IT-TFAL TA' MARSASKALA SE JKOLLHOM L-KLASSIJIET LI GĦANDHOM BŻONN
Il-popolazzjoni fil-lokalita' ta' Marsaskala qiegħda dejjem tikber u dan minħabba l-ammont ta' familji ġodda li jmorru joqgħodu f'dawn l-inħawi u li għalhekk jibgħatu t-tfal tagħhom f'din l-iskola. Id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni il-ħin kollu issegwi l-iżviluppi demografiċi tal-pajjiż biex tara x'inhuma l-ħtiġijiet strutturali għall-edukazzjoni ta' ulied il-poplu. L-iskola ta' Marsaskala se tkun tista’ tilqa' fiha l-istudenti kollha li hu previst li jidħlu fil-Kindergarten, kemm dawk li jidħlu f'Ottubru kif ukoll dawk li jidħlu f'Jannar. Għalhekk mhux veru li t-tfal ta' Marsaskala mhux se jkollhom skola fejn imorru.
Madankollu huwa fatt li l-iskola ta' Marsaskala qed issir żgħira għall-lokalita' u għalhekk hemm bżonn ta' estensjoni ta' din l-iskola. Għall-futur immedjat hemm bżonn numru ta' klassijiet li ser jinbnew dan is-sajf. Sadanittant, l-FTS ser tagħmel audit tal-bżonnijiet fit-tul ta' din il-lokalita' biex jiġi deċiż x'għandu jsir għal soluzzjoni fit-tul.
Fil-bidu ta' din l-amministrazzjoni l-Ministru ta' l-Edukazzjoni Louis Galea ingħata proposta għall-proġett fl-iskola ta' Marsaskala li kienet se tqum madwar Lm430,000. Il-Ministru qabbad lit-Task Force (li kienet qed tagħmel analiżi tal-proċess li bih isir ix-xogħol ta' manutenzjoni u bini fl-iskejjel pubbliċi) biex issir evalwazzjoni ta' dan il-proġett. It-Task Force iltaqgħu mal-amministrazzjoni ta' l-iskola u ma' xi ġenituri u għalliema biex jiġi stabbilit x'jixtiequ u x'inhuma l-bżonnijiet immedjati ta' l-iskola. Saret ukoll evalwazzjoni tad-dokument tekniku u ta' l-infieq li kien qed jiġi propost għal dan il-proġett.
Ta’ min jgħid li l-proġett kien maħsub b'mod li jsir xogħol ta' skavar li l-volum tiegħu kien akbar mill-volum ta' l-iskola li hemm preżentement.
Wara li saret l-evalwazzjoni t-Task Force ikkonkludiet li l-ħtiġijiet ta' l-iskola ta' Marsaskala setgħu ikunu sodisfatti bil-bini ta' numru ta' klassijiet fuq il-bini eżistenti. B'hekk l-iskola xorta waħda se jkollha dak li għandha bżonn, l-infieq f'dan l-istadju se jkun ta' ftit anqas minn Lm 100,000 jiġifieri kwart dak li kien se jintefaq fuq il-proġett oriġinali.
Wara li saret din l-evalwazzjoni saru l-pjanti l-ġodda u saret l-applikazzjoni għand l-Awtorita' ta' l-Ippjanar. Wara li l-applikazzjoni ġiet aċċettata mill-Awtorita', beda x-xogħol biex fil-jiem li ġejjin jibda l-proċess li għandu jwassal għall-għoti tal-kuntratt. Hu maħsub li x-xogħol ta' kostruzzjoni jsir matul ix-xhur tas-sajf biex ma jkunx hemm periklu għat-tfal filwaqt li x-xogħol ta' finitura jsir bejn Ottubru u Diċembru. B'hekk l-iskola jkollha l-klassijiet kollha li għandha bżonn sa Jannar 2003.
Il-Fondazzjoni ġiet imwaqqfa biex twettaq programm aċċellerat ta' bini, estenzjonijiet u manutenzjoni ta' l-iskejjel kollha ta' l-iStat f'anqas ħin u b'użu aktar effiċjenti tal-fondi pubbliċi.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN