JITNEĦĦEW ELUF TA' TUNNELLATI TA' SKART
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, l-Onor. Francis Zammit Dimech qal li l-Unit għas-Servizzi ta' Tisbiħ fi ħdan it-Taqsima tax-Xogħlijiet kien qed jagħmel xogħol mill-aktar siewi biex il-pajjiż jinżamm nadif. Huwa qal dan meta kien qed izur xoghol ta' tindif minn skart goff li akkumula bejn ix-Xaghjra u r-Rinella.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li dan il-Unit kien qed jieħu ħsieb it-tindif tal-widien fejn fost xogħlijiet oħra f'dawn l-aħħar xhur, wettaq biċċa xogħol kbira bit-tindif, bini jew tiswija ta' pontijiet u riabiltazzjoni ta' passaġġi f'Wied il-Kbir f'Ħal Qormi. Il-Unit inaddaf regolarment sistemi ta' l-ilma tax-xita u catchment pits ta' l-ilma tax-xita, inaddaf toroq, isewwi centre strips u roundabouts, jagħmel xogħol ta' patching ta' toroq u jaqla' posters li jitwaħħlu f'postijiet pubbliċi bla permess.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li dan l-aħħar, dan il-Unit ingħata l-inkarigu li jnaddaf it-terminus tal-karrozzi tal-linja barra Bieb il-Belt u li jieħu ħsieb il-funtana fl-istess lokalità. Hu qal li minn mindu ngħata dan l-inkarigu, t-terminus qed jitnaddaf lejl u nhar, saru tiswijiet tal-bankini u tqiegħdu reċipjenti ġodda għall-iskart. Il-funtana saritilha manutenzjoni wara ħafna snin ta' telqa u llum qed titħaddem b'mod regolari.
Francis Zammit Dimech qal li xogħol ieħor li kien qed jitwettaq minn dan il-Unit kien dak ta' tneħħija ta' materjal minn diversi inhawi f'Malta, fejn nies mingħajr ebda sens ċiviku u ebda interess għall-ambjent li fih igħixu, jarmu kontra l-liġi skart u materjal tal-bini. Il-Ministru Zammit Dimech qal li matul din is-sena dan il-Unit neħħa dan il-materjal:
· Wied iż-Żiju, Marsascala1,204 tunnellata
· Inħawi ta' Ħal Far 692 tunnellata
· San Ġużepp tat-Tarġa, l/t Mosta1,304 tunnellata
· Wied il-Kbir, Qormi 315 tunnellata
· Il-Bombi u nħawi oħra 500 tunnellata
· Qawra 520 tunnellata
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li minn dawn il-postijiet biss tnehhew aktar minn 4,500 tunnellata skart, ekwivalenti ghal 300 trakk skart. Xogħol ieħor ta' tindif qed isir fl-industrial estate ta' l-Imrieħel minn fejn sa l-aħħar tal-ġimgħa l-oħra kienu tneħħew 250 tunnellata ta' skart, ekwivalenti ghal 62 trakk ta' skart.
Francis Zammit Dimech qal li bħalissa dan il-Unit, b'kollaborazzjoni sħiħa mad-Dipartiment tal-Manifattura u Servizzi li qed jipprovdi l-inġenji, it-trakkijiet u l-ħaddiema, qed inaddaf tul ta' kilometru ta' depożiti ta' skart bejn ix-Xagħjra qrib Ħaż-Żabbar u Rinella, fil-Kalkara. Hu qal li minn dan il-post hu kkalkulat li jridu jitneħħew madwar 3,500 tunnellata ta' skart. S'issa tnehhew 1,240 tunnellata ta' skart, ekwivalenti ghal 59 trakk.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li l-Gvern kien ħoloq l-infrastruttura kollha biex il-pajjiż jinżamm nadif. Pajjiżna kien wieħed mill-ftit li kellu servizz ta' ġbir ta' skart domestiku kuljum. Kien hemm servizz ta' tindif tat-toroq, servizz mingħajr ħlas ta' ġbir ta' skart goff. Il-Gvern kien ħareġ kuntratti għat-tindif tat-toroq ewlenin. Barra minhekk kien hemm il-Unit għas-Servizzi ta' Tisbiħ li kien qed iwettaq ħidma biex ineħħi depożiti kbar ta' skart li jintefgħu fil-kampanja ta' pajjiżna. Francis Zammit Dimech qal li dawn l-abbużi jridu jieqfu darba għal dejjem. Tenna li ma jistax ikun li l-Gvern jagħmel ħiltu kollha biex il-pajjiż jinżamm nadif, imbagħad għad hawn persuni irresponsabbli li jarmu l-iskart tagħhom fejn ġie ġie.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura ħeġġeġ biex kull individwu mhux biss jagħmel ħiltu biex il-pajjiż jinżamm nadif, iżda f'sens ċiviku jwassal il-messaġġ li pajjiż nadif ifisser pajjiż f'saħħtu. Minn ambjent nadif igawdi kulħadd.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN