Left arrow Mur Lura

Ristrutturar tas-settur agrikolu

PR645
Date Icon 13/05/2002

Il-Ministru għall-Agrikoltura u Sajd, l-Onor. Ninu Zammit ippropona t-twaqqif ta’ Sotto Kumitat bejn l-Awtorità ta’ l-Ambjent u l-Ippjanar, u t-Taqsima għas-Servizzi Agrikoli u Żvilupp Rurali, bl-iskop li jitħaffef il-proċess fir-rigward ta’ applikazzjonijiet li jsiru għal żvilupp fis-settur agrikolu, inklużi ċaqliq ta’ rziezet minn post għal ieħor, bini ta’ rziezet u ta’ serer, u tisħiħ jew alterazzjonijiet f’irziezet eżistenti.

Il-Ministru Zammit ghamel din il-proposta fid-dawl tar-ristrutturar li kulħadd jaqbel li għandu jsir f’dan is-settur, biex l-agrikoltura tibqa’ tkun sostenibbli kif ukoll biex tonqos xi ħsara li tista’ ssir fuq l-ambjent u b’mod partikolari fuq ir-riservi ta’ l-ilma taħt l-art.

Il-Ministru Zammit kien qed jitkellem waqt seminar organizzat mill-Ministeru ta’ l-Agrikoltura u Sajd u l-Ministeru ta’ l-Intern u l-Ambjent, bl-iskop li jkunu diskussi, fost l-oħrajn, problemi li jistgħu qegħdin jiltaqgħu magħhom bdiewa u raħħala li japplikaw għal permessi ta’ żvilupp u biex jinstab il-mezz kif il-proċess marbut ma’ dawn l-applikazzjonijiet ma jitwalx bla bżonn.

Il-Ministru Zammit wera s-sodisfazzjon tiegħu li l-bdiewa u r-raħħala qed jifhmu l-ħtieġa li jirristrutturaw l-operat tagħhom u jsaħħu l-impenn tagħhom biex jassiguraw il-kwalità tal-prodott, is-sigurtà fejn jidħol il-konsumatur u l-ħarsien ta’ l-ambjent naturali.

Hu qal li l-Gvern se jgħin lis-settur b’kull mezz possibbli biex din il-mira tintlaħaq. Fil-fatt, parti mill-għajnuna li se tingħata permezz tal-pakkett speċjali marbut mat-tneħħija tal-protezzjoni hi mmirata lejn ir-ristrutturar u t-tisħiħ li jrid isir mill-produtturi. Il-bdiewa u r-raħħala se jkunu jistgħu jibbenefikaw ukoll minn għajnuna li l-Unjoni Ewropea tagħti għall-iżvilupp rurali u dan fid-dawl tal-programm għal żvilupp rurali li diġà qed jitħejja mill-Gvern Malti u li għalih l-Unjoni Ewropea diġà se tgħaddi 3.2 miljun Ewro, minkejja li għandna ma sseħibniex fl-UE.

Barra minn hekk, kompla l-Ministru Zammit, il-Gvern diġà qed jissussidja b’mija fil-mija l-interessi kollha li suppost iħallsu l-bdiewa u r-raħħala fuq self mill-Banek sa l-ammont ta’ Lm12,000 kemm-il darba dan is-self isir għal proġetti marbuta ma’ l-immaniġġjar ta’ l-iskart. Il-Gvern qed jissussidja wkoll b’4.5 fil-mija l-interessi fuq self mill-Banek sa l-ammont ta’ Lm10,000 għal proġetti oħra marbuta mas-settur agrikolu.

Il-Ministru Zammit semma li Uffiċjali mit-Taqsima għas-Servizzi Agrikoli u Żvilupp Rurali qegħdin iżuru l-irziezet li fihom jitrabbew il-baqar u l-majjali bħala parti minn eżerċizzju biex ikunu magħrufa xi ħtiġiet jeżistu ħalli jkun jista’ jsir it-tisħiħ meħtieġ bħala parti mir-ristrutturar biex dawn l-irziezet isiru aktar iġeniċi, tikber is-sigurtà fil-produzzjoni u biex tkompli titjieb il-kwalità tal-prodott.

Qed isiru wkoll żjarat minn uffiċjali mit-Taqsima ta’ l-Ikel u Attività Veterinarja biex ikun żgurat li l-annimali qed jinżammu f’konformità mal-liġi li saret is-sena li għaddiet dwar it-trattament xieraq ta’ l-annimali. Hu qal li t-tisħiħ li jrid isir, irid jassigura li l-annimali jinżammu fl-aħjar kundizzjonijiet iġeniċi possibbli u li ma ssirx ħsara ambjentali bl-iskart ta’ l-annimali.

Problema oħra li semma l-Ministru Zammit u li trid tkun mistħarrġa sew hi dik ta’ rziezet fl-abitat u li minnhom tiddependi l-ħobża ta’ kuljum ta’ familji li d-dħul tagħhom jiddependi għal kollox mill-biedja. Hu qal li, bl-għajnuna ta’ l-Awtorità ta’ l-Ambjent u l-Ippjanar, għandhom ikunu identifikati siti ġodda għal fejn jistgħu jkunu trasferiti dawn l-irziezet.

Hu qal li diġà jeżistu linji ta’ gwida li għandhom ikunu segwiti fil-bini ta’ rziezet u bini ieħor għal skop agrikolu. Jeżistu wkoll pjanti standard ta’ kif għandhom ikunu l-irziezet għal kull settur partikolari. Il-Ministru Zammit appella lill-produtturi biex isegwu dawn il-linji ħalli jassiguraw li l-proċess għall-kunsiderazzjoni ta’ l-applikazzjonijiet ma jitwalx għalxejn, biex jassiguraw li l-iżvilupp u xogħlijiet oħra ta’ tisħiħ u alterazzjonijiet ikunu ta’ livell adekwat u biex jassiguraw il-ħarsien ta’ l-ambjent ta’ l-inħawi.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

Aktar Stqarrijiet Right arrow