Diskors mill-Onor. Edwin Vassallo, Segretarju Parlamentari fil-Ministeru ghas-Servizzi Ekonomici, fl-okkazjoni ta’ l-inawgurazzjoni tal-‘Property, Construction and Home Improvements Fair’ – Naxxar - 15 ta’ Mejju 2002
Bir-regoli l-ġodda li jirregolaw il-ħruġ tal-liċenzji u l-ħinijiet tan-negozju, saret emenda wkoll fil-proċedura li permezz tagħha, jista’ jintalab permess biex tittella’ fiera kummerċjali li tinkludi l-bejgħ bl-imnut.
Ħadd ma’ jista’ jorganizza jew jippermetti li tiġi organizzata fiera kummerċjali li tkun tinkludi l-bejgħ bl-imnut ta’ oġġetti jew servizzi lill-pubbliku, kemm-il darba ma tkunx inħarġet liċenzja speċifikament għal dik l-attivita’ mis-Sezzjoni Liċenzji tal-Kummerċ.
Applikazzjoni għal liċenzja taħt dan ir-regolament għandha ssir lis-Sezzjoni Liċenzji tal-Kummerċ minn min ser ikun qed jorganizza dik il-fiera kummerċjali, u għandu jkun fiha dan it-tagħrif li ġej:-
l-isem, l-indirizz u n-numru tad-dokument ta’ l-identita’, jew xi mezz ieħor ta’ identifikazzjoni, ta’ min ikun qed jorganizza l-fiera;
l-isem, jekk ikun hemm, u l-indirizz ta’ fejn tkun ser issir il-fiera kummerċjali;
l-isem ta’ kull min jipparteċipa fil-fiera u t-tip ta’ prodotti li jkunu ser jinbiegħu;
id-data jew dati meta tkun se ssir il-fiera.
Dan ifisser li l-applikant jista’ japplika biex meta ser tkun organizzata fiera kummerċjali, tinħariġlu l-liċenzja partikolari għal dik l-attivita’ mit-Trade Licensing Unit (is-Sezzjoni Liċenzji tal-Kummerċ) f’bini li, skond l-permess tal-Awtorita’ Maltija ghall-Ippjanar u l-Ambjent (Malta Environment and Planning Authority - MEPA) jista’ jilqa’ fih l-attivita’ ta’ fiera kummercjali, li tinkludi bejgħ bl-imnut.
Meta tkun organizzata fiera kummerċjali, li tkun tinkludi fiha bejgħ bl-imnut u tkun ukoll miftuħa għall-pubbliku in ġenerali, f’bini kemm jekk mibni għall-iskop biex jilqa’ fih fieri kummerċjali, kemm jekk lukanda, skola jew ċentru ta’ organizzazzjoni volontarja, ser ikollha ssir applikazzjoni għall-permess kull darba li ssir fiera.
Kemm il-darba skola jew għaqda volontarja torganizza fiera li fiha ser ikun hemm bejgħ bl-imnut għall-istudenti tagħha jew ghall-membri skond il-każ, u mhux ser tkun miftuħa għal pubbliku ġenerali, din l-attivita’ m’għandhiex bżonn ta’ liċenzja. Irrid nenfasizza iżda li kemm-il darba l-fiera ser tkun miftuħa għal pubbliku, allura jkun min fejn ikun il-post, il-liċenzja hija dejjem meħtieġa.
Dan it-tibdil u l-mod ġdid li bih ser ikun mitlub issa l-permess tal-liċenzja kummerċjali, ser jagħmilha possibbli li tkun iffaċilitata l-organizzazzjoni ta’ dawn il-fieri kummerċjali.
Bhala ezempju ta’ dan, li kieku ma sarx dan it-tibdil, il-fiera kummerċjali li ser tkun organizzata f’Għawdex miċ-Chamber of Commerce ma kienx ikun possibli li ssir.
Fir-rigward tal-fieri kummercjali li jsiru fin-Naxxar, kull parteċipant li jieħu sehem f’dawn il-fieri, issa mhux ser ikollu joqghod iħallas il-permess fl-għassa tal-Pulizija tan-Naxxar. Il-permess ta’ lira kuljum li ser iħallas sakemm idum jieħu sehem fil-fiera, ser tinġabar mill-organizzaturi tal-fiera, kif fil-fatt ġara fl-organizzazzjoni ta’ din il-fiera. Dan wassal biex jitnaqqas il-ġiri li kellhom jagħmlu l-parteċipanti fl-għases tal-Pulizija.
Ser tinġibed l-attenzjoni li min jieħu sehem f’dawn il-fieri, jrid ikun persuna li jkollha attivita kummerċjali.
Pero’, applikant li għandu liċenzja tan-negozju ta’ ħanut ma jistax japplika biex fl-istess bini ssir fiera kummerċjali.
Qiegħed nitkellem dwar dawn ir-regoli il-ġodda għaliex issa nemmen li b’dawn ir-regolamenti ser ikun iktar faċli biex dawn l-attivitajiet ikunu regolati. Dwar il-ħinijiet tal-kummerc għal dawn l-attivitajiet issa ser ikun possibli li kull meta jkunu organizzati dawn il-fieri, l-bejgħ jibqa’ sejjer sal-Ħadd fil-11.00 p.m.
Dawn huma kollha miżuri ġodda li nawgura li għandhom jgħinu biex in-negozju tagħna jkun mgħejjun jaħdem aħjar.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN