi ġodda inklużi dawk diretti bħal tas-suċċessjoni. Din ġabet għadab kbir fil-pajjiż anke minn inħawi li forsi ma kinux se jintlaqtu ħafna minnha.
Barra minn raġunijiet ekonomiċi u soċjali li wasslu għas-Sette Giugno hemm dawk politiċi-kostituzzjonali. Il-Maltin u l-Għawdxin kienu ilhom sa mill-bidu tal-ħakma Ingliża jitolbu kostituzzjoni rappreżentattiva li tagħtihom f'idejhom it-tmexxija ta' pajjiżhom. Kien hemm min kellu l-viżjoni ta' Malta Indipendenti anke fi żminijiet bikrija. Iżda l-aspirazzjonijiet urġenti kienu għal forma liberali ta' awtonomija. Din kienet ilha tberren f'moħħ il-politiċi Maltin. Meta waslet biex tispiċċa l-Gwerra kienu ħasbu li l-Ingilterra kienet se tkun grata għal dak li għamlet Malta għall-Allejati u tippremjaha b'kostituzzjoni deċenti. Kif kont semmejt f'taħdita minn dan il-post sentejn ilu kienet bdiet tiltaqa' Assemblea Nazzjonali li b'aċċident storiku kienet in session fl-istess ħin li ċċarċar demm Malti fis-Sette Giugno. Din l-Assemblea fil-fatt inbidlet eventwalment f'waħda kostitwenti li fasslet l-ewwel kostituzzjoni. Nistgħu ngħidu li l-aspirazzjonijiet nazzjonali insistenti kif kienu wasslu wkoll għall-ġrajjiet tas-Sette Giugno.
Mela kif rajna, dak li wassal għas-Sette Giugno kien marbut mhux biss ma' l-ekonomija iżda iktar u iktar mat-tbatija u l-aspirazzjonijiet tal-ġens Malti. Il-mistoqsijiet li jiġuk f'moħħok huma: Akkwista dak li xtaq il-poplu Malti? F'hiex issarraf is-sagrifiċċju tal-martri Maltin li xerrdu demmhom fit-toroq tal-Belt f'Ġunju ta' l-1919?
Nemmen li nistgħu ngħiduha bla tlaqliq illi s-Sette Giugno kellu effett pożittiv ħafna fuq il-ħajja tal-pajjiż. Għalhekk nagħmlu din iċ-ċerimonja anke b'sens ta' rikonoxximent. Jekk nibdew mil-lat politiku nistgħu ngħidu li l-Kostituzzjoni ta' l-1921, għad li kellha difetti u ma laħqitx l-aspirazzjonijiet kollha tal-Maltin, fethet it-triq għall-awtonomija u tat lil pajjizna l-ewwel Parlament. Biex jissieltu l-ewwel elezzjonijiet twieldu l-partiti politiċi kif nafuhom illum. Huwa veru li sa mill-1880 f'Malta kien jeżisti diġa' partit politiku. Iżda dan iktar nistgħu nsejħulu moviment nazzjonali milli partit. Kien moviment li jħaddan fih xeħtiet politiċi varji u kultant kuntrastanti. Iżda l-ispirazzjoni ewlenija kienet waħda nazzjonali. L-elezzjonijiet kienu jkunu għal ftit siġġijiet fil-Kunsill tal-Gvern dominat minn membri tal-Gvern Kolonjali. Meta feġġet il-kostituzzjoni nħolqu l-partiti. Dan kien pass verament 'il quddiem fil-mixja politika ta' Malta. Għaliex l-eżistenza u l-attivitajiet tal-partiti politiċi hija s-sinsla tad-demokrazija u tassigura li l-istat qatt ma jkun dominat minn partit wieħed kif hemm fi stati awtokrati.
Kisba importanti ħafna tas-Sette Giugno kien il-bidu tas-servizzi soċjali li ngawdu llum. Dan sar f'dawn l-aħħar tmenin sena taħt Gvernijiet Maltin diversi. Infatti amministrazzjonijiet Maltin ta' kuluri politiċi differenti fasslu matul iż-żmien raġġ kbir ta' servizzi soċjali li minnhom qed igawdu l-Maltin u l-Għawdxin illum. Mill-ħatra ta' l-ewwel Parlament fl-1921 sal-lum ġie mibni dak l-edifiċju kbir u għani ta' servizzi soċjali li jagħmlu l-qagħda tal-poplu tagħna verament ta' min jiftaħar biha. Insemmu l-pensjonijiet, is-social housing, l-għajnuna għall-handicapped, it-tagħlim mill-kindergarten sa l-Universita`, sptar u għajnuna medika, għajnuna għal nies bla xogħol, sussidji u ħafna affarijiet oħra. Dana kollu ġie matul is-snin mill-Parlament Malti li ra l-bidu tiegħu bħala effett dirett tas-Sette Giugno. Għalhekk irridu nkunu rikonoxxenti għal dawk l-avvenimenti u ta' kull sena nfakkruhom kif infakkru u nagħtu ġieħ ukoll lill-martri, il-protagonisti tiegħu.
Mela kif rajna, minn dawk in-nuqqasijiet kbar soċjali, ekonomiċi u politiċi li taw lok għas-Sette Giugno twettqu effetti pożittivi li llum qed ingawdu minnhom. Dak kollu li akkwistajna matul dan iż-żmien, speċjalment fil-qasam soċjali, jikkostitwixxi wirt imprezzabbli. Is-servizzi soċjali mibnijin b'tant għaqal, b'tant sagrifiċċju u b'tant investiment huma l-ġawhar tal-kuruna Maltija. Għad li huma prezzjużi m'humiex oġġetti li tpoġġihom f'xi vetrina f'mużew għall-ammirazzjoni tal-poplu. Huma kisbiet fraġili li wieħed irid jibża' għalihom, imantnihom u jieħu ħsiebhom għaliex jistgħu jintilfu jekk ma nindukrawhomx sewwa, jekk ma nħarsuhomx kif jixraq. Irridu naħdmu għalihom kuljum għaliex jistgħu biss jeżistu jekk ninvestu ħidmietna u mmantnuhom b'dak li bħala nazzjon kapaċi naqilgħu.
U xi ngħidu għall-kisbiet politiċi tagħna? Kif għedna, is-sistema Parlamentari tagħna hija bbażata fuq il-partiti politiċi li permezz tagħhom taħdem u ssaltan id-demokrazija. Hawn ukoll għandna għax ngħożżu dak li rbaħna matul iż-żmien. Mill-1919 Malta għaddiet minn gwerra dinjija, minn forom diversi ta' tmexxija sa ma ksibna l-Indipendenza fl-1964, u sirna Repubblika għaxar snin wara. L-għamla tal-Parlament ftit tbiddlet mindu twaqqaf fl-1921 għad li r-responsabbiltajiet tiegħu huma għal kollox differenti u bil-wisq ikbar minn dawk tal-bidu tiegħu. It-tħaddim tajjeb tal-Parlament jiżgura l-eżerċizzju sħiħ tad-demokrazija. Għalhekk l-imġieba korretta, u l-ħidma sfiqa tal-membri tal-Parlament fl-eżerċizzju tad-doveri tagħhom ikunu ta' għajnuna kbira biex dan jirnexxilu jwettaq xogħlu sewwa. Dan prinċipalment, kif tghid l-istess Kostituzzjoni, huwa biex "jagħmel liġijiet għall-paċi, ordni u gvernar tajjeb ta' Malta".
F'dan il-kuntest irrid infakkar f'meta kont tlabt lill-ex President ta' Malta Dottor Ugo Mifsud Bonnici biex jagħmel reviżjoni ta' l-Ordnijiet Permanenti tal-Kamra u li hu mhux biss aċċetta imma f'qasir żmien issottometta l-proposti tiegħu li jien għaddejt liż-żewġ naħat tal-Kamra għall-kunsiderazzjoni tagħhom. Irrid nittama li dan ix-xogħol ikun jista' jintemm għas-sodisfazzjon ta' kulħadd.
Sadanittant, matul din il-leġislatura, sa l-aħħar ta' Mejju kienu saru 747 seduta tal-Parlament, filwaqt li l-Kumitati tal-Kamra wkoll iltaqghu diversi drabi. Il-Kumitat Permanenti dwar ix-Xogħol tal-Kamra u l-Kumitat Permanenti dwar l-Affarijiet Soċjali ltaqgħu 52 darba kull wieħed; il-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi ltaqa' 80 darba; il-Kumitat Permanenti dwar l-Affarijiet Barranin iltaqa' 37 darba, filwaqt li l-Kumitat Permanenti għall-Konsiderazzjoni ta' Abbozzi ta' Liġi ltaqa' 145 darba. Ta' min jgħid li s-sena l-oħra ltaqa' għall-ewwel darba l-Kumitat Permanenti dwar il-Privileġġi li b'kollox iltaqa' sitt darbiet. L-għadd ta' mistoqsijiet parlamentari li saru jaqbeż it-33,900.
Huwa fatt li kemm ilna għaddejjin bil-ħames seduti fil-ġimgħa, li tista' tgħid bdejna hekk mill-bidu ta' din il-leġislatura, ma kienx faċli li l-membri ta' l-istaff jilħqu mat-typing, l-editing u l-pubblikazzjoni tad-dibattiti. Infatti kien hemm żmien meta kien hemm viċin il-100 seduta lura. Il-fatt li f'dawn l-aħħar xhur ġew nies ġodda, ippermetta li min hu ta' ċerta esperjenza jibda jagħmel xogħol ta' editing. B'hekk id-dibattiti qegħdin jiġu ppubblikati fi żmien ġimgħa, li huwa l-benchmark immirat. Madankollu jkompli jinħass il-bżonn urġenti ta' ngaġġ ta' aktar nies imħarrġa u ta' direzzjoni professjonali fl-ogħla livell biex l-amministrazzjoni tal-Parlament tikseb l-awtonomija sħiħa tagħha kif mixtieq u kif mistenni.
F'diskorsi preċedenti f'din l-okkażjoni kont irriferejt għal dik il-parti tal-Palazz li qabel kienet okkupata mid-Direttorat ta' l-Unjoni Ewropea u li issa tinsab vakanti. Fl-aħħar xhur sar xoghol ta' refurbishment f'dawn l-uffiċini. Fid-dawl ta' l-evolviment tal-Kumitati qed isiru aktar laqgħat frekwenti u peress li sal-lum biex ikunu jistgħu jiltaqgħu tliet kumitati fl-istess ħin ikollu jsir użu mil-librerija tal-Parlament, waħda mis-swali li hemm f'dan l-ispazju qed tiġi konvertita għal dan il-għan. Madankollu biex din l-area verament tkun tista' tibda tiġi utilizzata, irid ikun hemm aċċess aktar faċli kemm għas-sala tal-Parlament innifisha, kif ukoll għall-uffiċċji li hemm preżentement fil-Parlament. Kien għalhekk li tħejjew pjani sabiex isir taraġ u possibbilment anke lift li jgħaqqdu l-livell t'isfel mal-livell ta' fuq fejn hemm il-Parlament. Diġa' ġiet sottomessa applikazzjoni quddiem l-Awtorita' ta' l-Ippjanar sabiex jinħarġu l-permessi għal dan l-iżvilupp. Nispera li fix-xhur li ġejjin jitħaffef il-proċess sabiex ikun evitat aktar dewmien.
Nixtieq ukoll ngħarraf li x-xewqa li ilha varata li tinkiteb l-istorja tal-Parlament tagħna bdiet issir realta'. Infatti l-ktieb li qed jitħejja dwar l-istorja tal-Parlament mill-Professur Godfrey Pirotta bl-assistenza tad-Dipartiment ta' l-Informazzjoni (DOI) għandu l-ħsieb li jiġbor għall-ewwel darba l-ġrajjiet ta' din l-ogħla istituzzjoni politika tal-pajjiż. L-awtur se jesplora u jirrakkonta kif il-bidliet politiċi li seħħew f"Malta saru bidliet anki f'din l-istituzzjoni, anki jekk meta wieħed iħares lejn il-proċeduri tagħha jibqa' jara rabta soda mal-passat. Dan il-ktieb għandu l-ħsieb ukoll li jagħti ġieħ lil dawk il-personalitajiet Maltin li ħadmu biex il-Parlament Malti jistabbilixxi ruħu bħala istituzzjoni effettiva fit-tmexxijja tal-pajjiż. It-tama hi li l-pubblikazzjoni u l-ħruġ tagħha ssir sa tarf din is-sena.
Matul is-sena kompliet tiżvilupp is-sistema ta' recording diġitali tas-seduti u l-laqgħat tal-Kumitati Parlamentari li ntużat b'mod regolari għat-traskrizzjoni tad-dibattiti u b'mod frekwenti meta Membru kellu bżonn jirreferi għal diskors li jkun għadu kif sar fil-Kamra.
Qegħdin ukoll nipprovaw insaħħu l-aċċess għall-Internet li konna pprovdejna lill-Membri permezz ta' l-always on connectivity. Fl-istess ħin ipprovdejna l-facilita' li permezz tagħha s-segretarji u l-whips tal-gruppi parlamentari jkunu jistgħu jaghmlu kuntatt mal-Membri rispettivi mill-uffiċċju taghhom fil-Parlament permezz ta' messaġġi fuq il-mobile phones personali tagħhom.
Minn dan ix-xahar 'il quddiem, minbarra l-faċilita' li Membru Parlamentari jista' jiġi milħuq b'e-mail personali, ġie kkreat dak li jgħidulu e-mail ġeneriku sabiex il-pubbliku jkun jista' jikkomunika ma' grupp parlamentari. Bħal fil-każ tal-messaġġi fuq il-mobile phones, dan l-account jigi amministrat mis-segretarjat jew mill-whip rispettiv.
Bis-saħħa ta' dawn il-faċilitajiet qegħdin nipprovaw nagħtu mezz ieħor kif il-pubbliku jkun jista' jitlob għal jew jgħaddi informazzjoni lill-Membri Parlamentari.
Sena ilu minn dan l-istess post kont fakkart fit-tfassil tal-Bill of Rights tal-Maltin. Kont fakkart li fis-sena ta' wara, voldieri dis-sena, jaħbat it-tieni ċentinarju ta' dan l-avveniment hekk kbir fl-iżvilupp kostituzzjonali ta' Malta. Dan l-avveniment li forsi kien minsi fuq l-ixkafef kollha għabra ta' l-istorja jistħoqqlu rikonoxximent għallinqas mill-Parlament Malti. Kien qed jiġi affermat f'Ġunju ta' l-1802 l-ewwel u l-aqwa pass ta' korp rappreżentattiv - dak li jpoġġi s-sisien ta' kostituzzjoni. Infakkar il-kliem tal-preambolu ta' dan id-dokument storiku. Ir-rapprezentanti Maltin qalu li d-dokument kien intiz "biex jagħmlu kostituzzjoni ta' Gvern, li tassigura lilna u lil ta' warajna għal dejjem il-barka tal-ħelsien u d-drittijiet ta' liġi ġusta". Jiena ħeġġiġt biex dan iċ-ċentinarju jiġi kkommemorat bħalma kull sena nikkommemoraw is-Sette Giugno.
Illum għandi l-pjaċir ngħid li l-Kumitat Festi Nazzjonali ħejja diversi attivitajiet biex ifakkar dil-ġrajja, fosthom dokumentarju għat-televiżjoni fuq l-istazzjon ta' l-Istat li ser jixxandar fil-15 ta' dan ix-xahar u serata speċjali li se tkun organizzata flimkien ma' l-Universita' ta' Malta proprju nhar it-Tlieta li ġej, 11 ta' Ġunju. F'din is-serata mużiko-letterarja se jsir diskors ewlieni mill-Professur Henry Frendo u jagħlaq is-serata l-Eċċellenza Tiegħu l-President ta' Malta li għoġbu wkoll jospita din l-attivita' fil-Ġonna ta' San Anton.
Forsi wieħed jistaqsi x'inhi r-rabta bejn dan l-avveniment li ġara iktar minn mitt sena qabel il-grajja tal-lum. Ir-rabta hija fuq kollox it-triq twila u mgħawġa ta' l-iżvilupp kostituzzjonali ta' pajjiżna.
Is-Sette Giugno li aħna nikkommemoraw kull sena jagħtina tagħlima importanti ħafna. It-tnissil fid-demm ta' l-ewwel pass kostituzzjonali għall-ħelsien ta' pajjiżna jħeġġiġna biex niksbu dik l-għaqda li wrew missirijietna dakinhar. Jekk fostna ma ssaltanx il-għaqda l-kommemorazzjoni tas-Sette Giugno tkun ħaġa vojta u simbolika biss. Is-Sette Giugno rridu ngħixuh u nkunu denji tiegħu f'kull żmien. Huwa s-simbolu tal-għaqda nazjonali tagħna. Il-martri tas-Sette Giugno jixluna jekk aħna, anke fl-istess diversita` politika partiġġjana tagħna, ma nwarrbux dak li jifridna biex ningħaqdu bħala nazzjon wieħed. L-għaqda tkun il-veru frott ta' dak li ġara tlieta u tmenin sena ilu.
L-istorja moderna ta' Malta hija karatterizzata mid-determinazzjoni tal-poplu tagħna biex jikseb kontroll fuq id-destin politiku u ekonomiku ta' pajjiżu. U xejn ma jirrifletti din id-determinazzjoni iktar mill-moviment li beda lejn tmiem is-Seklu Tmintax u l-bidu tas-Seklu Dsatax, l-ewwel għal rappreżentazzjoni politika fil-limiti kostituzzjonali imposti mill-ħakma kolonjali u aktar tard għall-Parlament sovran fi gżira sovrana. U għalhekk nistgħu ngħidu li l-istorja parlamentari Maltija tirrifletti kemm il-mixja minn kolonja għal Stat sovran, kif ukoll ħafna mill-mumenti drammatiċi li wasslu għal dan l-iżvilupp. L-istorja parlamentari Maltija tirrifletti wkoll il-kisbiet soċjali, politiċi u ekonomiċi li għamlu dan il-pajjiż matul is-snin sal-lum il-ġurnata, għaliex kien fil-Parlament li l-liġijiet li għamlu dan kollu possibbli ġew varati, eżaminati u approvati.
Ir-rilevanza tas-Sette Giugno għadha u tibqa' magħna u tkun tassew ħasra jekk ma nibqgħux infakkru kif jixraq dan l-avveniment storiku u glorjuż.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN