L-INQAS SENA TA' KORRIMENTI FIL-POST TAX-XOGĦOLL-INQAS SENA TA' KORRIMENTI FIL-POST TAX-XOGĦOL
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura l-Onor. Dr. Francis Zammit Dimech qal li ċifri maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali ta' l-Istatistika juru li matul is-sena 2001 kien hemm 5,061 inċident fil-post tax-xogħol. Hu qal li jirriżulta li din kienet l-aktar ċifra baxxa ta' inċidenti fil-post tax-xogħol fl-aħħar 10 snin, sew bħala numru kif ukoll bħala perċentwali tan-numru ta' nies jaħdmu full time.
Il-Ministru kien qed jitkellem meta inawgura wirja dwar inizjattivi dwar saħħa u sigurtà fil-post tax-xogħol u fl-istess hin nieda l-Politika dwar is-Saħħa u s-Sigurtà tat-Taqsima tax-Xogħlijiet.
Francis Zammit Dimech qal li 5,061 kienu 3.7 fil-mija ta' dawk kollha jaħdmu bi qligħ. Hu fakkar li fl-1992 kien hemm 6,974 inċident fil-post tax-xogħol jew 5.5 fil-mija ta' dawk kollha jaħdmu. L-ogħla numru ta' inċidenti wara l-1992 kien fl-1997 meta kien hemm 6,338, jew 4.8 fil-mija ta' dawk kollha jaħdmu.
Il-Ministru qal li l-fatt li n-numru ta' ħaddiema li jweġgħu fil-post tax-xogħol kien qed jonqos juri li l-ħaddiem qed isir aktar konxju mill-miżuri li għandu jieħu biex jaħdem f'ambjent ta' sigurtà. Juri wkoll li l-kampanji edukattivi li qed isiru għal aktar saħħa u sigurtà fil-post tax-xogħol qed jagħtu riżultati pożittivi.
It-Taqsima tax-Xogħlijiet fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura kienet timpjega madwar 4,000 ħaddiem li 3,600 minnhom kienu fi gradi industrjali. Hu qal li l-istess taqsima waqqfet Unit Intern għas-Saħħa u s-Sigurtà (WDIHSU) fis-sena 2000. Dan il-Unit jagħmel parti mid-Dipartiment ta' l-Industrja tal-Kostruzzjoni. Hu qal li fil-bidu tat-twaqqif tiegħu dan il-Unit kellu żewġ ħaddiema li kienu qed jagħmlu kors part-time fl-Università ta' Malta għal diploma fis-Saħħa u s-Sigurtà. Sussegwentamwent kienu reklutati żewġ spetturi tas-saħħa u s-sigurtà u bħalissa għaddej il-proċess biex jitqabbdu ma' dan il-Unit numru ieħor ta' spetturi u trainee inspectors.
Francis Zammit Dimech qal li minn ċifri miġbura minn dan il-Unit jirriżulta li fost il-ħaddiema tat-Taqsima tax-Xogħlijiet ikun hemm medja ta' 64 korriment fis-sena, jew 1.6 fil-mija tal-ħaddiema. Qal li 40 fil-mija ta' dawk li jweġgħu huma ta' eta' fuq il-50 sena u 20 fil-mija tal-korrimenti huma serji.
Hu qal li f'sena jittieħdu madwar 1,250 jum ta' leave għall-korriment. Il-Ministru Zammit Dimech qal li minn mindu twaqqaf dan il-Unit ittieħdu diversi inizjattivi dwar is-saħħa u s-sigurtà fil-post tax-xogħol. Dawn l-inizjattivi diġà qed jagħtu riżultati pożittivi. Hu qal li l-Unit qed jenfażizza ma' ħaddiema oħra l-ħtieġa li jkunu familjari mal-liġi u regolamenti lokali dwar is-saħħa u s-sigurtà fil-post tax-xogħol, qed isiru spezzjonijiet fil-postijiet tax-xogħol u qed jittieħdu filmati tax-xogħol li jkun qe isir biex wara jiġi diskuss mal-haddiema li jkunu involuti f'dawn il-proġetti n-nuqqasijiet li joħorġu mill-filmati.
Francis Zammit Dimech qal li dan il-Unit qed jilħaq lill-ħaddiema anke permezz ta' materjal informattiv, posters u għajnuna oħra viżwali.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li minbarra l-edukazzjoni, il-Unit Intern dwar Saħħa u Sigurtà qed jikseb l-ilbies u t-tagħmir kollu ta' sigurtà għall-ħaddiema fi ħdan it-Taqsima tax-Xogħlijiet. Hu fakkar li d-Dipartiment tad-Drenaġġ kien diġà investa madwar kwart ta' miljun lira f'tagħmir għall-ħaddiema. Qal li kienu ippreparati 11-il proċedura għall-ħruġ ta' offerti u ħargu kuntratti annwali ghal żraben tat-tromba, boots tal-lastku, ingwanti tal-lastku u nitrile, nuccalijiet, goggles, maskli u respirators bil-valve, earplugs, earmuffs u elmijiet. Bħalissa qed ikunu ppreparati offerti għal ilbies ta' sigurtà. Hu qal li flimkien ma' dan ix-xiri ta' materjal u tagħmir id-Diviżjoni qed tinkludi fil-Ħtigiet Ġenerali tal-kuntratti klawsola obbligatorja dwar is-saħħa u s-sigurtà.
Francis Zammit Dimech qal li issa dan il-Unit ipprepara Dokument dwar is-Saħħa u s-Sigurtà għat-Taqsima tax-Xogħlijiet, bl-Ingliż u bil-Malti kif ukoll sommarju ta' dan id-dokument. Dan sar skond il-ħtiġiet tal-Ligi dwar l-Awtorità dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fil-Post tax-Xogħol. Hu qal li dan id-Dokument, flimkien ma' wirja dwar inizjattivi li qed jittieħdu f'dan ir-rigward, hu pass ieħor importanti fil-ħidma li qed issir biex il-ħaddiema jaħdmu f'aktar sigurtà fil-postijiet tax-xogħol tagħhom.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura irringrazzja lil kull min ħadem biex twaqqaf dan il-Unit u biex kien ippreparat dan id-dokument. Hu qal li l-inċidenti fil-post tax-xogħol kienu jiswew miljuni tal-liri fis-sena lill-Gvern. Iżda aktar mill-flus inċidenti bħal dawn kienu jwasslu biex jintilfu riżorsi umani sew permezz ta' inċidenti u l-agħar meta jkun hemm imwiet. Francis Zammit Dimech ħeġġeġ lill-ħaddiema kollha biex ikunu aktar konxji minn dak kollu li jwassal għal inċidenti fil-post tax-xogħol u biex jilbsu l-ilbies protettiv u jaġħmlu użu mit-tagħmir li jingħatalhom.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN