Opportunitajiet ġodda għas-settur tal-biedja
Il-Ministru għall-Agrikoltura u Sajd, l-Onor. Ninu Zammit, qal li kull min hu involut fis-settur tal-biedja m’għandux iħares lejn it-tneħħija tal-protezzjoni bħala theddida, iżda bħala opportunità biex is-settur isir aktar kompetittiv, tikber l-effiċjenza, titjieb il-kwalità u jkun assigurat li l-prodotti ma jagħmlux ħsara lis-saħħa tal-konsumatur.
Il-Ministru Zammit, li kien qed jitkellem fil-ftuħ tal-Wirja tar-Rebbiegħa, organizzata mis-Soċjetà Maltija ta’ l-Ortikultura, fil-Ġonna ta’ Sant’Anton, tenna li r-realtà li kulħadd irid jiffaċċja hi, li d-dinja qed tinbidel b’pass mgħaġġel, kulħadd qed isir aktar konxju minn saħħtu u mill-ħarsien ta’ l-ambjent, u l-globalizzazzjoni qed twassal biex jitwaqqgħu l-ħitan li joħonqu l-kummerċ ħieles bejn il-pajjiżi.
Hu żied li r-realtà f’pajjiżna hi li s-settur agrikolu ma jistax jibqa’ staġnat bi protezzjoni assoluta. “Jeħtieġ riforma kbira biex tabilħaqq insaħħuh u nassiguraw li dan is-settur jibqa’ sostenibbli fil-futur,” qal l-Ministru Zammit, filwaqt li tenna li l-qagħda tal-biedja f’pajjiżna ma tibqax waħda sostenibbli mingħajr ir-ristrutturar meħtieġ.
Hu sostna li l-esperjenza għallmet li l-protezzjoni qatt ma tista’ twassal biex il-qagħda tal-biedja f’pajjiżna titjieb. Il-Ministru Zammit qal li f’dan is-settur mhux biss irridu nirristrutturaw u ntejbu l-kwalità, iżda wkoll nibdew niddiversifikaw, fis-sens li nibdew inkabbru wkoll prodotti li jista’ jkollhom valur miżjud għoli. Hu qal li jekk wieħed iħares lejn pajjiżi qrib tagħna, jara li dawn irnexxielhom isaħħu s-settur agrikolu tagħhom billi taw spinta lil dawk il-prodotti li għandhom valur miżjud għoli, kif ukoll dawk il-prodotti b’potenzjal qawwi ta’ niċċa fis-suq, bħal fil-każ tal-patata.
Il-Ministru Zammit qal li f’pajjiżna diġà bdejna mexjin f’din it-triq “għax nemmnu li għandna l-potenzjal li nipproduċu prodotti li permezz tagħhom il-bdiewa jistgħu jwessgħu s-swieq tagħhom, billi jsibu niċeċ ġodda”. Hu qal li ngħatat spinta qawwija f’dawn l-aħħar tliet snin lit-tkabbir ta’ dwieli u siġar taż-żebbuġ, qed ikun mistħarreġ kif nistgħu nibdew nipproduċu kwalitajiet aħjar ta’ bajtar tax-xewk u qed jittieħdu inizjattivi aktar professjonali fil-mod kif ċerti prodotti, bħalma huma l-ġbejniet, jaslu għand il-konsumatur.
“L-importanti hu li kulħadd jifhem li l-poplu qed isir aktar konxju mill-kwalità, milli mill-kwantità. Il-poplu jrid li jintużaw metodi ta’ produzzjoni li jirrispettaw l-ambjent, li jħarsu l-annimali u, fuq kollox, li ma jagħmlux ħsara lis-saħħa tal-bniedem.” Il-Ministru Zammit semma wkoll li permezz tal-liġi l-ġdida biex jibdew jitwaqqfu l-għaqdiet tal-produtturi, l-Gvern qed joħloq l-għodda meħtieġa biex il-produtturi fis-settur tal-biedja mhux biss jorganizzaw aħjar is-settur tagħhom, fis-sens li jassiguraw li l-produzzjoni timxi mad-domanda ħalli ma jkunx hawn ħela, iżda wkoll itejbu l-livell u l-kwalità tal-produzzjoni u jfittxu swieq ġodda għall-prodotti tagħhom.
Il-Ministru għall-Agrikoltura qal li fir-riforma li trid issir, il-bdiewa u r-raħħala se jsibu l-appoġġ u l-għajnuna kemm tal-Gvern, kif ukoll ta’ l-Unjoni Ewropea, aktar u aktar la darba pajjiżna jissieħeb fl-UE. Fakkar li diġà tħejja pakkett speċjali ta’ għajnuna li jammonta għal Lm70 miljun u li qed ikun negozjat ukoll ma’ l-Unjoni Ewropea bl-iskop li din tiffinanzja parti minnu. Semma wkoll il-programm li qed jitħejja għall-iżvilupp rurali tal-gżejjer Maltin u li diġà se jkun jista’ jibda jitwettaq mis-sena d-dieħla permezz ta’ 3.2 miljun Ewro li se tgħaddilna l-Unjoni Ewropea. Wara kollox, kompla l-Ministru Zammit, il-politika ta’ l-Unjoni Ewropea favur l-iżvilupp rurali hi ntiża biex tagħmel il-produzzjoni agrikola aktar kompetittiva.
Hu tenna li s-sħubija fl-Unjoni Ewropea għandha tfisser għall-bdiewa u r-raħħala għajnuna kbira biex itejbu l-qagħda ekonomika u soċjali tagħhom. “L-impenn tal-Gvern hu li l-produtturi jibqa’ jkollhom għajxien xieraq u futur diċenti, filwaqt li nassiguraw li l-biedja tibqa’ tkun sostenibbli u fl-interess ta’ kulħadd,” saħaq il-Ministru Zammit.
Fl-aħħarnett, hu wera s-sodisfazzjon tiegħu li l-Wirja tar-Rebbiegħa qed tkompli sservi bħala vetrina ta’ dak kollu li kapaċi jipproduċi s-settur agrikolu f’pajjiżna, kif ukoll tal-kapaċitajiet tal-Maltin fil-qasam ta’ l-ortikultura. Żied li l-wirja qed ukoll tagħti lok biex il-pubbliku japprezza dak li għandu x’joffri s-settur tal-biedja f’pajjiżna.
Il-Ministru awgura kull suċċess kemm lill-organizzaturi ta’ din il-wirja kif ukoll lill-esibituri u ħeġġeġ lis-Soċjetà Maltija ta’ l-Ortikultura biex tibda tħejji minn issa għall-wirja tas-sena li jmiss, ħalli din tkun waħda li tabilħaqq tixraq l-għeluq il-mitt sena minn meta saret l-ewwel darba.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN