Sistema favorevoli ta’ taxxa għall-bdiewa
Il-Gvern qed jikkunsidra l-introduzzjoni ta’ sistema ta’ taxxa li tkun ta’ benefiċċju għall-bdiewa billi l-bdiewa full-timers jibdew iħallsu rata ta’ taxxa favorevoli, relatata mal-valur tal-prodotti li huma jbiegħu mill-Pitkalija. Għaldaqstant, fl-aħħar tas-sena huma ma jkollhomx għalfejn jgħaddu rendikont ta’ dak li daħħlu mill-bejgħ tal-prodotti agrikoli lid-Dipartiment tat-Taxxi, peress li t-taxxa tkun diġà tħallset matul is-sena.
Fir-rigward ta’ bdiewa part-time, il-ħsieb hu li t-taxxa tkun applikata skond id-dħul mill-impjieg primarju ta’ l-istess bdiewa.
Dan qalu l-Ministru għall-Agrikoltura u Sajd Ninu Zammit meta kien qed jitkellem f’seminar ta’ ġurnata dwar il-pakkett speċjali li qed jipproponi l-Gvern għas-settur agrikolu. Is-seminar kien organizzat mill-Assoċjazzjoni tal-Bdiewa.
Hu qal ukoll li l-għajnuna li l-bdiewa u r-raħħala se jirċievu mill-pakkett speċjali m’hix se tkun taxxabbli.
Il-Ministru Zammit fakkar li biex il-produtturi fis-settur tal-biedja jibqa’ jkollhom dħul xieraq u ġust wara li jibdew jitneħħew il-levies, kif ukoll biex ikunu megħjuna jwettqu r-ristrutturar meħtieġ, il-Gvern fassal pakkett speċjali li se jammonta għal Lm70 miljun fuq perjodu ta’ snin.
Dan il-programm ta’ għajnuna, spjega l-Ministru Zammit, ikopri s-settur kollu agrikolu, jiġifieri l-produzzjoni ta’ ħxejjex u frott, il-produzzjoni tal-ħalib u l-produzzjoni tal-laħam. Fir-rigward tal-ħxejjex u frott, qed issir distinzjoni bejn il-prodotti sensittivi bħal m’huma l-patata, id-dwieli u t-tadam għall-ipproċessar u li fuqhom se tibqa’ tingħata għajnuna permanenti, u l-prodotti tradizzjonali.
Meta l-Ministru Zammit irrifera għall-għajnuna li se tingħata lill-bdiewa, għamilha ċara li din se tingħata fuq dak li jiddikjaraw li jkunu daħħlu u biegħu mill-pitkaliji.
Hu ħeġġeġ lill-bdiewa u lir-raħħala biex iwaqqfu l-għaqdiet tal-produtturi għax dawn se jkunu l-għodda biex ikun faċilitat il-mod kif il-kumpens jgħaddi għand il-bdiewa u r-raħħala, kif ukoll biex jirregolaw aħjar il-produzzjoni skond id-domanda u biex ukoll ifittxu swieq ġodda, anki barra l-pajjiż.
Il-Ministru Zammit semma wkoll li l-Gvern ressaq il-pakkett speċjali ta’ għajnuna biex ikun negozjat ma’ l-Unjoni Ewropea bl-iskop li parti mill-pakkett tkun finanzjata mill-istess Unjoni. Dan apparti għajnuna oħra li pajjiżna se jkun intitolat għaliha jekk nissieħbu fl-Unjoni Ewropea, bħal m’hi l-għajnuna għal żvilupp rurali.
Hu għamilha ċara li jekk pajjiżna ma jisseħibx, ma jkunx jista’ jibbenefika mill-miljuni ta’ liri li l-Unjoni Ewropea toħroġ kull sena għas-settur agrikolu. "Għaldaqstant, jekk ma nisseħbux, il-protezzjoni permezz tal-levies trid tispiċċa xorta waħda, mingħajr ma pajjiżna jkun intitolat għal għajnuna finanzjarja mill-UE,” tenna l-Ministru Zammit.
Il-Ministru Zammit qal li m’għandu l-ebda dubju li l-miżuri u l-inizjattivi li qed jittieħdu se jwasslu biex is-settur agrikolu jsir aktar sostenibbli.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN