L-ISPTAR MATER DEI JIFTAĦ F'ĠUNJU 2003
Il-Prim Ministru għamel żjara lill-proġett ta' l-Isptar il-Ġdid fejn ġie muri l-progress tax-xogħol li għaddej bħalissa, b'mod partikolari fuq id-Dipartiment ta' l-Out-Patients li se jiftaħ f'Ġunju 2003. Meta dan id-Dipartiment jiftaħ, se jibda jopera flimkien ma' dak ta' St. Luke's, sakemm is-servizzi jiġu kollha trasferiti għall-isptar il-ġdid sa l-2005.
Il-Prim Ministru ttieħed jara l-Utility Building li fih ser ikun hemm apparat tekniku neċessarju biex jipprovdi lill-isptar b'elettriku, sħana u ilma. L-isptar se jkollu bżonn enerġija ta' 18MVA, l-istess ammont li jieħu Għawdex kollu. Il-Prim Ministru seta' jara tliet stand-by generators li fil-każ ta' interruzjoni fis-servizz, dawn jibdew jiffunzjonaw awtomatikament, billi jissuplixxu enerġija elettrika f'sezzjonijiet identifikati ta' l-isptar. Il-kapaċità totali ta' dawn it-tliet ġeneraturi hija ta' 7680KW li allura hija madwar 45% ta' l-enerġija totali ta' l-isptar. Dan l-impjant huwa ppjanat li jkun jista' jitħaddem minn Awissu 2002. F'dan il-bini, il-Prim Ministru seta' jara s-Switch Rooms li huma marbuta ma' żoni differenti ta' l-isptar. L-apparat fis-Switch Rooms huwa ppjanat li jiġi kkummissjonat f'Ottubru 2002.
Il-Prim Ministru seta josserva l-pass mgħaġġel li bih għaddej ix-xogħol fil-Block ta' l-Amministrazzjoni fejn qiegħed isir xogħol ta' installazzjoni ta' servizzi kif ukoll xogħol konness ma' irtokki li hu maħsub li jitlestew f'Novembru 2002. Partijiet minn dan il-Block bħalissa qegħdin jintużaw bħala uffiċini temporanji għall-ħaddiema fuq il-proġett.
Fil-post fejn ġejjin is-swali, il-Prim Ministru seta' jara kampjun ta' kamra b'erba sodod kompluta minn kollox. Din il-kamra tipika tagħmel parti minn sala li tiġbor fiha taħlita ta' kmamar ta' sodda waħda, tnejn, erbgha jew sitt sodod. Kull waħda minn dawn il-kmamar għandha faċilitajiet sanitarji en-suite. Ġie spjegat lill-Prim Ministru li kull pazjent se jkollu komodina, gwardarobba żgħira, telephone u possibiltà ta' televiżjoni. Barra minnhekk, se jkun hemm ukoll sistema msejħa Nurse Call li biha l-pazjent jista` jkellem lill-infermiera mis-sodda tiegħu. F'din il-parti ta' l-isptar, il-Prim Ministru seta` jara x-xogħol inizjali ta' partitioning.
Fuq il-bejt, il-Prim Ministru ġie muri struttura tal-ħadid li sa Ġunju 2004 se tkun installati fiha l-Air Handling Units abbinati ma' l-arja kundizzjonata kollha ta' l-isptar.
Minn fuq il-bejt ukoll, il-Prim Ministru seta' josserva numru kbir ta' ħaddiema fuq il-lant tax-xogħol, impenjati f'xogħol vast ta' kostruzzjoni fuq id-daħla prinċipali ta' l-isptar. Ġie muri ukoll fejn qed jinbnew restaurant għall-istaff, auditorium, kappella u d-daħla prinċipali, li fiha se jkun hemm numru ta' ħwienet u servizzi neċessarji. Aktar 'il bogħod mis-sit proprju tal-proġett, ġie spjegat lill-Prim Ministru x-xibka ta' toroq li hemm ippjanati għal dan il-proġett.
Fl-aħħar taż-żjara, il-Prim Ministru qal li l-awtonomija qegħda tiġi ntrodotta b'pass meqjus fl-isptarijiet tal-Gvern. Hu ħabbar li l-isptar Monte Karmeli se jingħata l-awtonomija finanzjarja mill-1 ta' Jannar 2003. Il-Prim Ministru kompla jghid li issa kien wasal iż-żmien li l-isptar f'Tal-Qroqq jingħata isem u l-bieraħ fuq suġġeriment tal-Ministru tas-Saħħa, il-Kabinett qabel li mil-lum 'l quddiem l-isptar il-ġdid se jibda jissejjaħ Sptar Mater Dei.
Il-Ministru tas-Saħħa, Dr Louis Deguara irringrazzja lill-Prim Ministru ta' din iż-żjara u qal, li kif wieħed jista' jara x-xogħol għaddej b'ritmu tajjeb u l-progress huwa dak previst. Bħalissa fuq il-proġett hemm jaħdmu madwar 700 ħaddiem.
Waqt din iż-żjara, il-Prim Ministru kien akkumpanjat mill-Ministru tas-Saħħa, l-Onor. Dr. Louis Deguara, it-Tabib Joe Pace, President tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi, is-Sur Manuel Attard, Uffiċjal Ewlieni Eżekuttiv tal-Fondazzjoni u t-Tabib Kenneth Grech, Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni ta' l-Isptar il-Ġdid.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN