Diskors MILL-ONOR. DR. AUSTIN GATT, Ministru tal-Ġustizzja u Gvern Lokali, fl-okkażjoni tat-tnedija tal-WEB SITE portal tal-Gvern MALTI – BERGA TA’ KASTILJA, IL-BELT VALLETTA
Illum hija okkażjoni importanti minħabba li permezz tagħha qed inniedu il-portal tal-Gvern, ċioè il-punt ewlieni tad-dħul lejn il-pajjiż minn fuq l-Internet.
Dan il-portal qed jippreżenta bidla radikali fil-mod ta’ kif il-Gvern qiegħed jipprezenta lilu nnifsu lill-klijenti tiegħu. Tlaqna mill-mentalità ta’ Gvern mibni fuq l-istrutturi u l-ġerarkiji għall-wieħed li jpoġġi s-servizz lill-pubbliku bħala l-ogħla prijorità tiegħu. Dan huwa portal li ġie żviluppat fuq il-htiġijiet taċ-ċittadini u dan kif rifless fi stħarriġ li sar mill-Gvern.
Il-portal huwa wieħed mill-pilastri ewlenin tal-e-Government. Il-pilastri l-oħra li diġà poġġejna fuq saqajhom jinkludu:
- l-istruttura tal-MAGNET, li permezz tagħha id-dipartimenti tal-Gvern, l-iskejjel, il-libreriji, kunsilli lokali, l-għases tal-pulizija, iċ-ċentri tas-saħħa u numru ta’ entitajiet pubbliċi jinsabu fuq network wieħed;
- il-qafas legali biex jirregola dan il-qasam;
- il-payment gateway, li tippermetti lil Gvern għal servizzi provduti mill-Gvern permezz tal-internet. L-aħħar pilastru li ninħtieġu huwa is-sistema ta’ awtentikazzjoni, fejn kull ċittadin sejjer ikollu pin code wieħed li permezz tiegħu sejrin niżguraw kunfidenzjalità massima. Dan mistenni jkun mwettaq sa’ l-aħħar tas-sajf. B’dan il-pilastru fuq saqajh, ser inkunu f’pożizzjoni li noffru s-servizzi tal-Gvern permezz tal-internet, b’konvenjenza u sigurtà għal-klijent.
Fil-ġranet li ġejjin, ser nibdew noffru aktar servizzi tal-e-Governmenttransaction based, jiġifieri li jkollok interazzjoni mal-Gvern fil-ksib u ħlas ta’ servizz mill-Gvern. Fil-portal imniedi llum diġa hemm 12-il servizz ta’ dan it-tip. Propju mill-ġimgħa d-dieħla sejrin nibdew noħorġu aktar minn dawn is-servizzi.
Il-ġimgħa ddieħla ser inniedu s-servizzi ta’ l-eLicenses, fejn wieħed ser ikun jistgħa jħalllas it-tiġdid tal-liċenzji kollha tad-Dipartiment tal-Kummerċ, minbarra li ser ikun hemm l-applikazzjonijiet tal-liċenzji. Dan is-servizz ser jiġi estiż ukoll għal-liċenzji tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, l-Awtorità dwar it-Trasport u l-Awtorità Marittima. B’kollox ser ikun hemm, iktar minn 40,000 tranżazzjoni possibbli.
Sa Lulju sejrin inniedu wkoll, diversi servizzi relatati ma’ l-anzjani, u l-persuni b’diżabilità, numru ta’ servizzi marbutin mat-tassazzjoni, kif ukoll il-katalogu tal-libreriji pubbliċi.
Bejn Settembru li ġej u Frar 2003 b’mod regolari ser inniedu l-iktar servizzi użati mill-pubbliku u n-negozjanti. Dawn is-servizzi ser jkunu jammontaw għal 85% tat-transazzjonijiet li jsiru bejn il-pubbliku u l-Gvern.
Dawn il-proġetti ser isiru kollha fi sħubija mas-settur privat Malti. Dan għax il-Gvern għandu fiduċja qawwija f’dan is-settur.
Ser inkomplu bl-impenn tagħna biex inkattru l-għarfien ta’ l-elettronika u l-benefiċċji tagħha f’pajjiżna. Ser niżguraw li kulħadd ikollu l-aċċess għal dawn it-teknoloġiji.
Permezz tal-politika elettronika lokali, sa’ l-aħħar tas-sena,
- bi ftehim mal-ISPs ser noffru aċċess b’xejn għal-internet f’kull Kunsill Lokali;
- bi ftehim mal-Maltacom ser ninstallaw 100 webphone fit-toroq ta’ kull lokalita f’Malta u Għawdex; u
- ser niftħu l-laboratorji tal-kompjuter ta’ l-iskejjel tagħna biex fihom nibdew noffru b’xejn it-tagħlim fil-ħiliet ta’ l-elettronika lill-komunitajiet tagħna.
Dawn huma passi li qed nagħmlu flimkien u li qed ipoġġu lil Malta fuq quddiem nett tad-dinja ta’ l-informatika.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN