Left arrow Mur Lura

WIRJA TA’ ESIBITI F’SALA ĠDIDA FIL-MUŻEW TA’ GĦAR DALAM

PR719
Date Icon 23/05/2002

Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Louis Galea inawgura wirja ta’ esibiti f’sala ġdida fil-Mużew ta’ Għar Dalam. Il-Mużew li kien hemm qabel kien inbena fl-1929 minn Giuseppe Despott u ntrama fil-1933 minn Dr. Ġużè Baldacchino fuq stil Vittorjan. Dan il-Mużew inżamm kif kien sew bħala ħaġa storika kif ukoll b’rispett lejn il-pijunieri tagħna f’din il-ħidma.

L-iskop tal-wirja ta’ esibiti fis-sala l-ġdida mtella mill-kuratur Dr. George Zammit Maempel huwa li jgħallem fuq l-istorja u l-formazzjoni ta’ Għar Dalam u fuq l-annimali preistoriċi li nstabu ġewwa l-għar u mkejjen oħra f’Malta. Taqsima żgħira minn dan il-Mużew, tfakkar u tagħti ġieħ lill-dawk in-nies ewlenin li jagħmlu riċerka fuq l-għar u fuq l-annimali ta’ żmien is-silġ li inqabdu hawn Malta.

Introduzzjoni ġeoloġika qasira tagħti tagħrif fuq meta dehru l-annimali fid-dinja, u kif u meta, il-gżejjer Maltin issawwru u telgħu f’wiċċ l-ilma, jingħata wkoll tagħrif fuq meta tħaffer l-Għar u kif dan intela bi fdalijiet ta’ annimali.

Għalkemm Malta qatt ma kella silġ, l-effetti tas-silġ li ħakem l-Ewropa inħassew sew minn din il-gżira. Flok silġ, Malta kella xita qliel li ħaffret il-widien tagħna u għamlet ħerba mir-raba u mill-annimali. Minħabba kesħa kbira, it-tramuntana ta’ l-Ewropa inksiet b’għata ħoxna ta’ silġ u x-xmajjar tagħha inġazzaw minħabba f’hekk. Tant niżel il-livell tal-baħar li artijiet illum magħarrqa bejn Sqallija ġew mikxufa u servew ta’ pont biex min fuqu jinżlu Malta, l-annimali Ewropej li kienu qed jaħarbu mill-kesħa. Fost dawn kien hemm iljunfanti, ippopotami, ċriev, lupi, volpi u orsijiet. Minħabba l-fond u d-distanza bejn Malta u l-Afrika, l-annimali ma setgħux ikomplu l-vjaġġ tagħhom l-isfel.

Meta mbagħad reġa’ qaleb it-temp, ix-xmajjar dabu, il-baħar reġa tela, u dawk l-annimali kollha li kienu ġew Malta inqadbu hawn. Naraw kif dawn kollha addattaw ruħhom għaċ-ċirkostanzi li sabu u kif, mal-medda taż-żminijiet, razzithom ċkienet biex ikunu jeħtieġu anqas ikel u b’hekk ikunu jistgħu isalvaw.

Esebiti prominenti fis-sala jinkludu xedaq bis-snien u għadma sħiħa (pelvis) ta’ ippopotamu kbir li fl-1995 it-Tabib Zammit Maempel qala’ minn ġo Għar Dalam.

Kull saff li hemm f'dan l-Għar jissejjaħ għall-annimal li l-fdalijiet tiegħu huma l-aktar komuni f'dak is-saff. Billi dak ta' taħt nett tqiegħed meta l-Għar kien għadu qed jifforma ruhu bl-ilma bħal mina taħt l-art, ma fiħ ebda għadma u għaldaqstant jissejjaħ 'saff ta' tafal mingħajr għadam'. Is-saff ta' fuqhu li fiħ ħafna fdalijiet tal-ippopotamu imħallta ma ftit fdalijiet ta’ l-iljunfant jissejjaħ 'saff ta' l-ippopotamu'. Fuq dan insibu saff ta' ċagħaq u aktar ’il fuq minnu hemm saff ta' ħamrija ħamranija mimlija bi fdalijiet taċ-ċerv. Għalkemm ma' taċ-ċerv hemm xi fdalijiet ta' lupu, ors u volpi dan jissejjaħ 's-saff taċ-ċerv'.

Il-fdalijiet ta' dawn l-annimali li semmejna ġew imdaħħla fl-għar meta dan kien għadu mina imħaffra taħt l-art bit-tqattir ta' l-ilma. Darba waħda s-saqaf ta' din il-mina ċeda u sbroffa ġo fiħ dak kollu li x-xmara ta' fuqu kienet qed tkaxkar.

’Il fuq miċ-ċerv f'Għar Dalam insibu 'saffi kulturali' jew saffi bil-fuħħar u bi fdalijiet ta' annimali domestiċi. Dawn fihom fdalijiet li l-bniedem ħalla warajħ sa mill-eqdem żminijiet li rifes Malta. Dan kien wara li x-xmara niżlet aktar l-isfel mid-daħla ta' l-Għar u l-Għar nixef sew u l-bniedem seta jgħammer fiħ. Kien minn dan is-saff kulturali li nsabu għall-ewwel darba fuħħar magħmul mill-ewwel nies li ġew Malta xi 5200 sena qabel Kristu.

Fl-Imrieħel taħt fejn illum hemm l-iskola tal-bniet, fuq is-saff taċ-ċerv, it-Tabib Zammit Maempel, skopra saff oħxon ta' irmiet vulkaniku. Għalkemm f'Għar Dalam dan ma jistgħax jinstab billi hemm is-saqaf, ftit min dan it-trabb tpoġġa wkoll għall-wirja fis-sala l-ġdida.

Minbarra l-esibiti preistoriċi hemm ukoll għal-wiri żewġ pitturi kbar, wieħed ta' Għar Dalam fi żmienijiet ta' llum u l-ieħor ta' Għar Dalam fi żminijiet tas-silġ. Dawn il-pitturi saru apposta biex jiġu esibiti flimkien ma’ fdalijiet paleontoloġiċi li kienu esibiti fil-paviljun ta' Malta fl-esibizzjoni ta' l-Imperu Ingliż fl-1924.

Il-Ministru ta' l-Edukazzjoni Louis Galea, waqt il-ftuħ tas-sala l-ġdida, qal li l-mużewijiet tagħna għandhom bżonn ikollhom esibizzjonijiet moderni li jagħmlu użu mit-teknoloġija awdjo-viżiva biex b'hekk jattiraw aktar viżitaturi u jwettqu l-irwol edukattiv tagħhom.

Il-Ministru qal li l-Liġi l-ġdida dwar il-Patrimonju Kulturali għaddiet mill-Parlament u ġiet ippublikata. Il-liġi l-ġdida se toħloq strutturi li bihom inkunu nistgħu nieħdu aktar ħsieb il-wirt kulturali tagħna flimkien mas-settur privat u l-NGO's. Il-Ministru qal ukoll li bħala parti mill-pjan nazzjonali ta' żvilupp, il-Ministeru poġġa bħala priorita' korsijiet dwar l-immaniġjar tal-wirt storiku flimkien ma' l-Istitut ta' l-Istudji Turistiċi u l-Universita' ta' Malta.

Il-Ministru temm jawgura li l-mużew ta' Għar Dalam u l-mużewijiet l-oħra f'Malta u Għawdex jaħdmu biex joħolqu esibizzjonijiet interessanti u attraenti biex jattiraw liż-żgħażagħ. Il-Ministru ħeġġeġ lill-mużewijiet biex jaraw kif jistgħu jużaw l-aktar teknoloġija avvanzata kif ukoll l-animazzjoni kreattiva biex filwaqt li jżidu l-parteċipazzjoni tal-publiku li jżurhom, jibqgħu rilevanti fiż-żminijiet ta' llum. It-teknoloġija għandha tintuża wkoll biex nippromwovi s-siti u l-wirt tagħna kemm f'Malta kif ukoll internazzjonalment.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

Aktar Stqarrijiet Right arrow