INTERVENT MIR-RAPPREŻENTANT TAL-GVERN MALTI FIL-KONVENZJONI EWROPEA - SESSJONI TAT-23 U L-24 TA' MEJJU 2002
Il-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Futur ta' l-Ewropa ġiet indirizzata llum għall-ewwel darba bil-lingwa Maltija mir-rappreżentant tal-Gvern Malti Fr Peter Serracino-Inglott. Dan kien possibbli bħala riżultat ta' deċiżjoni li kien ħa l-Presidju tal-Konvenzjoni xi ġimgħat ilu li jestendi l-fakultà tal-Membri tal-Konvenzjoni li jesprimu ruħhom bil-lingwa tagħhom, anke lil dawk ġejjin mill-pajjiżi li għadhom mhumiex membri.
Fl-intervent tiegħu, ir-rappreżentant tal-Gvern ippreżenta żewġ ħsibijiet fil-kuntest tal-pożizzjoni li l-Ewropa m'għandha tkun la superstat b'sottostati taħtu u lanqas tkun xirka bejn il-gvernijiet, imma tkun xibka ta' komunikazzjoni fil-livelli differenti.
L-ewwelnett, iċ-ċittadini jitħeġġu għal min iħaddem is-setgħa f'isimhom biss jekk jaslu biex jidentifikaw ruħhom ma' min hu nkarigat biex jindokra l-oqsma li jolqtuhom mill-qrib. Trid tinbena biċċa għodda ġdida li tiġbor fiha kemm jista' jkun elementi tal-ġens politiku kollu, fosthom ukoll deputati tar-reġjuni.
It-tieni, id-demokrazija diretta tista' tuża l-mezzi ġodda ta' komunikazzjoni biex issaħħah is-sistema rappreżentattiva. Jistgħu jintużaw referenda mferrxa ma' l-Ewropa kollha, bl-użu tal-mezzi elettroniċi. Sistemi ta' stħarriġ dirett dwar kif jaħsbuha l-Ewropej jistgħu jwasslu lil aktar nies biex jitħajru jesprimu l-opinjoni tagħhom. L-Ewropa bħala xibka ta' kommunikazzjoni għandha tkun fuq quddiem nett fil-mixja lejn it-tisħiħ tad-demokrazija.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN