Left arrow Mur Lura

DISKORS MILL-ONOR. CENSU GALEA, MINISTRU GHAT-TRASPORT U KOMUNIKAZZJONI, FL-OKKAŻJONI TAT-TWAQQIF TAL-MALTA LEGISLATIVE RESEARCH AND DEVELOPMENT COUNCIL

PR622
Date Icon 07/05/2002

Sinjuri,

It-trasport, li fiħ innifsu huwa industrija globali u minghajr limitu, qed dejjem jevolvi, speċjalment fis-settur marittimu. Permezz ta' koperazzjoni internazzjonali li twassal għall-iffirmar ta' konvenzjonijiet marittimi, is-settur qed isir ukoll dejjem iżjed regolat. Għaldaqstant, sabiex din l-industrija regolata tħalli l-aħjar effetti tagħha speċjalment fil-qasam tas-sigurta', il-pajjiżi marittimi iridu jagħmlu l-parti tagħhom billi jinkludu dawn il-konvenzjonijiet fil-legislazzjoni nazzjonali tagħhom u billi jkabbru l-istandards permezz tat-tisħiħ fl-amministrazzjoni nazzjonali.

Malta tiftaħar bi tradizzjoni marittima twila fejn l-industrija marittima hija waħda avvanzata li tinkludi wieħed mill-akbar reġistri ta' bastimenti fid-dinja. Bla dubju, kulħadd jagħraf li jeżistu opportunitajiet għal aktar tkabbir u żvilupp tal-faċilitajiet u s-servizzi marittimi Maltin fit-tliett setturi ewlenin - dawk tal-merchant shipping, tal-portijiet u tal-yachting.

Il-Gvern huwa impenjat u determinat li jippromwovi u jkompli jiżviluppa lil Malta bħala pajjiż marittimu. Hija wkoll il-politika tal-Gvern li jkabbar il-kwalita' tas-servizz mogħti u skond il-prinċipji li għadni kif semmejt. Aħna mpenjati wkoll li niżguraw l-iżvilupp ta' dak li diġa huwa qafas legali sofistikat. Dan l-iżvilupp iżda, m'għandux isir bl-addoċċ. Huwa importanti wkoll li mhux biss il-leġislazzjoni Maltija tkun taqbel mal-konvenzjonijiet u l-prattiċi internazzjonali, iżda li b'mod aktar attiv, kemm l-awtoritajiet kif ukoll l-industrija jinvolvu ruħhom flimkien b'mod attiv fl-iżvilupp ta' legislazzjoni lokali u internazzjonali.

L-avveniment tal-lum, fejn qed jitwaqqaf b'mod formali l-Kunsill għar-Riċerka u l-Iżvilupp, fi ħdan l-Assoċjazzjoni Maltija għal-Ligi Marittima, jixhed it-twemmin ta' dawk kollha konċernati fl-importanza li din il-politika sseħħ.

Bħala parti mill-politika ta' djalogu, il-Gvern, għal aktar minn għaxar snin ħadem qrib l-industrija, b'mod partikolari ma' dawk involuti fil-liġi marittima, sabiex iwettaq tibdil importanti ferm fil-liġijiet li jikkonċernaw it-tbaħħir merkantili. Dan deher b'mod partikolari matul is-sena 2000, meta saru bidliet estensivi fl-Att dwar il-Bastimenti Merkantili.

It-twaqqif ta' dan il-Kunsill għar-Riċerka u l-Iżvilupp, li jinkludi l-Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni, li taħtu taqa' l-industrija marittima, l-Awtorita' Marittima Maltija, l-Ufficju ta' l-Avukat Ġenerali u l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Ligi Marittima, huwa prova ta' din is-sħubija. Barra minhekk, din l-inizjattiva tipprovdi permanentament l-infrastruttura neċessarja u li l-iżvilupp leġislattiv isir b'mod strutturat u eventwalment wieħed iktar attiv; u mhux b'reazzjoni għall-espansjoni tas-servizzi u l-attivitajiet marittimi f'Malta. Barra minhekk, din is-sħubija ser tinvolvi b'mod dirett, lill-industrija u l-Gvern, permezz ta' l-Awtorita' Marittima Maltija.

L-amministrazzjoni ta' dan il-kunsill se tithalla f'idejn l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Ligi Marittima. Dan jiżgura li l-Kunsill ser jindirizza l-bżonnijiet ta' l-industrija mill-bidu nett, jiġifieri mill-iżvilupp leġislattiv sal-vetting finali tal-liġi qabel ma' din tiġi mressqa għad-diskussjoni fil-Parlament jew quddiem ir-regolaturi.

Ser tkun ir-responsabbilta' tal-Kunsill li jespandi u jkompli jibni fuq il-liġijiet li diġa' jeżistu. Dan għandu jassigura li b'hekk l-industrija marittima, li hija waħda dinamika tkun amministrata ukoll b'liġi marittima li ma tkunx waħda statika. Hemm bżonn li tkun sensittiva u fl-istess ħin twassal għall-bidla. Din is-sinerġija bejn il-Gvern u l-industrija ser tkompli toħloq proċess kontinwu fejn jiġu rfinuti l-prattiċi leġislattivi u marittimi; u fl-istess waqt iġġib it-tibdil li jkun hemm bżonn f'waqtu, u b'mod li jkun jaqbel mal-bżonnijiet ta' l-industrija u ta' dawk kollha involuti, u fl-aħjar interessi ta' Malta.

Is-sena l-oħra, il-Gvern u l-Awtorita' Marittima Maltija stqarrew l-impenn tagħhom lejn il-komunita' marittima internazzjonali u lejn l-Unjoni Ewropea fejn taw bidu għal pjan ta' azzjoni progressiv u aggressiv, sabiex jimplimentaw għadd ta' żviluppi leġislattivi, istituzzjonali u organiżżattivi fis-settur marittimu.

Numru sostanzjali ta' regolamenti jinsabu lesti sabiex jitpoġġew fis-seħħ fejn il-parti l-kbira tagħhom kienu żviluppati minn esperti fl-industrija u mill-professjoni legali Maltija. Għalhekk, it-twaqqif ta' dan il-Kunsill ma setax ġie fi zmien aktar adattat minn dan u nittama li ma jdumx ma jibda' jaqdi r-rwol tiegħu billi jgħin lill- Ministeru u lill-Awtorita' Marittima Maltija sabiex jibdew igibu fis-seħħ it-tibdil leġislattiv.

Għaldaqstant, intenni li l-Kunsill irid iħares 'il quddiem. Ix-xoghol li sar fil-passat u l-ħidma li hemm bħalissa, iridu jikkumplimentaw lil xulxin sabiex jiżguraw proċess dinamiku u kontinwu. Il-ġejjieni ta' Malta bħala membru attiv ta' l-Unjoni Ewropea u bħala parteċipant progressiv fi ħdan il-komunita' marittima internazzjonali jitlob li Malta tkun pajjiż marittimu dinamiku. Il-Kunsill għalhekk, irid jiżgura li jipprovdi l-mekkaniżmu leġislattiv neċessarju sabiex joħloq dan id-dinamiżmu u li jagħti bidu għal proġetti u ideat ġodda.

It-twaqqif ta' dan il-Kunsill għar-Riċerka u l-Iżvilupp huwa wieħed mill-inizjattivi li qed nieħdu speċjalment f'dan iż-żmien ta' bidliet kbar. Għalhekk, l-avveniment tal-lum mhuwiex it-tmiem iżda l-bidu ta' vjaġġ.

Għalhekk, nikkonkludi billi nġedded il-fiduċja tiegħi u tal-Gvern fil-membri maħtura ta' dan il-Kunsill li lilhom qed nafdaw bl-iżvilupp tal-leġislazzjoni marittima nazzjonali u l-ħolqien ta' aktar tkabbir ta' l-industrija fil-ġejjieni għall-kontribut lejn l-ekonomija ta' Malta.

Filwaqt li nirringrazzja kemm lill-Awtorita' Marittima Maltija kif ukoll lill-Assoċjazzjoni tal-Liġi marittima Maltija għall-inizjattiva tagħhom, nixtiqilkom kull suċċess u nwiegħed l-għajnuna kollha minn naħa tal-Gvern.

Grazzi.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

Aktar Stqarrijiet Right arrow