Left arrow Go Back

INĦARSU L-INDAFA TA' L-IBĦRA MADWARNA

PR674
Date Icon 16/05/2002

Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura Francis Zammit Dimech qal li l-ġimgħa li għaddiet ġie ppubblikat ir-rapport annwali dwar il-kwalita' ta' l-ilma baħar li minnu jirriżulta dak, li kien enfasizza għal kemm-il darba tul is-sajf li għadda, li l-kwalita' ta' l-ilma baħar is-sena l-oħra kienet l-aħjar għal ħafna snin. Mir-rapport jirriżulta li kienet l-aħjar għal dawn l-aħħar disa' snin.

Meta kien qed isegwi ezercizzju kontra t-tniggiz tal-bahar mill-Oil Pollution Response Module fil-Port il-Kbir, il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li ma kenitx kumbinazzjoni li l-kwalita' tal-baħar madwar il-gżejjer Maltin kienet l-aħjar għal hafna snin. Qal li dan kien fil-parti l-kbira tiegħu r-riżultat ta' ħidma minn naħa ta' ħaddiema mid-Dipartiment tad-Drenaġġ u mill-Oil Pollution Response Module, t-tnejn li huma fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura.

Francis Zammit Dimech fakkar li t-tniġġiż ewlieni fil-bajjiet fejn jgħumu l-Maltin u l-barranin li jiġu jżuruna jiġi minn sbroffi tad-drenaġġ. Hu qal li permezz ta' manutenzjoni kontinwa u ta' tiswija mmedjata kull meta jkun hemm ħsarat fis-sistema, qed nirriduċu dejjem aktar l-isbroffi mid-drenaġġ. Francis Zammit Dimech fakkar li fil-ftit każi ta' sbroffi li kellna s-sajf li għadda, d-Dipartiment tad-Drenaġġ ha passi tempestivi biex isir xogħol lejl u nhar sakemm issewwiet il-ħsara u ġie eliminat l-inkonvenjent għall-għawwiema.

Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li l-Gvern kien għaddej bi programm ta' ristrutturazzjoni tas-sistema tad-drenaġġ, li għandu jwassal biex din tkun tiflaħ aħjar mhux biss mal-ħtiġiet tal-lum iżda għas-snin li ġejjin. Hu fakkar li l-politika tal-Gvern kienet li d-drenaġġ kollu kellu jissaffa qabel jintefa' fil-baħar. Dan il-proġett, li hu stmat li jinvolvi investiment ta' aktar minn Lm40 miljun, għandu jinbeda u jitlesta fis-snin li ġejjin.

Malta kienet gżira f'nofs baħar li minnu jghaddu eluf ta' bastimenti kull sena. Il-Mediterran kien ukoll rotta ewlenija ta' tankers mgħobbija bi żjut. Il-Ministru fakkar li l-Mediterran kien baħar kważi magħluq u li għalkemm l-area tiegħu kienet ta' inqas minn wieħed fil-mija ta' l-area kollha ta' l-oċejani u l-ibħra tad-dinja kien joriġina jew jgħaddi minnu madwar 30 fil-mija tat-traffiku kollu tal-baħar. Barra minhekk hu stmat li 28 fil-mija tat-traffiku kollu fuq il-baħar taż-żejt jgħaddi mill-Mediterran. Dan kollu jwassal għal tniġġiz ta' l-ibħra minn zjut u minn rimi ta' kull tip ta' skart minn bastimenti li jkunu qed isalpaw qrib il-gzejjer Maltin.

Francis Zammit Dimech qal li 25 sena ilu twaqqaf f'Malta r-Regional Marine Pollution Emergency Response Centre fl-isfond tal-qafas tal-Mediterranean Action Plan. Dan iċ-Ċentru, li jiġbor il-pajjiżi kollha tal-Mediterran, ikkontribwixxa fl-iżvilupp u t-titjib tal-kapaċitajiet tal-pajjiżi tal-Mediterran biex jikkumbattu tniġġiż aċċidentali fil-baħar. Barra minhekk il-Gvern kien ħoloq strutturi biex jikkumbatti tniġġiż fl-ibħra madwar il-gżejjer Maltin.

Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li fost dawn l-istrutturi kien hemm l-Oil Pollution Response Module li twaqqaf f'Ġunju 1992. Hu qal li dan il-module twaqqaf biex jikkumbatti rqajja ta' żjut, biex iħarreġ nies minn entitajiet differenti, sew tal-Gvern jew le, f'tagħmir apposta li jiġi wżat biex nikkumbattu t-tniġġiż miż-żjut. Il-module jieħu ħsieb ukoll il-manutenzjoni tat-tagħmir fdat lilu biex ikun fi stat tajjeb kull meta jkun meħtieġ.

Francis Zammit Dimech qal li dan il-module kellu għad-diżpożizzjoni tiegħu tliet biċċiet tal-baħar: l-MV Ambjent, l-MV Monka u l-MV Pupilla.

  • L-MV Pupilla hu maħsub li jikkumbatti tniġġiż minn żjut fuq l-art u fil-baħar.
  • L-MV Monka hu maħsub għal azzjonijiet immedjati. Jintuża wkoll biex jieħu gradwati mill-Universita' għal kampjuni marbuta ma' analiżi tal-baħar u azzjonijiet oħra li jkunu meħtieġa
  • L-MV Ambjent hu l-arterja ewlenija tal-ħidma kollha li jagħmel dan il-Unit. Dan hu vapur bi skop doppju. Waħda mill-ħidmiet tiegħu hi li jiġbor skart minn wiċċ il-baħar. Din hi ħidma li titwettaq tista' tgħid kuljum fejn jinġabru madwar seba' tunnellati ta' skart kull ħmistax-il ġurnata. Dan il-bastiment jintuża wkoll biex jinġabar iż-żejt billi d-debris-collecting hydraulic net tinbidel f'oleopholic disc skimmer.

Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li l-ħidma ta' dan il-module kienet waħda importanti ħafna fil-ġlieda tagħna kontra t-tniġġiż ta' l-ibħra. Hu qal li permezz ta' dan il-module kompliet tiġi mplimentata d-Draft National Marine Contingency Plan b'interventi fil-pront meta jkun hemm oil spills li jolqtu lill-gżejjer Maltin. Il-module kienet tifforma parti mill-istrateġija tal-Gvern biex il-bajjiet ta' pajjiżna u l-ibħra madwarna jinżammu fi stat tajjeb il-ħin kollu u jibqgħu f'livelli rikjesti mill-Konvenzjoni ta' Barċellona u d-direttivi ta' l-Unjoni Ewropea.

Il-Ministru Francis Zammit Dimech fakkar ukoll li dan il-module kien kull sena jorganizza l-kampanja Clean Up the Sea b'tindif ta' qiegħ il-baħar mill-iskart li jintefa'. Hu qal li din il-ħidma kienet issir f'erba' bajjiet f'Malta u Għawdex b'kollaborazzjoni ma' entitajiet governattivi u privati u minn għaddasa. Din il-kampanja, li se terġa' issir din is-sena, minbarra l-iskop li jitnaddfu qigħ il-bajjiet issir bil-ħsieb li l-poplu jsir aktar konxju li għandu jżomm qigħ il-baħar nadif billi ma jitfa' xejn fih.

Francis Zammit Dimech qal li l-hidma ta' l-Oil Pollution Response Module kienet ħolqa ohra f'katina ta' miżuri li qed jieħu l-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura biex itejjeb l-ambjent madwarna.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow