Left arrow Mur Lura

DISKORS MILL-ONOREVOLI EDDIE FENECH ADAMI, PRIM MINISTRU, FL-OKKAŻJONI TAT-TNEDIJA TA' PORTAL ĠDID TAL-GVERN - gov.mt. KASTILJA - 17 TA' MEJJU 2002

PR682
Date Icon 17/05/2002

Meta fl-1987, il-Gvern immexxi minni beda l-ewwel leġislatura tiegħu, sibna Servizz Pubbliku fi stat prattikament diżastruż. Sibna istituzzjonijiet diżorganizzati, livelli baxxi ta' servizz, kundizzjonijiet tax-xogħol inadekwati li wasslu għal nuqqas ta' motivazzjoni fost l-impjegati tal-Gvern. Ma ħarisniex lura. Imbarkajna fuq programm ambizzjuż b'viżjoni ċara ta' fejn ridna naslu - ridna nerġgħu nsibu r-ruħ tas-servizz pubbliku u nipprovdu l-għodda biex ikun jista' jilħaq il-milja tiegħu.

Fl-1989 bdejna proċess li permezz tiegħu ridna nattwaw l-akbar riforma li qatt esperjenza s-Servizz Pubbliku. Ħloqna istituzzjonijiet ġodda bi strutturi effettivi, daħħalna mekkaniżmi li jeradikaw il-korruzzjoni u ħadna bis-serjetà il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema tal-Gvern. Illum il-ħaddiema tas-Servizz Pubbliku huma aktar motivati, imħarrġa aħjar u lesti biex jaffrontaw l-isfidi ta' quddiemhom. Investejna aktar minn 80 miljun lira fit-teknoloġija ta' l-informatika fil-Gvern.

L-iżviluppi fil-qasam tat-teknoloġiji ta' l-informazzjoni u l-komunikazzjoni fetħu tieqa ta' opportunitajiet ġodda fil-qasam ta' l-amministrazzjoni pubblika. L-użu ta' l-elettronika fil-qasam tal-Gvern, jew kif qed jissejjaħ illum e-Government, joffri tliet binarji ta' opportunitajiet: livell għola ta' servizz lill-pubbliku; xprun tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fid-deċiżjonijiet meħuda mill-Gvern u titjib sostanzjali fl-effiċjenza ta' l-operat tal-Gvern.

L-elettronika qiegħda wkoll toffrilna l-opportunità li ma nibqgħux nibnu s-servizzi pubbliċi fuq il-bżonnijiet amministrattivi ċentrali biss, iżda minflok nibnu s-servizz madwar il-ħtiġijiet taċ-ċittadini tagħna. Fil-fatt it-tnedija ta' dan il-portal tal-Gvern Malti huwa sinjal ċar ta' kemm il-Gvern qiegħed jittraduċi il-viżjoni tiegħu fil-prattika. Dan ser inkomplu insaħħuh meta fi ftit ġimgħat oħra sejrin inwettqu wegħda elettorali oħra permezz ta' servizz elettroniku ġdid li permezz tiegħu l-pubbliku ser ikun jista' jressaq l-ilmenti tiegħu lil kull entità governattiva ċentrali u lokali, filwaqt li jkun jaf fejn wasal l-ilment tiegħu sakemm l-ilment jiġi riżolt.

Qegħdin attenti li l-e-Government ma jkunx eżerċizzju elettroniku biss. Il-bidliet li jġibu magħhom dawn is-sistemi jġibu magħhom ukoll bżonn ta' bidla radikali fil-kultura tas-Servizz Pubbliku. Irridu niżguraw li l-uffiċjali pubbliċi jkunu ppreparati biex jilqgħu din l-isfida li qed toffri t-teknoloġija moderna u jdawruha f'opportunità li jagħtu servizz dejjem aħjar lill-pubbliku Malti u Għawdxi.

Iżda dawn il-bidliet kollha ma nistgħux nibqgħu nikkonsidrawhom f'iżolament. Irridu nżommu kostantement quddiem għajnejna l-fenomenu tal-globalizzazzjoni - fenomenu li aktar ma jgħaddi ż-żmien qiegħed isir fattur ewlieni fl-oqsma politiċi, soċjali u ekonomiċi. L-Internet, il-firxa tas-servizzi tat-telekomunikazzjoni u l-aċċessibilità universali kienu wħud mill-elementi ewliena li kattru l-effett ta' dan il-fenomenu.

Dawn it-teknoloġiji bidlu l-perspettiva ta' kif inħarsu lejn l-edukazzjoni, it-tkattir ekonomiku, ix-xogħol u d-demokrazija. Iżda aktar minn kollox dawn it-teknoloġiji bnew pont universali li qiegħed jgħaqqad soċjetajiet, kulturi u ideali ġodda f'xibka waħda ta' komunikazzjoni u bidla ta' esperjenzi.

Għalkemm fl-1987, dan il-Gvern sab pajjiż li kien ostili għat-tekonoloġija, ma qagħadx lura u mbarka mill-ewwel fuq programm ta' ħidma biex jittrasforma lil Malta f'pajjiż relevanti fil-mappa tad-dinja elettronika. Ir-riżultati jitkellmu waħedhom: telefon diġitali prattikament f'kull dar, tnejn minn kull tliet Maltin għandhom telefon ċellulari, 50,000 familja għandha aċċess għall-Internet, dawwarna l-klassijiet tagħna f'ċentri tat-tagħlim ta' l-informatika li llum huma fost l-aħjar fil-pajjiżi Ewropej, ħloqna eluf ta' impjiegi f'dan il-qasam u għamilna minn Malta pajjiż modern li kapaċi jikkompeti fil-qasam globali.

Il-pass li jmiss huwa li nressqu l-avvanzi elettroniċi li qiegħed jagħmel pajjiżna lil hinn minn xtutna biex inkunu nistgħu nagħmlu minn pajjiżna mudell tal-elettronika fl-Ewropa. Illum Malta diġà kisbet ir-rispett dovut lilha f'dan il-qasam. Fil-fatt fl-ewwel ġimgħa ta' Lulju, f'konferenza ministerjali fis-Slovenja, il-Kummissjoni Ewropea sejra tippublika rapport dwar il-parteċipazzjoni tal-pajjiżi kandidati fil-programm eEurope+ fejn ser tqabbel is-sitwazzjoni ta' dawn il-pajjiżi f'dan il-qasam ma' dawk tal-pajjiżi membri. Dan ir-rapport ser jixhed l-ħidma siewja u l-progress qawwi li qiegħed isir minn pajjiżna f'dan il-qasam hekk importanti.

Dan kollu ma jsirx b'kumbinazzjoni. Isir għaliex meta ġejna biex nagħmlu deċiżjonijiet importanti għall-pajjiżna dejjem għarafna s-sinjali taż-żminijiet u interpretajniehom b'viżjoni għall-ġid tas-soċjetà u l-ekonomija tagħna. Isir għaliex fl-għażliet tagħna dejjem żammejna l-interess tal-poplu tagħna l-ewwel u qabel kollox. Isir għaliex kien hemm Gvern li emmen fil-ħiliet ta' kull ċittadin Malti u Għawdxi u fil-kontribut li kull wieħed u waħda minnha jista' jagħti f'pajjiżna u fil-kuntest globali

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

Aktar Stqarrijiet Right arrow