Left arrow Mur Lura

Stqarrija mis-SegretarjU Parlamentari fil-Ministeru ghas-Servizzi Ekonomici, l-Onor. Edwin Vassallo

PR676
Date Icon 16/05/2002


M’għandu jkollna l-ebda biża’ li meta pajjiżna jissieħeb fl-U.E. ser jiġu l-barranin jiftħu negozju tagħhom f’pajjiżna kif qed jallega fil-media l-Onor. Kap ta’ l-Oppożizzjoni, u dan għaliex; 

·     F’pajjiżna diġà għandna suq li huwa mimli b’varjetà ta’ prodotti Ewropej. L-opportunità li l-imprendituri Ewropej jiftħu negozji f’pajjiżna diġà jezisti u huma diversi dawk in-negozji Ewropej li qed jiftħu n-negozju tagħhom f’pajjiżna; mhux billi jiġu huma personalment, iżda permezz ta’ franchises li qed jiftħu bi sħab ma’ imprendituri Maltin. 

·     Dawk li qed ifittxu li jiftħu n-negozju tagħhom f’pajjiżna mhumiex interessati li jiġu huma personalment, iżda diġà qed jagħmlu hekk billi jfittxu sħubija ma’ imprendituri lokali. Meta pajjiżna jkun membru ta’ l-Unjoni Ewropea imprendituri Ewropej, l-iżjed li jistgħu jagħmlu huwa li jfittxu kif jagħmlu sħab ma’ imprendituri Maltin. Bħal m’hemm potenzjal li jagħmlu imprendituri Maltin ma’ imprendituri Ewropej f’pajjiżi msieħba fl-Unjoni Ewropea. 

·     F’pajjiżna għandna suq fejn il-kompetizzjoni diġà qiegħda tilħaq ċertu livell fejn wieħed anke jista’ jgħid li, f’ċerti setturi, hawn overtrading. Għall-barrani aktar jaghmel sens li jmorru fis-swieq tal-pajjiżi l-oħra applikanti, u li huma akbar u jistgħu joffru ferm aktar opportunitajiet, milli jista’ joffri s-suq tagħna.  

·     Il-fatt li minkejja dan kollu xorta jista’ jkollna lil min irid jinvesti f’pajjiżna anke jekk fuq bejgħ bl-imnut, dan m’għandux ibeżżgħana, għaliex dan ikun ifisser li pajjiżna għandu l-abilità li jattira lejh l-investiment barrani wkoll f’dan il-qasam. Għalkemm dan il-punt pożittiv jista’ jitqies minn xi wħud bħala kompetizzjoni żejda, pero’ jiena konxju wkoll li, min l-iżjed li jibża’ li jiġi l-barrani f’pajjiżna, issibu dejjem iżjed lest li, jekk tinqala’ l-opportunità ta’ bejgħ ta’ xi proprjetà, ikun minn ta’ quddiem biex ibiegħ speċjalment lill-barrani, għaliex minnu dan jista’ jieħu ferm iżjed minn dak li jista’ jieħu minn xerrej Malti. Għalhekk jekk il-barrani jiġi biex jixtri ħanut, dan ser ikun jista’ jixtri din il-proprjetà għaliex xi ħadd ieħor Malti ser ibiegħlu. Dan ifisser li kemm-il darba ser ikollna barrani li jrid jixtri ħanut, dan il-barrani għandu jitqies bħala persuna li qed tinvesti u toħloq ix-xogħol f’pajjiżna. 

·     Kemm-il darba l-imprenditur Ewropew ser jiġi jiftaħ in-negozju f’pajjiżna, dan ser ikun jista’ jagħmlu biss bl-istess regolamenti li jrid isegwi l-imprenditur Malti.  L-imprenditur Ewropew mhux sejjer ikollu l-ebda vantaġġ fuq il-Malti. L-istess regolamenti li ser jiggwidaw lill-Malti biex jakkwista liċenzja ser ikunu l-istess regoli li jirregolaw lill-imprenditur Ewropew. Qed isir eżerċizzju biex ikunu identifikati kriterji ta’ kwalifikazzjoni, li min irid jidħol fin-negozju jrid ikollu. B’hekk nassiguraw li f’pajjiżna, min irid jidħol f’negozju jrid ikun kapaċi jmexxi negozju fuq standards tajbin; u dan għandu jwassal biex ngħollu l-livell ta’ kwalità ta’ min jidħol fin-negozju. 

·     Meta wieħed jara t-tendenza dwar iċ-ċaqliq ta’ negozji minn pajjiż għall-ieħor fl-Unjoni Ewropea, dan jara li s’issa dejjem deher li ma kien hemm l-ebda ċaqliq partikolari ta’ negozju ta’ ħwienet minn pajjiż għall-ieħor. Fejn kien hemm ċaqliq dan sar minn pajjiżi fil-periferija ta’ l-U.E. lejn pajjiżi li huma ċ-ċentru ta’ l-Unjoni Ewropea.  

·     L-Imprendituri Maltin diġà jixtru għażla kbira ta’ prodotti mill-U.E. u huma importaturi ta’ prodotti Ewropej. Ħafna huma dawk l-imprendituri Maltin li qed jiftehmu ma’ imprendituri Ewropej biex ikunu huma r-rappreżentanti ta’ ditti Ewropej fil-pajjiżi ta’ l-Afrika ta’ fuq; u dan ghaliex l-imprendituri Ewropej qegħdin jaraw fl-imprenditur Malti l-abilità li għalih huwa iżjed faċli li jinnegozja ma’ imprendituri oħra fl-Afrika ta’ fuq. 

·     Pajjiżna fl-U.E. ikun mitlub jagħmel aktar għassa biex negozji minn pajjiżi barra l-U.E ma jkunx daqshekk faċli għalihom, li jiġu jaħdmu f’pajjiżna. Dan ifisser li ser inkunu f’pożizzjoni aktar vantaġġjuża li nilqgħu għas-self employed li jistgħu jitħajru jiġu hawn f’pajjiżna, minn pajjiżi ifqar minnha speċjalment fl-Afrika ta’ Fuq. Jekk teżisti probabilità li jiġu self employed jiftħu n-negozju tagħhom f’pajjżna, il-probabilità hi li dawn is-self employed jiġu minn pajjiżi ifqar minn Malta u mhux minn pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea li huma diġà membri. 

Għalhekk, filwaqt li ma nnaqqsu xejn mill-abilità kompetittiva ta’ l-imprenditur Malti, filwaqt li nemmnu li s-suq tagħna għandu potenzjal u kapaċi jattira lejh negozji Ewropej, għandu jkollna l-kuraġġ li f’pajjiżna aħna ser inkunu kapaċi nikkompetu u m’għandniex minn x’hiex nibżgħu.  

Faċli li jkollna min jipprova jbeżża’ lill-imprenditur Malti, li jaqbillu li jkollu pajjiż magħluq għall-kompetizzjoni, iżda llum dan huwa raġunar skadut. Huwa fatt li fl-ebda pajjiż ta’ l-E.U. ma nħass dan iċ-ċaqliq ta’ persuni li marru minn pajjiż għall-ieħor biex jiftħu negozju permezz ta’ ftuħ ta’ ħanut.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

Aktar Stqarrijiet Right arrow