Diskors mis-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi l-Onor. Edwin Vassallo waqt l-inawgurazzjoni ta’ l-elicences portal
L-impenn li għandu l-Gvern Malti fl-iżvilupp ta’ politika imprenditorjali jrid iwassal li f’pajjiżna jinħolqu mekkaniżmu u metodi ta’ kif jittejjeb kontinwament is-servizz biex titnaqqas il-burokrazija ghal min huwa żgħir fin-negozju, kif ukoll lis-settur imprenditorjali kollu.
Dan l-impenn jidher ċar fic-Charter Ewropew għall-Intrapriżi ż-Żgħar, li l-Gvern Malti rratifika ma’ l-Unjoni Ewropea. Fost l-impenji li huma indikati fic-Charter, nikkwota din il-linja ta’ azzjoni:
"Intejbu l-aċċess permezz ta’ l-Internet
“L-Awtoritajiet pubbliċi għandhom jiġu mħeġġa biex jiżviluppaw aktar il-komunikazzjoni elettronika mas-settur tan-negozju ż-żgħir. B’hekk, il-kumpaniji jkunu jistgħu jirċievu pariri, jagħmlu applikazzjonijiet, jibagħtu l-formoli tat-taxxa jew jirċievu tagħrif sempliċi permezz ta’ l-Internet, f’kelma waħda aktar malajr u b’mod irħas. Il-Kummisjoni trid tkun minn ta’ quddiem biex tagħti l-eżempju f’dan il-qasam.”
Dan l-impenn qed jitwettaq b’mod konkret permezz tal-ħidma li qed issir mill-Ministeru għall-Ġustizzja u l-Gvern Lokali, li l-ghan tiegħu f’din il-ħidma huwa li jara li jiżviluppa f’pajjiżna struttura avvanzata ta’ E-Government. Dan jinkludi wkoll l-aħjar struttura ta’ network elettroniku li jwassal biex f’pajjiżna nipprovdu l-aqwa servizz liċ-ċittadin, kif ukoll l-aqwa struttura li tista’ taqdi lil min qiegħed fin-negozju filwaqt li ssaħħaħlu l-abbilta’ kompetittiva fin-negozju tiegħu.
L-okkażjoni tal-lum, għalija m’għandiex tfisser biss inawgurazzjoni ta’ web site ta’ l-E-licenses fejn issa l-imprenditur jista’ jħallas il-liċenzja tiegħu permezz ta’ din il-facilita’, iżda hija iżjed minn hekk. Għal kull min qiegħed fin-negozju din l-inawgurazzjoni hija akkwist ġdid lejn servizz ahjar li jnaqqas il-burokrazija tal-Gvern.
Sal-ġurnata tal-lum, it-Trade Licensing Unit għandha mas-700 applikazzjoni ta’ xorta jew oħra ta’ negozju li qed ikunu proċessati skond is-sistema l-gdida tal-hrug ta’ licenzji tan-negozju.
Din il-web site hi faċilita’ li permezz tagħha, tista’ titwassal kull informazzjoni li għandha x’taqsam mal-bzonnijiet mehtiega biex wieħed jidħol fin-negozju. Dan is-servizz ser ikun ukoll estensjoni tas-servizz li s-Small Business & Crafts Unit qed toffri.
L-iSmall BusinessUnit hija d-dipartiment tal-Gvern li proprju ġie organizzat fil-Commerce Division f’dan l-aħħar tliet snin, biex ikun il-qofol ta’ support service li pajjiżna issa qed joffri għas-self-employed u negozji ż-żgħar. Permezz ta’ dan is-servizz u din il-facilita’, ser jintlaħaq aħjar l-iskop tas-servizz mill-Gvern lejn min huwa żgħir fin-negozju .
Fil-futur l-Awtoritajiet kollha li qed jirregolaw u joħorġu l-liċenzji tan-negozju tas-setturi differenti ser ikunu kollha fuq din il-web-site; u għalhekk permezz ta’ din il-web-site, f’pajjiżna nistgħu ngħidu li għandna one-stop shop elettroniku li ser joffri servizz uniku dwar il-proċess u l-ħlas tal-liċenzji tan-negozju u kull informazzjoni li tirrigwardja dan il-proċess.
Ma nistax għalhekk ma nirreferix għal impenn ieħor li jinsab fil-Charter Ewropew għall-Intrapriżi ż-Żghar li permezz ta’ l-iżvilupp tal-lum ser inkunu qed inwettqu:
"Mudelli ta’ kummerċ elettroniku li rnexxew u inkoraġġiment għall-użu ta’ l-ogħla livell favur in-negozju ż-żgħar
“Il-Kummisjoni u l-Istati membri għandhom jinkoraġġixxu l-intrapriżi ż-żgħar biex jużaw l-aħjar metodi u jadottaw mudelli ta’ kummerċ li rnexxew u li jgħinhom verament jirnexxu fl-ekonomija l-ġdida.
“Aħna ser nikkordinaw l-attivita’ ta’ l-Istati Membri u l-Unjoni Ewropea biex noħolqu sistemi ta’ sostenn ta’ tagħrif kummerċjali, xbieki ta’ komunikazzjoni u servizzi li wieħed jista’ juża faċilment u jifhem, u li huma utli għall-bżonnijiet tan-negozju; niżguraw aċċess fis-settur kollu ta’ l-Unjoni Ewropea għall-gwida u sostenn minn dawk l-ispeċjalisti li jagħtu parir dwar setturi tan-negozju, inkluż permezz tal-websites, u nużaw l-Osservatorju Ewropew rigward l-SME’s.”
Meta qegħdin inġibu fis-seħħ il-ħidma f’din id-direzzjoni, inkunu qed nagħtu valur miżjud lil dan is-servizz. Qed nagħtu wkoll servizz ta’ għajnuna u nkoraġġiment għal min qiegħed fin-negozju.
Irrid għalhekk nawgura u ngħid grazzi lill-Ministru Dr. Austin Gatt u l-Ministeru tiegħu kif ukoll lill-M.I.T.T.S. Nawgura wkoll lill-iSmall Business Unit li jagħrfu jżommu din il-web-site bl-aħjar mod possibbli. Qegħdin ninawguraw best practice li f’pajjiżna għandu jagħmilna kburin, iżjed u iżjed meta nagħrfu li meta qed ninawguraw servizz bħal dan, qed inwettqu wkoll impenn li għandna ma’ l-Unjoni Ewropea.
Hekk nawgura li bħala poplu nagħrfu wkoll li meta qegħdin inwettqu l-impenji tagħna li għandna ma’ l-Unjoni Ewropea qed ngħollu l-livell ta’ kwalita’ fis-servizz li bħala Gvern qed noffru lil min huwa żgħir fin-negozju.
Nawgura li dan is-servizz ikun pass ieħor ’il quddiem lejn għoti ta’ servizz aktar effiċjenti għal min qiegħed fin-negozju.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN