JUM L-OMM 2002 F’GĦAWDEX
Għall-okkażjoni ta’ Jum l-Omm, li din is-sena qed tiġi ċċelebrata llum il-Ħadd 12 ta’ Mejju, il-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono, għamlet żjara fis-swali tan-Nisa u Maternita’ fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex, fejn iltaqgħet ma’ l-ommijiet rikoverati hemmhekk. Fil-waqt illi awgurat fejqan ta’ malajr lill-pazjenti, il-Ministru Debono wriet l-apprezament tagħha għax-xogħol u sagrifiċċji li jagħmlu mal-morda l-familjari.
Hija tkellmet dwar l-impenn tal-Gvern fil-qasam tas-saħħa f’Għawdex u partikolarment dwar l-apparat u servizzi ġodda li ġew introdotti matul dawn l-aħħar snin, fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex u li minnhom jibbenefikaw l-aktar il-pazjenti nisa. Il-Ministru Debono semmiet il-colposcope - l-apparat li jintuża fl-iscreening għall-kanċer fin-nisa.
Fis-swali tan-Nisa twaħħal ukoll impjant ta’ l-arja kundizzjonata li kien ilu jinħass il-bżonn tiegħu speċjalment fix-xhur tas-sajf.
Il-Ministru Giovanna Debono tkellmet ukoll dwar l-proġett ta’ ristrutturar u modernizzar tas-Swali Anzjani Nisa. Dan hu proġett li meta jitlesta, għandu jtaffi l-problema ta’ numru ta’ anzjani residenti f’Homes. Dan il-proġett ser ikun jista’ jakkomoda żieda ta’ 21 pazjenta, jew madwar 35% iktar ta’ pazjenti li bħalissa jinsabu f’din il-Unit.
Sabiex ix-xogħol fuq dan il-proġett seta’ jibda jseħħ mingħajr inkonvenjent għall-pazjenti, dawk il-pazjenti li qabel kienu f’din it-taqsima ġew trasferiti f’area oħra ta’ l-Isptar, sabiex l-inħawi ta’ dawn is-swali jiġu svojtati. Dan qiegħed jippermetti t-twettieq tax-xogħlijiet kollha ta’ kostruzzjoni, tibdil strutturali, xogħol elettriku u mekkaniku, u iktar ’l quddiem oħrajn ta’ finishing, fl-inqas ħin possibbli. Ser isir xogħol relatat mal-kostruzzjoni ta’ entratura prinċipali għal dawn is-swali, li tipprovdi aċċess dirett mir-ringroad ta’ l-istess sptar.
Is-Sezzjoni ta’ l-Anzjani u Persuni bi Bżonnijiet Speċjali fi ħdan id-Dipartiment Customer Services (Ministeru għal Għawdex), organizzat Quddiesa għall-ommijiet, iċċelebrata mill-E.T. Mons. Nikol Ġ. Cauchi, Isqof t’Għawdex fis-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu, li għaliha attendiet ukoll l-Onor. Giovanna Debono.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN