ILMA BAHAR TA' KWALITA` GHOLJA
L-ilma baħar tagħna huwa ta' kwalita` tajba u jissodisfa l-kriterji stabbiliti mill-Konvenzjoni ta' Barċellona kif ukoll konformi mad-direttivi ta' l-Unjoni Ewropea.
Dan qalu l-Ministru tas-Saħħa l-Onor. Louis Deguara, meta flimkien mas-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Ambjent fil-Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent, l-Onor. George Pullicino u uffiċjali mill-Ministeru tat-Turiżmu, kien qiegħed jindirizza l-media dwar il-kwalita` ta' l-ilma għall-għawm.
Dan sar fl-okkazjoni tas-sena dedikata għall-ekoturiżmu, kif ukoll il-bidu ta' l-istagun ta' l-ghawm. Fil-Ministeru tas-Saħħa qeghda tittella' esibizzjoni dwar l-ilma għall-għawm.
Il-Ministeru tas-Saħħa permezz tad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika għandu r-responsabilta` li jimmonitorja l-kwalita' ta' l-ilma għall-għawm kemm dak tal-baħar kif ukoll tas-swimming pools. Dan jagħmlu billi regolarment jieħu kampjuni minn 87 lokalita` fuq il-kosta ta' Malta u Għawdex, li huma meqjusa bhala postijiet għall-għawm.
L-ilma jiġi analiżżat għall-mikrobi speċjalment dawk relatati mad-drenaġġ. Ir-riżultati minn dawn l-analiżi juru li l-ilma baħar f'lokalitajiet għall-għawm hu ta'kwalita' għolja u għalhekk jista' jsir għawm mingħajr pre-okkupazzjoni għas-saħħa.
Dr. Louis Deguara introduċa l-ktieb "Bathing Water Quality - Report 2001", li juri r-riżultati tas-sena l-oħra. Kulħadd jiftakar li s-sena li għaddiet kien hawn ħafna kjass speċjalment minn sezzjoni tal-media, dwar l-ilma baħar u saru bosta allegazzjonijiet ta' bajjiet kontaminati.
Ir-riżultati jġibu fix-xejn dan kollu, għax juru li s-sajf li għadda kien l-aħjar wieħed f'dawn l-aħħar tlitt snin. Fil-fatt kellna l-anqas numru ta' ġranet li fihom kien rakkomandat li ma jsirx għawm f'certi postijiet. L-aktar post milqut kien f'Tax-Xemgha, li rriżulta li snin ilu, fi żmien l-amministrazzjoni precedenti, kien sar xogħol ħażin fis-sistema tad-drenaġġ.
Għal matul l-istaġun li se jibda fl-20 ta' Mejju, id-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika se jkun impenjat f'ħidma biex mhux biss jimmonitorja l-ilma, imma wkoll biex iżomm il-pubbliku nfurmat dwar il-kwalita` ta' l-ilma. Dan jagħmlu permezz ta' avviżi fil-media u b'kollaborazzjoni mal-kunsilli lokali konċernati. Din is-sena, id-Dipartiment investa f'sistema fejn il-pubbliku jista' jċempel fuq in-numru tat-telefon 21 827 146 u jingħata informazzjoni aġġornata dwar il-kwalita` ta' l-ilma fid-diversi lokalitajiet.
Il-Ministru appella lill-media biex tkun responsabbli f'din il-materja, peress li jista' jkollha impatt fuq it-turiżmu. Is-sena l-oħra, sa stazzjon televiziv barrani għamel programm fuq hekk.
Dan il-programm kien mibni fuq informazzjoni skorretta. Ta' min ifakkar li informazzjoni żbaljata jew sensazzjonaliżmu jista' jagħmel ħsara kbira lill-pajjiżna. Għalhekk qabel ma wieħed ixandar rapporti dwar kontaminazzjoni, ikun għaqli li tinkiseb informazzjoni korretta mid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN