KORS FIX-XJENZA TAS-SAJD
Il-Ministeru ta’ l-Agrikoltura u Sajd, permezz tat-Taqsima għall-Konservazzjoni u Kontroll tas-Sajd, flimkien ma’ l-Università ta’ Plymouth (UK), il-proġett COPEMED (tal-FAO) u Edexcel (UK), ser jorganizza t-tieni kors fil-Fisheries Science for the Mediterranean Countries. Il-kors ser jibda fl-1 ta’ Ottubru 2002.
Dan il-kors ta’ sentejn iwassal għall-Higher National Diploma in Fisheries Studies. Bħala kors vokazzjonali, m’għandux eżamijiet formali, imma jsiru assessments matul il-kors kollu dwar parteċipazzjoni, attendenza, xogħol li jkun sar fuq assignments,field work u xogħol prattiku iehor.
Il-kors, li parti kbira minnu hi ibbażata fuq esperjenzi diretti, għandu diversi skopijiet prinċipali x’jilħaq, fosthom li jipprovdi bażi edukattiva f’karrieri amministrattivi u maniġerjali fl-industrija tas-sajd inġenerali; u jipprovdi studji speċjalizzati għal dawk l-istudenti li huma interessati li jsibu impjieg jew professjoni f’din l-industrija.
Dawk l-istudenti li jiksbu marki għoljin fl-aħħar tal-kors jistgħu jagħżlu li jidħlu fit-tieni sena tal-kors li jwassal għall-BSc (Hons) Fisheries Science Degree fl-Università ta’ Plymouth. Din id-diploma tkun ta’ vantaġġ kbir għal min jixtieq jibda jew ikompli karriera fl-industrija tas-sajd.
Kemm il-lecturers Maltin kif ukoll dawk barranin huma kollha esperti fil-qasam taghhom. Il-lecturers magħżula jkopru l-oqsma kollha involuti f’din ix-xjenza.
L-Edexcel hi l-organizzazzjoni internazzjonali inkarigata biex tiżgura li jinżamm livell għoli f’korsijiet ta’ din ix-xorta.
Il-kors hu miftuh kemm għal studenti Maltin kif ukoll barranin minn pajjiżi fil-Mediterran. Biex wieħed jidħol għal dan il-kors irid ikollu livell ordinarju fl-Ingliż, il-Matematika u l-Bioloġija u żewġ suġġetti f’livell avvanzat, fejn wieħed minnhom irid ikun fix-Xjenza. Applikanti li jkollhom 25 sena u aktar jistgħu jiġu aċċettati bħala studenti maturi wara li joqogħdu għal intervista.
Il-formoli ta’ reġistrazzjoni, flimkien ma’ aktar informazzjoni, jistgħu jinkisbu mit-Taqsima għall-Konservazzjoni u Kontroll tas-Sajd, Ċentru Malti għax-Xjenzi tas-Sajd, Torri San Luċjan, Marsaxlokk, mit-Tnejn, 3 ta’ Ġunju 2002, mit-08.30 sa nofs inhar, mit-Tnejn sal-Ġimgħa.
L-applikanti għandhom jippreżentaw iċ-ċertifikati oriġinali, kopji ta’ l-istess ċertifikati, żewġ ritratti tal-passaport, curriculum vitae u kopja tal-karta ta’ l-identità. Il-formoli mimlijin flimkien mar-rekwiżiti msemmija għandhom jitwasslu fl-istess indirizz mhux aktar tard minn nofs inhar tal-Ġimgħa, 9 ta’ Awissu 2002.
Applikazzjonijiet li jaslu wara din id-data ma jkunux ikkunsidrati.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN