Jintlaħaq ftehim dwar esportazzjoni ta’ patata
Wara jiem sħaħ ta’ konsultazzjonijiet bejn it-Taqsima għas-Servizzi Agrikoli u Żvilupp Rurali u l-Malta Potato Export Growers Co Ltd., dwar l-esportazzjoni ta’ 62 tunnellata patata tal-varjetà ESTIMA, li oriġinarjament kellha tkun esportata lejn is-suq Ingliż, intlaħaq ftehim biex l-istess patata tkun esportata lejn is-suq Olandiż, kif kien suġġerit ħdax-il gurnata ilu mill-Ministeru ta’ l-Agrikoltura u Sajd.
Il-Ministru għall-Agrikoltura u Sajd, l-Onor. Ninu Zammit qal li permezz ta’ dan il-ftehim kien evitat li b’xi mod, jitħassar il-kuntratt ewlieni ta’ esportazzjoni ta’ aktar minn 6,000 tunnellata lejn is-suq Olandiż, liema eventwalità kienet twassal għal daqqa kbira fid-dħul finanzjarju tal-bdiewa.
Wara li l-Qorti ċaħdet il-mandat ta’ inibizzjoni magħmul mill-Malta Potato Export Growers Co. Ltd., l-istess kumpannija qablet li l-istess 62 tunnellata patata tal-varjetà ESTIMA ghandha tkun esportata lejn l-Olanda bħala żieda mal-kuntratt ewlieni. Il-Ministeru iggarantixxa dħul adegwat lid-29 bidwi konċernati.
Il-Ministru Zammit irringrazzja lil kull min għen biex jintlaħaq dan il-ftehim raġonevoli. Hu tenna l-fatt li għall-istaġun tas-sena d-dieħla, kull esportazzjoni addizzjonali li ma tkunx parti mill-kuntratt ewlieni, għandha tkun marbuta ma’ prezzijiet garantiti flimkien ma’ dikjarazzjoni dwar id-destinazzjoni tas-suq intenzjonat, biex b’hekk ikun salvagwardat il-ftehim ewlieni ta’ madwar 6,000 tunnellata.
B’dan il-mod tkun assigurata l-esportazzjoni lejn destinazzjonijiet differenti mingħajr xkiel u bi dħul xieraq u garantit għall-bdiewa Maltin u Għawdxin.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN