Left arrow Mur Lura

Diskors tas-Segretarju Parlamentari l-ONOR. Edwin Vassallo, fl-okkażjoni tal-preżentazzjoni taċ-CHarter Ewropew għall-Intrapriżi ż-Żgħar lill-President ta’ Malta

PR741
Date Icon 27/05/2002

Eċċellenza,

Meta qegħdin insegwu d-direzzjoni lejn sħubija fl-Unjoni Ewropeja, qed nifhmu iżjed il-ħtieġa ta’ l-iżvilupp tal-Politika Mprenditorjali f’pajjiżna. Permezz ta’ din il-ħidma l-Gvern qed itejjeb u jgħolli l-livell tas-servizz li joffri lil min huwa żgħir fin-negozju f’pajjiżna

Minn meta l-applikazzjoni ta’ pajjiżna għas-sħubija fl-Unjoni Ewropeja ġiet milquha u beda l-proċess tat-tħejjija għas-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropeja, ngħid għalija bħala Segretarju Parlamentari fil-Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi u responsabbli partikolarment biex norganizza strutturi ġodda għas-servizz lis-self-employed u negozji żgħar, li f’pajjiżna ma kienux jeżistu qabel, ħassejt daqs li kieku kelli għajnuna oħra li qed tgħini nwettaq il-ħidma tiegħi.

Meta pajjiżna beda l-proċess ta’ tħejjija għal sħubija fl-Unjoni Ewropeja, dak kollu li bdejna naħdmu dwaru qabel dan l-avveniment, rajtu jieħu dimensjoni ġdida u jieħu sens ġdid. Mhux għaliex dak li bdejna naħdmu fuqu konna qed nagħmluh għal wiċċ l-Unjoni Ewropeja iżda għaliex dak kollu li konna qed nagħmlu għal wiċċna, għal ġid tas-self-employed tagħna, sar jagħmel aktar sens, u jilħaq il-milja tiegħu fil-proċess tas-sħubija fl-Unjoni Ewropeja.

Hekk il-ħidma biex inwaqqfu l-Small Business Unit, il-Kunsill Malti għall-Artiġjanat, l-organizzazzjoni tal-Commerce Division u l-eżerċizzju ta’ simplifikazzjoni ta’ proċeduri f’diversi oqsma kollha ħadu ċertu prijorita’.

Kull inizjattiva bdiet tittieħed f’dawl ta’ proċess ġdid. Ma bqajtx waħdi nressaq it-talba quddiem il-Gvern għal dawn il-bidliet, iżda issa kelli l-appoġġ mill-Unjoni Ewropeja li dak li ilu jinħass li kellu jsir biex f’pajjiżna jkollna servizzi aħjar u aktar effiċjenti għas-self-employed u negozji żgħar, issa kien qed jintalab ukoll mill-Unjoni Ewropeja li għandu jsir kemm f’pajjiżna kif ukoll minn kull pajjiż ieħor applikant.

Dak li ilhom żmien jitolbu l-G.R.T.U., l-Kamra tal-Kummerċ u l-Federazzjoni ta’ l-Industrija kien rikjest ukoll mill-Unjoni Ewropeja f’isem in-negozji żgħar ta’ kull pajjiż applikant u dawk diġa’ imsieħbin.

L-iżvilupp ta’ Politika Mprenditorjali beda jagħmel aktar sens għaliex issa kellna naraw li f’pajjiżna wkoll noffru servizz ta’ kwalita’ w aktar effiċjenti għal min qiegħed fin-negozju u fuq kollox b’attenzjoni għal min huwa żgħir fin-negozju.

L-Unjoni Ewropeja ma setgħetx tibqa’ tfisser biss dmirijiet ġodda u ristrutturazzjoni tas- settur imprenditorjali iżda saret tfisser ukoll tisħieħ, tiġdid u ristrutturazzjoni tas-servizz burokratiku lis-settur imprenditorjali. Dak li ntalab mill-Gvern mis-settur imprenditorjali lokalment, l-Unjoni Ewropeja kienet qed titolbu li jsir mill-Gvern għall-ġid ta’ l-istess settur imprenditorjali mill-pajjizi kolha applikanti.

Il-proċess ta’ tħejjija għal sħubija fl-Unjoni Ewropeja għal Gvern fisser li jrid jittejjeb l-effiċjenza tas-servizz li kien qed joffri għal min huwa żgħir fin-negozju. Għalhekk issa l-Gvern kellu l-aħjar direzzjoni fuq xhiex jiffoka l-ħidma tiegħu b’risq is-settur tan-negozju ż-żgħir f’pajjiżna.

Bdejna l-ewwel bl-eżerċizzju tas-C.C.B.E.S.T. (Candidate Countries Business Environment Simplification Task Force). Kien eżerċizzju li ntroduċa l-impenn li nissimplifikaw l-ambjent kummercjali favur in-negozji ż-żgħar.Dan kollu kien qed isir għaliex il-Gvern Malti minn rajh għażel li għal ġid ta’ dan il-pajjiż u l-poplu tagħna, kemm-il darba ma nridux nitilfu l-abbilita’ kompetittiva ta’ pajjiżna jridu naraw li ntejbu l-standards ta’ servizz li noffru lil min qiegħed fin-negozju.

F’dan il-kuntest il-Gvern flimkien mal-pajjiżi l-oħra applikanti għadda wkoll biex jirratifika l-Ċarter Ewropew għall-Intrapriżi ż-Żgħar.

Eċċellenza, jiena kburi li kemm f’isem il-Gvern Malti kif ukoll f’isem sħabi self-employed jiena rratifikajt dan iċ-Carter Ewropew li fih innifsu jindika issa x’għandhom ikunu l-impenji u d-dmirijiet tal-Gvern lejn is-settur tan-negozji ż-żgħar.

Kif tista’ tara, Eċċellenza, mal-kopja ta’ dan iċ-Ċarterqed ngħaddilek kopja ta’ dokument li jiena ffirmajt mar-rappreżentanti tal-pajjiżi applikanti. Persważ li tista’ faċilment tifhem u tapprezza aktar x’inhuma issa l-impenji tal-Gvern Malti li jrid iwettaq biex ikompli jiżviluppa u jġib fis-seħħ politika mprenditorjali fejn l-imprenditur ikun prijorita’.

Mill-kliem irridu ngħaddu għall-fatti. Dak hu l-impenn tagħna bħala Gvern li bil-għajnuna wkoll ta’ l-għaqdiet tan-negozji tagħna, li għandhom sehem importanti f’din l-esperjenza li minnha rridu ngħaddu flimkien u nitgħallmu minnha, nemmen li għandna opportunita’ biex flimkien nimmaturaw f’dan l-impenn li niżviluppaw il-politika mprenditorjali f’pajjiżna. Hekk nemmen li għandna naslu wkoll biex intejbu r-relazzjoni ta’ bejnietna li għandha tbiddel il-mod ta’ kif s’issa dejjem ħadmu l-għaqdiet tan-negozji u l-Gvern flimkien biex joħolqu l-aħjar ċirkostanzi li fihom jistgħu jaħdmu n-negozji żgħar tagħna, li bħal f’pajjiżi l-oħra kemm applikanti kif ukoll pajjiżi membri fl-Unjoni Ewropeja jlaħħqu aktar minn 97% ta’ l-intrapriżi li jaħdmu .

Ġejna hawn fimkien, għaliex ridna nuru quddiemek bħala l-President ta’ dan il-pajjiż, u għalhekk quddiem dan il-poplu l-impenn tagħna lejn l-iżvilupp tal-politika mrenditorjali f’pajjiżna permezz ta’ twettiq ta’ dan l-impenn kif jidher miktub f’dan iċ-Ċarter Ewropew għall-Intrapriżi ż-Żgħar.

Napprezzaw ħafna Eċċellenza l-appoġġ tiegħek f’din il-ħidma b’kull sehem li tista’ toffri. Dak li qed nitkellmu dwaru llum huwa parti minn bidla kbira, fost oħrajn bidla ta’ mentalita’ li nemmen li jeħtieġ li ssir kemm-il darba rridu naraw settur imprenditorjali kapaċi jikkompeti u joħloq ix-xogħol.

Grazzi Eċċellenza ta’ kull appoġġ u napprezzaw ħafna li jkollna lilek bħala l-ewwel imsieħeb ewlieni f’din il-ħidma b’risq in-negozji żgħar f’pajjiżna u fost il-poplu tagħna.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

Aktar Stqarrijiet Right arrow