Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAR-RIŻORSI U L-INFRASTRUTTURA

PR627
Date Icon 08/05/2002

Il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura jirreferi għall-artiklu ta' l-Onor Joe Mizzi, li deher fil ħarġa ta' "l-orizzont" tal-Ġimgħa, 3 ta' Mejju 2002 u fil-ħarġa ta' "The Sunday Times", tal-5 ta' Mejju 2002 u li susseggwentament intbagħat lill-media kollha.

Kulħadd jaqbel li landfills ikkontrollati llum il-ġurnata huma essenzjali għal kull wieħed u waħda minna għax dawn biss jistgħu jassiguraw immaniġġjar sostenibbli ta' l-iskart. F'Malta jidher li għad hawn problema biex wieħed jifhem id-differenzi li jeżistu bejn miżbla u landfill, minkejja l-isforz li qed isir mill-Gvern biex wieħed jiddistingwi bejn it-tnejn. F'dan ir-riġward il-membri ta' l-Oppożizzjoni mhux jgħinu biex din id-distinzjoni tiftiehem mill-pubbliku!

Il-fatt li pajjiżi oħra digà għandhom dawn it-tip ta' landfills jidher ċar kemm l-immaniġġjar ta' l-iskart ma għandux ikun issue ta' politika partiġġjana. L-informazzjoni li tingħata ghandha tkun korretta biex kulħadd ikun jista' jipparteċipa b'mod kostruttiv. Il-Project Description Statement (PDS) huwa dokument li suppost iffaċilita dan il-proċess u ma għandux jitqies bħal xi rapport konklussiv fuq xi sit partikulari.

Minkejja li l-Magħtab tista' tissejjah landfill, il-Gvern qed jenfasizza d-differenza drastika bejn x'qed jiġi propost u l-Maghtab. Ta' min jenfasizza wkoll illi l-proposta l-ġdida ma titkellimx fuq żewg saffi bħal ma semma l-Onor Joe Mizzi, iżda fuq numru ta' saffi ta' lqugħ li jkunu jinkludu, fost oħrajn, s-saff biex jinġabar il-likwidu u dak biex ma jħallix likwidu jaħrab.

Is-sitwazzjoni preżenti, li digà bdiet tiġi ndirizzata, ma hix riżultat ta' xi amministrazzjoni partikulari. Bħal ma digà semmejna l-Magħtab, li nfetħet fil-bidu tas-snin Sebgħin minn Gvern Laburista flimkien ma' żewġ miżbliet oħra f'Marsascala u Wied Fulija fiż-Żurrieq, qatt ma kienet ppjanata bħala landfill u allura s-sitwazzjoni ħażina tal-lum hija sforz deċiżjonijiet miżinfurmati li ttieħdu tul iż-żmien. Illum, l-Istrateġija għall-Immaniġġjar ta' l-Iskart Solidu għandha sitta u ħamsin inizjattiva li Proġett Skart qieghed jimplimenta. Inizjattiva minnhom hija l-bini ta' landfill għal skart mhux ikkontaminat u li mhux tal-bini filwaqt li inizjattiva oħra hija l-bini ta' landfill għal skart tossiku. Fil-proposta ta' dan il-Ministeru qed tigi ikkunsidrata l-possibilità li t-tnejn jiġu miġbura fuq l-istess sit, iżda l-infrastruttura ta' waħda tkun diversa minn dik ta' l-oħra kif jindika d-dokument. Faċilitajiet komuni, fosthom il-weighbridge, ma hemmx għalfejn ikunu ripetuti u dan jagħmel sens ekonomiku. Jidhrilna li jekk nistgħu niġbru ż-żewġ landfills f'waħda ikun aħjar. Jekk hawn min qed joħloq din il-kampanja kollha fuq landfill waħda naħsbu li jekk ikollna tnejn l-kampanja tkun mill-inqas id-doppju!

L-erbgħa u ħamsin inizjattiva l-oħra ta' Proġett Skart huma pjan serju biex insegwu l-ġerarkija ta' l-iskart, jiġifieri li jinħolqu opportunitajiet ta' imminimizzar u prevenzjoni ta' skart u li tikber id-domanda għar-riċiklaġġ u l-irkuprar. Għal dan il-għan, il-priorità ta' l-inizjattivi l-oħra hija li wieħed jissepara u li ma jikkontaminax il-frazzjonijiet ta' skart diversi.

L-Onor Mizzi jsostni li s-separazzjoni ta' l-iskart kellha tkun l-ewwel pass qabel jinbnew iż-żewġ landfills. Ma' dan il-Gvern jaqbel bi sħiħ u għal dan il-għan beda il-proċess ta' l-ippjanar tal-landfills. Skond l-Istrateġija, dawn il-landfills jridu jibdew joperaw fis-sena 2004 (Inizjattiva D12 u D13). Skond l-istess Strateġija s-separazzjoni ta' l-iskart għandha tkun stabbilita sal-bidu ta' l-istess sena. L-ippjanar beda sew fuq il-landfills kif ukoll fuq is-separazzjoni ta' l-iskart. Id-diskussjonijiet ma' lokalitajiet oħra, minbarra Pembroke u Marsascala, fejn ser jitkompla dan l-eżercizzju bdew, u l-miri ser jintlaħqu. Saħansitra beda x-xogħol ma' oqsma industrijali għal separazzjoni ta' skart kif ukoll sistema ta' edukazzjoni ma' kunsilli, industriji u entitajiet oħra. Pero' s-suċċess ta' dan ma jiddependix biss fuq il-Gvern, iżda fuq kull individwu Malti u Għawdxi u speċjalment fuq dawk kollha li kapaċi jinfluwenzaw lil dawn in-nies. L-elenku ta' produtturi u kolletturi ta' kull tip ta' skart, mhux dak tossiku biss, beda ukoll hekk kif jirrikjedi Proġett Skart.

Billi iż-żewġ landfills ikunu ħdejn xulxin ma jfissirx li l-iskart ser jiġi imħallat kif jissuġerixxi l-Onor Mizzi. Ifisser biss ippjanar ekonomiku għaqli. Barra miż-żewġ landfills, komponenti oħra huma ppjanati għal dan l-iżvilupp u dawn jinkludu faċilità ta' Civic Amenity u faċilità għat-trattament u ħażna ta' skart tossiku li jkun ser jiġi esportat.

Bħal ma qal tajjeb l-Onor Mizzi, is-siti magħżula bdew jiġu kkunsidrati mis-sena 1997. Is-seba' siti elenkati f'rapport li kien sar lill-Onor George Vella, Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Ambjent fl-Amministrazzjoni Laburista fl-1 ta' Settembru 1997, jigifieri sena qabel ma saret l-elezzjoni ġenerali, kienu Wied Moqbol, Bengħajsa; ix-Xoqqiet, Bengħajsa; Bengħajsa; Wied Għammieq, limiti tal-Kalkara; ta' Majru, fil-Bajja ta' San Tumas; iż-Żonqor f'Wied il-Għajn, u l-Għallis limiti tan-Naxxar. Dawn is-siti gew ikkunsidrati f'bosta eżercizzji preliminari. Id-dokument li ħarġet it-Taqsima tax-Xogħlijiet evalwat l-aħħar sitt siti li kienu ġew shortlisted aktar mill-viċin. Dan l-eżerċizzju ma sarx biex jintagħżel xi sit partikulari, izda biex jidentifika sit jew aktar, li fuqu jew fuqhom hemm skop li ssir investigazzjoni aktar dettaljata fuq is-sit kif ukoll Environment Impact Assessment (EIA). Il-PDS jenfasizza fuq żewġ raġunijiet għalfejn l-Għallis u Bengħajsa għandhom jiġu kkunsidrati mill-qrib minn esperti diversi u li huma indipendenti mill-iżviluppatur. L-ewwel raġuni hija li s-siti jkunu jistgħu jakkommodaw il-komponenti kollha tal-proġett u li jifilħu l-iskart ipproġettat għall-għoxrin sena li ġejjin. Issa, wara li jiġu nklużi l-kummenti ta' kull min hu kkonċernat, jibda l-analiżi dettaljat fuq is-siti. Ikunu kkunsidrati l-ilmenti kollha tal-pubbliku, inklużi dawk ta' l-Onor Mizzi, jekk dawn ġew mibgħuta lid-Direttorat ta' l-Ippjanar. Għal dan il-għan l-istudju ġeologiku u dak idroġeoloġiku, kif ukoll kull tip ta' studju ieħor li hemm bżonn ser isir, jidher jew ma jidhirx f'appendiċi B tal-PDS. Għalhekk ukoll il-pubbliku ngħata l-opportunià jissuggerixxi t-terms of reference għall-istess EIA.

Forsi l-punt li fehmu pajjiżi inqas żviluppati minna, għax bħal ma qal l-Onor Mizzi investew f'din it-teknoloġija qabilna, imma qisu ma jistax jinftiehem minn xi wħud lokalment, huwa l-fatt li l-landfill mhux ser tkun ta' dannu ambjentali jew ta' dannu għas-saħħa. Qisna qed ninkwetaw aktar fuq dan l-iżvilupp milli fuq il-Magħtab preżenti, minkejja li din tirċievi kull tip ta' skart. L-iżvilupp il-ġdid ser jilqa' skart segregat u stabilizzat. Ser tittieħed kull prekawzjoni possibli biex din il-faċilità tkun mill-aktar avvanzata. Saħansitra hemm allokat laboratorju biex janalizza l-iskart. Dan kollu jikkontrasta mal-Maghtab.

Id-dokument li ħarġet it-Taqsima tax-Xogħlijiet sar minn team ta' nies esperti. Dan id-dokument ma huwa xejn ħlief faċilità biex jgħin lil kull wieħed u waħda minna jaħseb fuq x'għandu f'moħħu l-Gvern. Id-dettalji tal-Proġett għadhom ma ġewx indirizzati. Id-dokument huwa biss kunċett għal diskussjoni. Id-dettalji jinħadmu hekk kif is-sit jkun magħruf.

Il-perit li l-Onor Mizzi jista' qiegħed jirreferi għalih huwa professjonist proattiv f'xogħlijiet pubbliċi, li minbarra li huwa kapaċi mil-lat teoretiku huwa prattiku wkoll. Għalkemm dan il-perit ma kien bl-ebda mod involut fid-disinn ta' din il-landfill huwa l-istess perit li kien imqabbad fil-1997 biex jifformola rapport u proposti għar-riabilitazzjoni tal-Magħtab u miżbliet oħra f'Malta u Għawdex, liema rapport kien preżentat mill Onor. Charles Buhagiar.

Sfortunatament hawn min qed jassoċja proġett li jassigura s-saħħa u l-interess tal-Maltin ma' issue ta' politika partiġġjana. L-Oppożizzjoni s'issa almenu aċċettat illi Malta teħtieġ engineered landfill, iżda s'issa mhi toffri ebda alternattiva dwar is-sit ideali.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

Aktar Stqarrijiet Right arrow