Għawdex iniedi prodott turistiku ġdid: Il-Proġett tal-Mixjiet fil-Kampanja f’Għawdex
L-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex flimkien ma’ l-Onor. Dr. Michael Refalo, Ministru għat-Turiżmu, dalgħodu nedew il-proġett ta’ Mixjiet fil-Kampanja f’Għawdex, proġett maħdum bi sħab bejn il-Ministeru għal Għawdex, il-Ministeru tat-Turiżmu, l-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu flimkien ma’ l-Assoċjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu. Dan il-proġett ġie mniedi fil-Fanal ta’ Ġurdan, Għasri, Għawdex.
“Il-Proġett ta’ Mixjiet fil-Kampanja f’Għawdex” jagħti bixra iktar sħiħa lid-destinazzjoni “Għawdex”. Dan peress li permezz ta’ dan il-prodott, Għawdex qiegħed ikompli jfittex swieq ġodda għall-industrija tat-turiżmu tal-gżira. Dan il-proġett jikkumplimenta l-wegħda tal-Gvern fil-promozzjoni ta’ Għawdex bħala destinazzjoni distinta mill-bqija ta’ Malta. Il-proġett ifittex li jattira niċċa differenti ta’ turiżmu b’interessi speċjalizzati.
Il-Gvern huwa mpenjat bis-sħiħ fit-tfassil ta’ strateġiji ta’ marketing differenti li jidentifikaw prodotti ta’ kwalita’ li jistgħu joħolqu nteress ġdid u għalhekk jinbiegħu faċilment. Fil-fatt, huwa mpenn tal-Gvern preżenti li permezz ta’ l-implimentazzjoni ta’ dawn l-istrateġiji jattira turiżmu li jinfirex aħjar matul ix-xhur tas-sena. L-individwalizzazzjoni ta’ rotot fil-kampanja, tnejn minn liema ġew imnieda dalgħodu, flimkien mat-tfassil b’mod formali ta’ prodott li jista’ jiġi mibjugħ b’mod separat u distint, huwa ċertament pass fid-direzzjoni t-tajba għall-industrija tat-turiżmu tal-gżira t’Għawdex.
Il-Ministru Debono stqarret illi “għalkemm l-fatturi ta’ xemx u baħar huma ewlenin fl-attrazzjonijiet ta’ pajjiżna, jibqa’ l-fatt li Malta u Għawdex għandhom potenzjal enormi li joffru prodotti uniċi għall-gżejjer tagħna. Ma nistax hawnhekk ma nsemmix il-wirt storiku u kulturali ta’ Malta u Għawdex – ċertament prodotti li jekk esposti iktar fil-vetrina ta’ pajjiżna żgur li jattiraw sezzjoni partikolari ta’ turiżmu nternazzjonali.
Flimkien ma’ l-istorja u l-kultura ta’ pajjiżna rrid ukoll inżid l-ambjent rurali tal-kampanja tal-gżejjer tagħna, b’mod partikolari ta’ Għawdex. Huwa fatt magħruf li, għalkemm s’issa strutturi formali li jippermettu u jiffaċilitaw tip ta’ turiżmu attirat mill-kampanja u l-kosta Għawdxija ma kienux jeżistu, fl-istess ħin, għal dawn l-aħħar 25 sena, numru konsiderevoli ta’ turisti kienu qed iżuru lill-gżira tagħna propju bl-iskop li jesplorawha bil-mixi”.
Kien għalhekk li sa mill-1995 il-Ministeru għal Għawdex, li dejjem emmen fil-potenzjal ta’ prodott turistiku bħal dan li qed inniedu hawnhekk dalgħodu, permezz ta’ studju, evalwa l-proposta ta’ mixjiet fil-kampanja bħala pakkett ġdid li jista’ jiġi offrut lit-turist. Kien ukoll għalhekk illi, ftit iktar minn sena ilu, il-Ministeru għal Għawdex reġa’ ta spinta lill-proġett li l-Amministrazzjoni preċedenti kienet ħalliet fuq l-ixkaffa.
“Dan għaliex il-Gvern preżenti jemmen bis-sħiħ fil-potenzjal ta’ Għawdex fil-qasam turistiku. Ma rridux nikkuntentaw irwieħna biss bi kwantita’ ta’ turisti li jiġu jżuru lill-gżira għal ftit siegħat. Irridu naħdmu bis-sħiħ sabiex it-tip ta’ turiżmu li nattiraw lejn Għawdex ikun iktar dak ta’ kwalita’, dak li kapaċi jqatta’ iktar iljieli fil-gżira u li verament jista’ japprezza lil Għawdex bl-iktar mod sħiħ, fl-isbaħ żmien tiegħu”.
Il-Proġett ta’ Mixjiet fil-Kampanja f’Għawdex mhuwiex biss il-preżentazzjoni ta’ strateġija u ta’ prodott ġdid. Dan il-proġett huwa wkoll kkumplimentat b’sett ta’ pubblikazzjonijiet ġodda, tnejn minnhom ppreżentati llum. ‘Il-Mixja f’Daħlet Qorrot’ u “Il-Mixja f’Ta’ Ġurdan” mhumiex biss għodda promozzjonali sabiex jattiraw iktar turiżmu lejn Għawdex, iżda wkoll sabiex jakkumpanjaw lill-qarrej tul il-mixja. F’dawn il-pubblikazzjonijiet, wieħed isib informazzjoni deskrittiva tar-rotta u ta’ l-inħawi tal-madwar flimkien ma’ mappa, sett ta’ ritratti oriġinali li jiffokaw fuq ix-xeni panoramiċi, l-arkitettura, l-ambjent naturali u aspetti oħra nteressanti. Iż-żewġ pubblikazzjonijiet jagħtu fatti nteressanti u anke ħjiliet dwar ir-rotot indikati. Iż-żewġ pubblikazzjonijiet jinsabu għall-bejgh minn bookshops ewlenin f’Malta u Għawdex.
Dan il-proġett huwa wkoll ikkumplimentat b’esibizzjoni ta’ ritratti oriġinali li wkoll jidentifikaw xeni mill-isbaħ kif ukoll pjanti, ħxejjex, fjuri u iktar, li bħalissa qed tinżamm fis-Sala ta’ l-Esibizzjonijiet fil-Ministeru għal Għawdex. Iktar tard, din il-wirja tittella’ fil-fieri speċjalizzati ta’ turiżmu barra minn Malta fejn l-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu kif ukoll l-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu Għawdxija ta’ kull sena jipparteċipaw. Il-wirja tittella’ wkoll f’dawk il-lokalitajiet, prinċiparjament ġewwa l-Italja, fejn Kunsilli Lokali Għawdxin qed iwettqu proġetti ta’ ġemellaġġi magħhom.
"Il-Proġett ta’ Mixjiet fil-Kampanja f’Għawdex” ġie mniedi din is-sena, li hi wkoll is-Sena Internazzjonali ta’ l-Ekoturiżmu ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tat-Turiżmu.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN