KUNTRATT GĦALL-PROFIL XJENTIFIKU TAL-MIŻBLIET
It-Taqsima tax-Xogħlijiet, f'isem il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, għadha kif tat kuntratt ta' Lm213,333 għall-Iżvilupp ta' Strateġiji ta' Restawr li huma Ambjentalment Indaf għas-Siti tal-Miżbliet tal-Magħtab, il-Qortin u Wied Fulija. Il-kumpannija li ngħatat il-kuntratt hi Scott Wilson Kirkpatrick & Company Limited tar-Renju Unit. Din il-kumpannija tifforma parti mill-grupp internazzjonali ta' konsulenza Scott Wilson.
Ix-xogħol, li jinqasam f'erba' stadji differenti, mistenni jitlesta sa' l-aħħar ta' din is-sena. Se jinġabru b'mod regolari rapporti preliminari biex ikun magħruf il-progress. L-ewwel rapport mistenni joħroġ sa l-aħħar ta' Ġunju. L-Ewwel Stadju jħares lejn analizi sħiħa ta' statistika u informazzjoni li teżisti dwar it-tliet siti. It-Tieni Stadju jħares lejn it-twettiq ta' field surveys ta' kull sit. It-Tielet Stadju jitratta assessment tar-riskju tas-siti speċifiċi filwaqt li r-Raba' stadju jħares lejn il-preparazzjoni ta' speċifikazzjonijiet tekniċi, programmi ta' xogħol u stimi ta' spejjeż professjonali għax-xogħlijiet meħtieġa biex tigi implimentata l-istrateġija approvata għal kull sit.
Fil-qosor l-miri specifiċi tal-proġett huma:
1. Li jiddentifika u jikkaraterizza l-impatti sinifikattivi eżistenti u r-riskju potenzjali għas-saħħa pubblika u l-ambjent tas-siti eżistenti tal-miżbliet fil-Magħtab, il-qortin u tas-sit tal-miżbla li kien hemm Wied Fulija.
2. Li jipprepara strateġija ambjentalment soda għal rimedji, restawr u biex jinġiebu lura għall-użu li jibbenifika lis-soċjeta' u għal kura ta' wara ta' kull waħda minn dawn is-siti.
3. Li jipprepara speċifikazzjonijiet tekniċi, programmi ta' xogħol u stimi proviżorji ta' kemm jiswew ix-xogħlijiet differenti meħtieġa biex tiġi implimentat l-istrateġija approvata għal kull sit.
4. Li tiżviluppa programmi speċifiċi ta' monitoraġġ għal kull sit u li jkunu applikati sew waqt u wara li jitlesta x-xogħol ta' rimedju, restawr u wara li jinġiebu lura għall-użu.
Scott Wilson Kirkpatrick Company Limited għandha 'track record' ta' ħiliet speċjali fl-investigazzjoni u ħidma rimedjali ta' art kontaminata. Il-kumpannija tinkludi esperti f'numru ta' dixxiplini ewlenin marbuta ma' dan il-proġett li jinkludu dawk mit-taqsimiet tagħha ta' inġinerija ċivili u ġeoteknika, idroloġika, ambjentali u ekoloġika. It-team li ngħata l-kompitu li jmexxi din l-inizjattiva jirrapreżenta spektrum wiesgħa ta' esperti li flimkien ma' konsulenti speċjalisti lokali, jwasslu għall-aħjar riżultati.
Scott Wilson Kirkpatrick Company Limited intagħżlet fost ħames kumpanniji internazzjonali li ssottomettew proposta għal offerta għall-evalwazzjoni. Seba' kumpanniji kienu mistiedna fil-bidu biex jitfgħu offerti għal dan ix-xogħol speċjalizzat. Dawn kienu jinkludu Jessberger and Partner GmBH, RPS Consultants Limited, AEA Technology Environment, Halcrow Group, Intergeo Atlantic Limited u Enviros Aspinwall.
Dan ix-xogħol jirrapreżenta dak illi l-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, Francis Zammit Dimech, kien irrefera għalih bħala l-'x-ray' tal-miżbliet eżistenti, u jfisser t-twettiq ta' mira kruċjali fl-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija Nazzjonali dwar l-Immaniġġjar ta' l-Iskart Solidu.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN