IL-PRESIDENT JILQA' LILL-UFFIĊJALI TAL-MALTA PRESS CLUB FL-OKKAŻJONI TAL-JUM DINJI TAL-LIBERTA' TAL-ISTAMPA
L-E.T. il-Prof. Guido de Marco, President ta' Malta, laqa' lill-President u l-uffiċjali tal-Malta Press Club dalgħodu fil-Palazz, Valletta, fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Liberta' ta' l-Istampa li qed jiġi ċċelebrat illum.
Is-Sur Malcolm J. Naudi, President tal-Malta Press Club, tkellem fuq l-importanza tal-liberta' ta' l-istampa u semma r-riskju li jgħaddi minnu l-ġurnalist biex jiġbor u jwassal l-informazzjoni. Hu qal li statistika reċenti turi li, fuq is-sena li għaddiet, żdied in-numru ta' inċidenti li fihom kien involut il-ġurnaliżmu internazzjonali.
Is-Sur Naudi qal li każijiet bħal dawn iseħħu anki f'pajjiżna waqt li l-ġurnalist ikun qiegħed fuq xogħol ta' rappurtaġġ. Il-Malta Press Club, qal is-Sur Naudi, dejjem kienet minn ta' qudddiem biex tiddefendi d-drittijiet tal-ġurnalisti u l-prinċipju tal-liberta' ta' l-istampa.
Il-Prof. Guido de Marco, President ta' Malta, qal li l-liberta' ta' l-istampa hija fondamentali għad-demokrazija tal-pajjiż. Fi kliem il-President, il-liberta' ta' l-istampa, minbarra għodda għall-ġurnalisti hija prinċipalment dritt tagħna lkoll. Dan għaliex kull individwu għandu l-liberta' li jwassal il-fehma tiegħu, d-dritt li jisma l-fehmiet ta' ħaddieħor u d-dritt li jkun infurmat. Il-President ta' Malta qal li l-liberta' tal-fehmiet tisseddaq u titwettaq f'demokrazija, iżda hija liberta' marbuta fil-parametri tal-liġi li tiggarantixxi li dan id-dritt jitwettaq b'responsabbilita'.
Il-President, qal li f'Malta llum il-gurnata, għandna klima pożittiva; fejn minkejja fil-kritika ħarxa li nistgħu nagħmlu lejn xulxin qed ngħixu f'liberta', u kull min għandu opinjoni għandu d-dritt u l-mezz li jwassalha. Dan jixhdu l-evoluzzjoni tal-media f'Malta fejn illum il-ġurnata apparti d-diversi ġurnali hemm stazzjonijiet tar-radju u tat-televiżjoni li jwasslu l-informazzjoni.
Il-Prof. Guido de Marco appella biex din il-liberta' tkompli tintuża bil-għaqal u biex fil-kliem li jinkitbu u f'dawk li jintqalu jinbena r-rispett lejn xulxin. "Hekk tfisser liberta' b'responsabbilita': l-għebusija tal-fehmiet li wieħed għandu m'għandhomx jittrażmettu ruħhom fi kliem negattiv fuq xulxin." Huwa tkellem ukoll fuq il-fatt li fil-ġranet u x-xhur li ġejjin, il-pajjiż se jgħaddi minn dibattitu iktar robust. "Hija f'din il-klima li jeħtieg niftakru iktar f'dawn il-prinċipji," qal il-President.
Il-Prof. de Marco qal li għandu fiduċja fil-ġurnalizmu Malti li, tul is-snin, dejjem inbidel għall-aħjar u sar parti integrali mis-soċjeta'.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN