Tqegħid ta’ kannizzati
PR777
31/05/2002
Dawk is-sajjieda li jixtiequ li jkollhom rimja biex jixħtu l-kannizzati għall-lampuki matul l-istaġun li ġej għandhom japplikaw għal liċenzja lid-Direttur Ġenerali tat-Taqsima għall-Konservazzjoni u Kontroll tas-Sajd, fuq il-formola preskritta, mhux aktar tard minn nofs inhar ta’ nhar it-Tnejn, 10 ta’ Gunju 2002.
Taħt l-ebda ċirkostanza ma tkun aċċettata applikazzjoni wara d-data tal-għeluq.
Il-liċenzji jingħataw skond ir-Regolamenti tas-Sajd Nru 24, 25 u 26 (Notifikazzjoni tal-Gvern Nru 205 tal-25 ta’ Mejju 1934 - ara para 13) b’dawn il-kundizzjonijiet li ġejjin:
- Dawk li japplikaw għal liċenzja għandhom jissodisfaw lid-Direttur Ġenerali tat-Taqsima għall-Konservazzjoni u Kontroll tas-Sajd li huma sidien reġistrati ta’ bastiment tas-sajd kapaċi għal dan ix-xogħol u li għandhom l-ekwipaġġ u l-irkaptu meħtieġ. Fil-każ li jkunu meħtieġa liċenzji jew permessi minn xi dipartiment ieħor tal-Gvern, dawn għandhom jinkisbu minn qabel u jiġu mehmuża ma’ l-applikazzjoni.
- Il-bastimenti li jkunu wżati għal dan is-sajd jeħtieġ li jkunu ta’ mhux anqas minn 6 metri (għoxrin pied), armati bil-boxxla, b’apparat għat-tifi tan-nar, u sistema biex tagħmel sejħa għall-għajjut bħal radio telephone jew VHF, (il-liċenzja maħruġa mid-Dipartiment tal-Wireless Telegraphy trid tkun ippreżentata ma’ l-applikazzjoni).
- Il-liċenzja għar-rimja tkun personali u ma tistax tingħata jew tkun trasferita lil ħaddieħor.
- Ma jkunx permess li jintuża xi bastiment ieħor minbarra dak li jkun imsemmi fl-applikazzjoni jekk mhux għal xi raġuni ta’ forza maġġura. Lanqas ma jkun permess li sid ta’ rimja jagħmel użu fuq ir-rimja tiegħu minn bastiment li jkun miktub fuq rimja oħra.
- Iċ-ċimi ma jistgħux jinxteħtu qabel il-ġurnata li tkun iffissata għal dan l-iskop mid-Direttur Ġeneral tat-Taqsima għall-Konservazzjoni u Kontroll tas-Sajd, u l-ewwel ċima ta’ kull rimja ta’ kull distrett għandha bilfors tinxteħet fil-ġurnata miftehma taħt id-Direzzjoni ta’ Uffiċjal tat-Taqsima.
- Ir-rimja għandha tinxteħet fil-ġurnata fuq ir-rotta u mill-post indikat mill-Uffiċjal tat-Taqsima għall-Konservazzjoni u Kontroll tas-Sajd. Min jixħet xi ċimi li ma jkunux skond dawn id-direttivi jkollu ċ-ċimi tiegħu mneħħija mingħajr preġudizzju għall-pieni stipulati u mingħajr ebda dritt ta’ kumpens, waqt li sid il-bastiment ikollu jħallas l-ispejjeż li jkunu saru mit-Taqsima għall-Konservazzjoni u Kontroll tas-Sajd għat-tneħħija ta’ l-istess ċimi.
- Dawk li japplikaw għal liċenzja għandhom jindikaw f’liema mid-distretti tas-sajd li jidhru hawn taħt jixtiequ jkollhom rimja biex jixħtu l-kannizzati u jagħtu wkoll it-tieni preferenza: San Pawl il-Baħar, Valletta, iż-Żurrieq, Wied il-Għajn, Marsaxlokk – il-Lbiċ, Marsaxlokk – ix-Xlokk, il-Ġnejna, l-Imġarr – il-Lbiċ, l-Imġarr – il-Grigal, ix-Xlendi u Marsalforn.
- Ir-rimjiet ta’ kull distrett separat ikunu mqassma bix-xorti bejn dawk li jkunu applikaw, iżda fit-tqassim ta’ dawn ir-rimjiet tingħata preferenza lil dawk is-sajjieda full-time li l-bastiment tagħhom kien reġistrat f’dak id-distrett qabel il-31 ta’ Jannar 2002.
- Meta jingħataw il-liċenzji, ikollhom preferenza dawn is-sajjieda li s-soltu jixħtu l-kannizzati fl-istaġun tal-lampuki u jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha msemmija qabel. Id-daqs tal-bastiment imsemmi fl-applikazzjoni u l-qbid tal-ħut reġistrat fil-Pixkerija jittieħdu f’kunsiderazzjoni meta jingħataw il-liċenzji.
- Min jingħata liċenzja hu marbut li jixħet mill-anqas ħamsa u tletin (35) ċima tul ir-rimja sa 15-il ġurnata wara li tkun intefgħet l-ewwel ġebla. Kull ċima għandha tkun immarkata bin-numru tal-bastiment u bin-numru tar-rimja, u ebda ċima ma tista tintefa’ lejn l-art minn dik li tkun mitfugħa mill-Uffiċjal tat-Taqsima Konservazzjoni u Kontroll tas-Sajd.
- Is-sajjieda ta’ kull distrett għandhom jitfgħu ċ-ċimi flimkien.
- Ma’ kull applikazzjoni irid ikun ippreżentat ċekk/garanzija bankarja ta’ Lm200 f’isem id-Direttur Ġenerali tat-Taqsima Konservazzjoni u Kontroll tas-Sajd. Kull min jonqos li jagħmel użu regolari mil-liċenzja, jew jaġixxi kontra kwalunkwe waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, jista’ jkollu l-liċenzja tiegħu jew tagħha miżmuma jew imħassra mingħajr preġudizzju għall-pieni stipulati u l-applikazzjoni tiegħu jew tagħha tista’ ma tkunx ikkunsidrata fis-snin ta’ wara
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN