SKOLA SPORT F’GĦAWDEX
Għat-tieni sena konsekuttiva Skola Sport ġiet fi tmiemha permezz ta’ Progressive Show fejn l-istudenti kollha li pparteċipaw ħadu sehem f’attivita’ li għaliha kienu wkoll preżenti l-ġenituri.
Matul din is-sena akkademika, madwar 400 tifel u tifla ħadu sehem f’din it-tieni edizzjoni ta’ Skola Sport, li tfittex li tintroduċi lil tfal u studenti lid-dinja ta’ l-isport. Dan billi tippromwovi l-isport bħala mezz ta’ edukazzjoni, formazzjoni u fuq kollox dixxiplina personali.
Din is-sena t-tfal li pparteċipaw kellhom għażla minn diversi dixxiplini sportivi differenti, fosthom table tennis, artistic gymnastics, handball, lawn tennis, basketball, educational gymnastics, martial arts, volleyball, baseball u field hockey. Dawn id-dixxiplini sportivi ġew mgħallma minn instructors differenti, magħżula minn persuni kkwalifikati f’dixxiplini diversi.
Matul din is-sena wkoll, Skola Sport organizzat it-tieni edizzjoni ta’ Student-Teacher Games fejn ipparteċipaw studenti u għalliema mill-iskejjel Ninu Cremona, Seminarju Minuri Qalb ta’ Ġesu’, Kelinu Galea, u Sir Mikelanġ Refalo flimkien ma’ ħaddiema mill-Kumpless Sportiv ta’ Għawdex.
Skola Sport ġiet organizzata bejn Ottubru 2001 u Mejju 2002. Matul is-sena akkademika li jmiss, huwa mistenni li Skola Sport testendi l-korsijiet tagħha għal tfal ta’ etajiet iżgħar, jiġifieri dawk li jattendu l-Year 3. Skola Sport ser tiffoka iktar fuq il-kordinazzjoni fiżika li hija mportanti ħafna għal tfal ta’ eta’ żgħira, speċjalment għaliex hija l-bażi ta’ kull dixxiplina sportiva.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN