Left arrow Mur Lura

DISKORS MILL-ONOR. EDWARD FENECH ADAMI, PRIM MINISTRU, WAQT ĊERIMONJA F'GĦELUQ L-GĦAXAR ANNIVERSARJU MIT-TWAQQIF TAL-KUNSILL NAZZJONALI TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ - IL-FURJANA - 3 TA' MEJJU 2002.

PR607
Date Icon 03/05/2002

Iż-żgħożija hija żmien ta' kontradizzjoni. Żmien li fih insiru aktar responsabbli, żmien li fih nimmaturaw. Iżda huwa ukoll iż-żmien ta' ribelljoni. Iż-żmien fejn ma naċċettawx risposti bħal "dejjem hekk kien" jew "għax hekk hemm bżonn". Mad-daqqa t'għajn, il-maturità u s-sens ta' ribelljoni jidhru li huma żewġ karatteristiċi li jmorru kontra xulxin. Imma jekk wieħed jaħseb sew malajr jinduna li r-responsabiltà titlob li ma naċċettawx l-affarijiet b'għajnejna magħluqa. Il-maturità titlob li nsaqsu u niddiskutu.

Il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ kien twaqqaf proprju bil-għan li jippromovi d-diskussjoni fost iż-żgħażagħ. Dan il-għan jidhirli ntlaħaq matul l-għaxar snin li għaddew. Il-Kunsill kien dejjem minn ta' quddiem biex ilaqqa' flimkien l-ideat diversi taż-żghażagħ kollha tas-soċjetà tagħna. B'hekk inħolqot pjattaforma li tat kontribut relevanti fl-iżvolġiment ta' diversi diskussjonijiet li kien hawn f'pajjiżna.

Barra mill-kisbiet lokali, l-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ irnexxielu jagħmel ukoll kisbiet fuq livell internazzjonali. Ta' min isemmi li l-Kunsill kien il-pijunier fit-twaqqif ta' Djalogu bejn żgħażagħ mill-pajjiżi Ewropej u l-pajjiżi Għarab. Fl-1994 laqa' tmenin parteċipant minn l-Ewropa u l-pajjiżi Għarab, u aktar 'il quddiem kien ukoll wieħed mill-protagonisti fit-twaqqif tal-Mediterranean Youth Forum fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Bħala membri tal-European Youth Forum, kif ukoll bħala fundaturi u membri tal-Mediterranean Youth Forum, il-Kunsill qed ikun kontinwament involut bis-sħiħ fil-formulazzjoni tad-dikjarazzjonijiet politiċi li jirriflettu t-twemmin taż-żgħażagħ Maltin u Ewropej.

L-attività li wettaq dan il-Kunsill f'dawn l-għaxar snin hija xiehda ta' kemm kien hawn bżonn ta' vuċi li tirrapreżenta liż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin. Illum f'pajjiżna, id-djalogu sar parti integrali ta' kif jittieħdu d-deċiżjonijiet. Spiċċa ż-żmien ta' l-għamad, ta' l-ordni minn fuq. Illum kulħadd jippretendi bid-dritt li jkun involut fit-teħied tad-deċiżjonijiet li jaffetwawh. U hekk għandu jkun. Iżda din is-sistema ġdida ta' kif isiru d-deċiżjonijiet għandha prezz.

Il-proċess ta' konsultazzjoni jitlob lil kull wieħed minna sabiex nifhmu xi jkun għaddej madwarna, li nifhmu xi sfidi għandna quddiemna, li nħarsu lil hinn minn x'jaqbel issa u li naraw il-ġid komuni u x'jaqbel għal futur. Forsi ż-żgħażagħ dan jifmuh aktar minn ħaddieħor. Id-dinja tagħkom għada ser tibda.

Bħala Kunsill intom żgur li fhimtu li jekk trid li d-dinja ta' għada tkun aħjar, trid taħdem għaliha llum. Fuq livell Ewropej bħalissa qed tkun diskussa l-White Paper A new impetus for European youth. Nieħu pjaċir ninnota li żgħażagħ Maltin, fosthom membri mill-Kunsill diġà, esprimew il-ħsibijiet tagħhom. Ħafna mis-suġġerimenti ta' din il-White Paper huma sewwasew miżuri li ser jolqtu liż-żgħażagħ direttament, bħal ngħidu aħna miżura fuq ix-xogħol, l-edukazzjoni u t-taħriġ u s-saħħa. Nappella lill-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ għax-xhur u snin li ġejjin, li jwasslu l-messaġġ liż-żgħażagħ, li l-Ewropa għandha bżonn is-sehem tagħhom, għandha bżonn l-ideat tagħhom u l-opinjonijiet tagħhom. Huwa żmien opportun li tkunu forza pożittiva fil-bini ta' l-Ewropa.

Nixtieq nagħlaq dan il-messaġġ qasir billi nifraħ lil kull min ta sehmu matul dawn l-aħħar għaxar snin sabiex il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ kiseb ir-rispett. Nawgura lil kull min qiegħed f'dan il-Kunsill sabiex ikompli jaħdem sabiex żgħażagħ, inkluż dawk li mhumiex attivi f'xi organizzazzjoni jew assoċjazzjoni, ikollhom vuċi li twassal u li tiddetermina ġejjieni dejjem aħjar.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

Aktar Stqarrijiet Right arrow